2010-2019
Meta Jmissna s-Salvatur
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Meta Jmissna s-Salvatur

Hekk kif aħna nersqu lejh, Alla jiġi biex jgħinna, kemm jekk biex ifejjaqna jew inkella biex jagħtina l-qawwa li niffaċċjaw kwalunkwe sitwazzjoni.

Madwar 2,000 sena ilu, is-Salvatur niżel minn fuq il-muntanja wara li Huwa għallem il-Beatitudnijiet u prinċipji oħra tal-evanġelju. Hekk kif Huwa beda miexi, mar fuqu raġel marid bil-ġdiem. B’ċerta qima u rispett ir-raġel niżel għarkupptejh quddiem Kristu, jitlob li jinħeles mis-sofferenza tiegħu. It-talba tiegħu kienet sempliċi: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni.”

Imbagħad is-Salvatur ħareġ idu, messu, u qal, “Irrid; kun imfejjaq.”1

Hawnhekk aħna nitgħallmu li s-Salvatur tagħna dejjem irid iberikna. Ċerti barkiet nafu niksbuhom immedjatament, oħrajn jafu jieħdu aktar żmien, u xi wħud nafu niksbuhom saħansitra wara din il-ħajja; iżda li hu żgur hu li dawn il-barkiet niksbuhom meta jkun il-waqt.

L-istess bħall-imġiddem, aħna nistgħu nsibu l-qawwa u l-faraġ f’din il-ħajja billi naċċettaw ir-rieda Tiegħu u nagħrfu li Hu jrid iberikna. Aħna nistgħu nsibu l-qawwa li niffaċċjaw kwalunkwe sfida biex negħlbu t-tentazzjoni, u biex nifhmu u nibqgħu nirreżistu ċ-ċirkustanzi diffiċli tagħna. Bla dubju, f’wieħed mill-aktar mument diffiċli ta’ ħajtu, il-qawwa tas-Salvatur li jibqa’ jirreżisti kibret hekk kif Huwa qal lil Missieru, “Ikun li trid int.”2

Ir-raġel imġiddem ma marx jitlob lill-Mulej b’mod pretenzjuż jew insistenti. Kliemu kien jirrifletti attitudni umli, b’aspettattivi għoljin iżda wkoll xewqa sinċiera li tiġi fis-seħħ ir-rieda tas-Salvatur. Dan huwa eżempju tal-attitudni li biha aħna jeħtieġ nersqu quddiem Kristu. Aħna nistgħu nersqu lejn Kristu biċ-ċertezza li x-xewqa Tiegħu bħalissa hi, u dejjem se tkun, li Hu jrid l-aħjar għalina, kemm f’din il-ħajja mortali kif ukoll fl-eternità. Huwa għandu perspettiva eterna li aħna m’għandniex. Aħna jeħtieġ li nersqu lejn Kristu b’xewqa sinċiera li r-rieda tagħna se tiġi kkunsmata fir-rieda tal-Missier, kif ġiet Tiegħu.3 Din tħejjina għall-ħajja eterna.

Hu diffiċli ħafna nimmaġinaw is-sofferenza fiżika u emozzjonali li kien qed iġorr ir-raġel imġiddem li mar fuq is-Salvatur. Il-ġdiem jaffettwa in-nervituri u l-ġilda, u jikkawża kemm disfigurazzjoni kif ukoll diżabbiltà. Barra minn hekk, kien iwassal ukoll għal stigma soċjali kbira. Persuna bil-ġdiem kien ikollha tħalli l-maħbubin tagħha warajha u tmur tgħix iżolata mis-soċjetà. L-imġiddmin kienu kkunsidrati bħala nies imniġġsa, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Għal din ir-raġuni, il-liġi ta’ Mosè kienet tirrikjedi li l-imġiddmin jilbsu lbies imqatta’ u jgħajtu, “Imniġġes!” waqt li jkunu mexjin.4 Morda u mistmerra, l-imġiddmin kienu jispiċċaw jgħixu fi djar jew oqbra abbandunati.5 Mhux diffiċli timmaġinaw li r-raġel imġiddem li mar fuq is-Salvatur kien qed iħossu veru mkisser.

Xi kultant—b’xi mod jew ieħor—aħna wkoll nistgħu nħossuna mkissrin, kemm jekk minħabba l-għemejjel tagħna stess jew ta’ ħaddieħor, kemm minħabba ċirkustanzi li għandna jew m’għandniex kontroll fuqhom. F’mumenti bħal dawn, aħna nistgħu nafdaw ir-rieda tagħna f’idejh.

