2010-2019
Il-Ferħ tal-Qaddisin
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Il-Ferħ tal-Qaddisin

Il-ferħ niksbuh meta nżommu l-kmandamenti ta’ Kristu, meta negħlbu n-niket u d-dgħjufija permezz Tiegħu, u meta nservu kif serva Hu.

Enos, profeta mill-Ktieb ta’ Mormon, in-neputi ta’ Leħi, kiteb dwar esperjenza mill-aktar unika li seħħet aktar kmieni f’ħajtu. Meta kien qiegħed waħdu għall-kaċċa fil-bosk, Enos beda jixtarr dwar it-tagħlim ta’ missieru, Ġakobb. Huwa qal, “Il-kliem li spiss smajt lil missieri jtenni dwar il-ħajja eterna u l-ferħ tal-qaddisin, għożżejtu fil-fond ta’ qalbi.”1 Bil-ġuħ spiritwali li kellu f’ruħu, Enos niżel għarkupptejh jitlob talba meraviljuża li damet sejra l-jum kollu kif ukoll mal-lejl, talba li wasslitlu ċerti rivelazzjonijiet, konvinzjonijiet, u wegħdiet kruċjali.

Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza ta’ Enos, iżda llum l-impressjoni qawwija li għandi f’moħħi hi l-memorja li kellu Enos ta’ missieru jitkellem ta’ spiss dwar “il-ferħ tal-qaddisin.”

Tliet snin ilu waqt din il-konferenza, il-President Russell M. Nelson tkellem dwar il-ferħ.2 Fost affarijiet oħra, huwa qal:

“Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.

“Meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna. Il-ferħ jiġi mingħandu u minħabba fih. … Għall-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, Ġesù Kristu ifisser ferħ!”3

Il-qaddisin huma dawk li daħlu fil-patt tal-evanġelju permezz tal-magħmudija u qed jagħmlu li jistgħu biex jimxu wara Kristu bħala dixxipli Tiegħu.4 B’hekk, “il-ferħ tal-qaddisin” jindika l-ferħ li ssir tixbah lil Kristu.

Nixtieq nitkellem dwar il-ferħ li nesperjenzaw meta nżommu l-kmandamenti Tiegħu, il-ferħ li jitfaċċa meta negħlbu n-niket u d-dgħjufija permezz Tiegħu, u l-ferħ inerenti meta nservu kif serva Hu.

Il-Ferħ li Nżommu l-Kmandamenti ta’ Kristu

Aħna ngħixu fi żmien edonistiku meta ħafna huma li jiddubitaw l-importanza tal-kmandamenti tal-Mulej jew sempliċiment jinjorawhom. Ħafna drabi, in-nies li jinjoraw apposta ċerti direttivi divini, bħal-liġi tal-kastità, l-istandard tal-onestà, u l-qdusija tas-Sabbath, jidhru li jkunu qed jirnexxu u jgawdu l-affarijiet tajbin tal-ħajja, xi kultant anke iżjed minn dawk li qed jagħmlu li jistgħu biex ikunu ubbidjenti. Xi wħud jibdew jistaqsu lilhom infushom jekk l-isforz u s-sagrifiċċji humiex vallapena. Il-poplu ta’ Iżrael tal-qedem darba ilmenta:

“Intom tgħidu: Hu għalxejn li taqdi lil Alla! U x’jiswa jekk ħarisna t-twissijiet tiegħu u jekk imxejna b’qalb imnikkta quddiem il-Mulej tal-eżerċti?

“Mela issa ħa nsejħulhom aħna hienja n-nies kburin; dawk kollha li jagħmlu l-ħażen mhux biss imurilhom kollox bir-riżq, imma wkoll meta jġarrbu ’l Alla jeħilsuha ħafif.”5

Stennew ftit, qal il-Mulej, sakemm “intom tkunu għalija teżor limabħalu. … Imbagħad … tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.”6 Il-ħżiena jafu “jesperjenzaw il-ferħ f’ħidmiethom għal ftit żmien,” iżda dan se jkunu dejjem temporanju.7 Il-ferħ tal-Qaddisin huwa dejjiem.

Alla jara l-affarijiet fil-vera perspettiva tagħhom, u Huwa jaqsam dik il-perspettiva magħna permezz tal-kmandamenti Tiegħu, billi effettivament jiggwidana qalb il-perikli u d-diffikultajiet tal-ħajja mortali lejn il-ferħ etern. Il-Profeta Joseph Smith spjega: “Meta l-kmandamenti Tiegħu jgħallmuna, dan it-tagħlim ikun mill-perspettiva tal-eternità; għaliex Alla jħares lejna bħallikieku ninsabu fl-eternità; Alla jgħammar fl-eternità u ma jħarisx lejn l-affarijiet kif inħarsu lejhom aħna.”8

Għadni qatt ma ltqajt ma’ persuna li sabet l-evanġelju tard f’ħajjitha u ma xtaqetx li kienet sabitu aktar kmieni. “O, kemm għażliet ħżiena u żbalji stajt evitajt,” tismagħhom jgħidu. Il-kmandamenti tal-Mulej huma l-gwida tagħna għal għażliet aħjar u riżultati aktar ferħana. Kemm għandna għalfejn nifirħu u nirringrazzjawh talli wriena din it-triq aktar eċċellenti.

Sister Kamwanya

Meta kienet għadha żagħżugħa, Sister Kalombo Rosette Kamwanya mir-Repubblika Demokratika tal-Congo, li issa qed isservi fil-Missjoni tal-Punent ta’ Abidjan, fil-Kosta tal-Avorju, għamlet tliet ijiem issum u titlob biex issib id-direzzjoni li Alla riedha tieħu. F’viżjoni meraviljuża li kellha mal-lejl, hija ġiet murija żewġ tipi ta’ bini, kappella u post li issa tifhem li kien tempju. Hija bdiet tfittex u ma damitx ma sabet il-kappella li rat fil-ħolma tagħha. It-tabella kienet tgħid, “Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.” Sister Kamwanya tgħammdet u wara tgħammdu ommha u s-sitt ħutha subien. Sister Kamwanya qalet, “Meta rċevejt l-evanġelju, jiena ħassejtni bħal għasfur li ġie meħlus mill-gaġġa. Qalbi mtliet bil-ferħ. … Jiena kelli l-assigurazzjoni li Alla jħobbni.”9

Li nżommu l-kmandamenti tal-Mulej iwassalna biex inħossu mħabbtu b’aktar faċilità u bis-sħiħ. It-trejqa stretta u dejqa tal-kmandamenti twassal direttament sas-siġra tal-ħajja, u s-siġra u l-frott tagħha, l-aktar ħelu u “l-aktar mixtieq fost kull ħaġa oħra,”10 huma rappreżentazzjoni tal-imħabba ta’ Alla u jimlew ir-ruħ “b’ferħ kbir immens.”11 Is-Salvatur qal:

“Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.

“Għedtilkom dan, biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.”12

Il-Ferħ li Negħlbu l-Isfidi permezz ta’ Kristu

Anke meta nkunu qed inżommu b’fedeltà l-kmandamenti, aħna nafu niffaċċjaw ċerti sfidi u traġedji li jistgħu jinterrompu l-ferħ tagħna. Iżda hekk kif aħna nagħmlu li nistgħu biex negħlbu dawn l-isfidi bl-għajnuna tas-Salvatur, dan jippreserva kemm il-ferħ li nħossu bħalissa kif ukoll il-ferħ li qed nantiċipaw. Kristu aċċerta lid-dixxipli Tiegħu, “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt lid-dinja.”13 Huwa meta aħna nduru lejh, nobduh, u norbtu lilna nfusna miegħu, li l-isfidi u n-niket jinbidlu f’ferħ. Se nsemmi eżempju wieħed.

Fl-1989, Jack Rushton kien qed iservi bħala president tal-Wited ta’ Irvine f’Kalifornja ġewwa l-Istati Uniti. Waqt btala mal-familja madwar il-kosta ta’ Kalifornja, Jack kien qed jisserfja fuq l-ilma meta mewġa kinsitu ma’ blata mgħottija bl-ilma, fejn spiċċa kiser għonqu u weġġa’ severament il-nerv tas-sinsla tiegħu. Aktar tard Jack qal, “Mal-mument tal-impatt, kont naf li pparalizzajt ruħi.”14 Huwa ma setax aktar jitkellem jew saħansitra jieħu nifs mingħajr assistenza.15

Familja u ħbieb jgħinu lill-familja Rushton

Il-familja, il-ħbieb u l-membri tal-wited ilkoll appoġġjaw lil Brother Rushton u lil martu, Jo Anne, u, fost affarijiet oħra, għamlu ċertu tibdil f’parti mid-dar tagħhom biex jakkomodaw is-siġġu tar-roti ta’ Jack. Jo Anne saret il-persuna ewlenija li għaddiet 23 sena sħaħ tieħu ħsieb lil Jack. Meta kienet qed tirreferi għar-rakkonti fil-Ktieb ta’ Mormon dwar kif il-Mulej żar lill-poplu Tiegħu fis-sofferenza li kien għaddej minnha u ħaffiflu t-tagħbija tiegħu,16 Jo Anne qalet, “Jiena spiss nimmeravilja ruħi bil-ferħ li nħoss f’qalbi minħabba li nieħu ħsieb żewġi.”17

Jack u Jo Anne Rushton

Alterazzjoni li saret fis-sistema respiratorja ta’ Jack spiċċat biex irrestawrat l-abbiltà tiegħu li jitkellem, u fi żmien sena, Jack ġie msejjaħ bħala għalliem tad-Duttrina tal-Evanġelju u bħala patrijarka tal-wited. Meta huwa kien ikun se jagħti barka patrijarkali, raġel ieħor li jħaddan is-saċerdozju kien iqiegħed id Brother Rushton fuq ras il-persuna li tkun se tirċievi l-barka u waqt il-barka huwa jissapportjalu idu u driegħu. Jack ħalliena Nhar il-Milied tal-2012, wara 22 sena ta’ servizz mill-aktar devot.

Jack Rushton

Darba waħda waqt intervista, Jack osserva: “F’ħajjitna lkoll sejrin niffaċċjaw il-problemi; hija parti mir-raġuni għalfejn ninsabu hawn fid-dinja. U xi nies jaħsbu li r-reliġjon jew li jkollna l-fidi f’Alla se jipproteġuna mill-affarijiet ħżiena. Ma naħsibx li dak hu l-punt. Jiena naħseb li l-punt hu li jekk il-fidi tagħna hija b’saħħitha, meta tiġri xi ħaġa ħażina, li żgur se tiġri, aħna nkunu kapaċi niffaċċjawha. … Il-fidi tiegħi qatt ma ddgħajfet, iżda dan ma jfissirx li jiena ma għaddejtx minn mumenti ta’ dipressjoni. Jiena naħseb li għall-ewwel darba f’ħajti, jiena ġejt ittestjat waħda sew, u letteralment ma kienx hemm aktar fejn immur, u għalhekk dort fuq il-Mulej, u sal-lum, jiena bqajt inħoss fija spontanjetà ta’ ferħ.”18

Ninsabu ngħixu fi żmien li xi kultant isiru attakki bla ħniena fuq il-midja soċjali u b’mod fiżiku kontra dawk li jfittxu li jżommu l-istandard tal-Mulej fl-ilbies, fid-divertiment, u fil-purità sesswali. Ħafna drabi, fost il-Qaddisin, huma ż-żgħażagħ u l-adulti żgħażagħ, kif ukoll in-nisa u l-ommijiet, li jġorru dan is-salib taż-żuffjett u l-persekuzzjoni. Mhux faċli li televa ruħek ’il fuq minn dan it-tip ta’ abbuż, iżda ftakru fil-kliem ta’ Pietru: “Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-isem ta’ Kristu, henjin intom; fuqkom għandkom l-Ispirtu tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta’ Alla.”19

Fil-Ġnien tal-Għeden, Adam u Eva kienu “fi stat ta’ innoċenza, ma kellhom l-ebda ferħ, għaliex ma kinux jafu x’inhi miżerja.”20 Issa, bħala nies responsabbli, aħna nsibu l-ferħ meta negħlbu l-miżerja, tkun ta’ liema forma tkun, kemm jekk hija d-dnub, l-isfida, id-dgħjufija, jew xi ostaklu ieħor għall-ferħ. Dan huwa l-ferħ li nagħrfu l-progress fit-triq tagħna bħala dixxipli; il-ferħ li “irċevejna maħfra … tad-dnubiet, u li għandna l-paċi tal-kuxjenza”;21 il-ferħ li nħossu ruħ xi ħadd tespandi u tikber permezz tal-grazzja ta’ Kristu.22

Il-Ferħ li Nservu kif Serva Kristu

Is-Salvatur isib il-ferħ hekk kif iġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tagħna.23 Meta kien qed jitkellem dwar l-Espjazzjoni tas-Salvatur, il-President Russell M. Nelson qal:

“F’kull ħaġa, Ġesù Kristu huma l-aqwa eżemplar tagħna, ‘li biex jikseb l-hena li giet offerta lilu, huwa qagħad għas-salib’ [Lhud 12:2]. Aħsbu ftit fuq dan! Sabiex Hu jgħaddi mill-aktar esperjenza kiefra li qatt ġiet esperjenzata fid-dinja, is-Salvatur tagħna beda jiffoka fuq l-hena!

“U x’ kienet din l-hena li kellu quddiemu? Bla dubju din kienet tinkludi l-hena talli naddafna, fejjaqna, u ssaħħaħna; l-hena talli Huwa ħallas għad-dnubiet ta’ dawk kollha li jindmu; l-hena talli għamilha possibbli għalikom u għalija biex nerġgħu lura d-dar—indaf u denji—biex ngħixu mal-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet u mal-familja tagħna.”24

Bl-istess mod, il-ferħ “li għandna quddiemna” huwa l-ferħ li nassistu lis-Salvatur fil-ħidma ta’ fidwa Tiegħu. Bħala nisel u wlied Abraham,25 aħna nipparteċipaw fit-tberik tal-familji kollha tad-dinja “bil-barkiet tal-Evanġelju, li huma l-barkiet tas-salvazzjoni, sewwasew tal-ħajja eterna.”26

F’moħħi jfeġġ kliem Alma:

“Din hi l-glorja tiegħi, li forsi nista’ nkun strument f’idejn Alla biex inwassal xi ruħ lejn l-indiema; u dan hu l-ferħ tiegħi.

“U araw, meta nara bosta minn ħuti jindmu verament, u jersqu lejn il-Mulej Alla tagħhom, hemmhekk ruħi timtela bil-ferħ. …

“Iżda jien ma nifraħx biss bis-suċċess tiegħi, iżda l-ferħ tiegħi hu aktar sħiħ minħabba s-suċċess ta’ ħuti, li jinsabu fl-art ta’ Nefi. …

“Issa, meta naħseb dwar is-suċċess ta’ dawn ħuti, ruħi toħroġ minni, sewwasew tinfired minn ġismi, u daqstant huwa kbir il-ferħ tiegħi.”27

Il-frott tas-servizz li noffru lil xulxin fil-Knisja huwa parti mill-ferħ “li għandna quddiemna.” Anke f’mumenti ta’ skoraġġiment jew stress, aħna nistgħu nimministraw bil-paċenzja lil xulxin jekk niffokaw fuq il-ferħ li nħossu meta nogħġbu lil Alla u nwasslu d-dawl, is-serħan, u l-hena lil uliedu, ħutna.

Meta x-xahar li għadda l-Presbiteru David u Sister Bednar kienu jinsabu ġewwa l-Haiti għad-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Port-au-Prince, huma ltaqgħu ma’ oħt żagħżugħa li żewġha kien inqatel ftit jiem qabel f’aċċident traġiku. Huma bkew flimkien magħha. Madankollu l-Ħadd ta’ wara din l-għażiża mara kienet tinsab f’postha bħala axer fis-servizzi tad-dedikazzjoni fejn b’daqsxejn ta’ tbissima ħelwa bdiet tilqa’ lil kull min kien dieħel fit-tempju.

Jien nemmen li l-akbar “ferħ tal-qaddisin” jasal meta jkunu jafu li s-Salvatur jiddefendi l-kawża tagħhom,28 “u ħadd ma jista’ jimmaġina x’ferħ kbir se nħossu hekk kif nisimgħu lil Ġesù jitlob f’isimna lill-Missier.”29 Mal-President Russell M. Nelson, jiena nixhed li l-ferħ huwa rigal mogħti lill-Qaddisin fidili “li ġarrbu s-slaleb tad-dinja”30 u li jinsabu “intenzjonalment jippruvaw jgħixu ħajja tajba, kif għallimna Ġesù Kristu.”31 Jalla l-ferħ tagħkom ikun sħiħ, jiena nitlob f’isem Ġesù Kristu, amen.