Ftit tas-snin ilu, Zulma—il-mara twajba tiegħi—irċeviet aħbar diffiċli, ġimgħatejn biss qabel it-tieġ ta’ wieħed minn uliedna. Hija kellha tumur fil-glandola parotida tagħha, u din kienet qed tikber b’rata mgħaġġla. Wiċċha beda jintefaħ, u hi immedjatament kellha tagħmel operazzjoni mill-aktar delikata. Għaddew minn moħħha bosta ħsibijiet u nkwetat bil-kbir. It-tumur kien malinni? Kif kien se jirkupra ġisimha? Hija se tispiċċa b’wiċċha pparalizzat? Kemm kienet se tkun muġugħa? Hija se tibqa’ bil-marki permanenti fuq wiċċha? It-tumur seta’ jerġa’ jitfaċċa ladarba jitneħħa? Kienet se tkun tista’ tattendi t-tieġ tat-tifel tagħna? Hekk kif kienet minduda fil-kamra tal-operazzjoni, ħassitha verament imkissra.

F’dak il-mument mill-aktar importanti, l-Ispirtu qalilha b’leħen sieket li hi kellha taċċetta r-rieda tal-Missier. Imbagħad hija ddeċidiet li tafda f’idejn Alla. Hija ħasset b’qawwa li kien x’kien ir-riżultat, ir-rieda Tiegħu kienet se tkun l-aħjar għaliha. Wara ftit ħin hija daħlet f’raqda kirurġika.

Aktar tard, hija kitbet b’mod mill-aktar poetiku fid-djarju tagħha: “Fuq il-medja tal-kirurgu jiena baxxejt rasi quddiemek u erħejt ruħi f’idejk, u rqadt. Kont naf li stajt nafda fik, għax naf li minnek ma jista’ jiġi xejn ħażin.”

Hija sabet il-qawwa u l-faraġ hekk kif rat li r-rieda tagħha tkun ir-rieda tal-Missier. Dak inhar, Alla berikha verament.

Ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħna, aħna nistgħu neżerċitaw il-fidi tagħna li nersqu lejn Kristu u nsibu lil dak Alla li nistgħu nafdaw fih. Kif darba kiteb Gabriel, wieħed minn uliedi:

Skont il-profeta, wiċċ Alla jiddi aktar mix-xemx

u xagħru hi aktar bajda mis-silġ

u leħnu jitriegħed bħat-tqanqil tax-xmara,

u l-bniedem mhu xejn ħdejh. …

Inħossni megħlub kif nagħraf li anke jien m’jien xejn.

U sewwasew f’dak il-mument li jien nintelaq f’idejn alla li nista’ nafda.

U sewwasew f’dak il-mument li niskopri lil dak Alla li nista’ nafda.6

Alla li nistgħu nafdaw fih ikattar it-tama tagħna. Aħna nistgħu nafdawh għaliex Huwa jħobbna u jrid l-aħjar għalina f’kull ċirkustanza.

Ir-raġel imġiddem resaq lejn il-Mulej minħabba l-qawwa tat-tama. Id-dinja ma tagħtu l-ebda soluzzjoni, lanqas faraġ. Għalhekk, meta s-Salvatur dar fuqu u missu, jista’ jkun li ħassu bħallikieku kien qed jgħannqu miegħu b’imħabba. Aħna nistgħu biss nimmaġinaw is-sentimenti profondi ta’ gratitudni li r-raġel imġiddem seta’ ħass kif messu s-Salvatur, speċjalment meta hu sema’ l-kliem “Irrid; kun imfejjaq.”

L-istorja tiddikjara li “minnufih ġismu ndaf mill-ġdiem.”7

Aħna wkoll nistgħu nħossu lis-Salvatur imissna bl-id Tiegħu kollha mħabba u fejqan. Aħna nħossu ruħna timtela bil-ferħ, bit-tama, u bil-gratitudni kif insiru nafu li Hu jrid jgħinna nindafu! Hekk kif aħna nersqu lejh, Alla jiġi biex jgħinna, kemm biex ifejjaqna jew inkella biex jagħtina l-qawwa li niffaċċjaw kwalunkwe sitwazzjoni.

Irrispettivament, li naċċettaw ir-rieda Tiegħu—mhux tagħna—jgħinna nifhmu ċ-ċirkustanzi tagħna. Minn Alla ma jista’ jiġi xejn ħażin. Huwa jaf x’inhu l-aħjar għalina. Jista’ jkun li Huwa ma jeħlisniex immedjatament mit-tagħbija tagħna. Xi kultant Hu jaf itaffilna l-piż li nkunu qed inġorru, kif għamel ma’ Alma u l-poplu tiegħu.8 Ultimament, minħabba l-patti, aħna żgur li se neħilsu minn dik it-tagħbija,9 jekk mhux f’din il-ħajja, fir-Resurrezzjoni mqaddsa.

Xewqa sinċiera li sseħħ ir-rieda Tiegħu, flimkien ma’ għarfien tan-natura divina tal-Feddej tagħna, jgħinuna niżviluppaw it-tip ta’ fidi li r-raġel imġiddem wera biex hu seta’ jitnaddaf. Ġesù Kristu hu Alla ta’ mħabba, Alla ta’ tama, Alla ta’ fejqan, Alla li jrid iberikna u jgħinna nindafu. Dan hu dak li Hu ried qabel ġie f’din id-dinja meta Hu aċċetta minn jeddu li jsalvana meta aħna naqgħu fit-trasgressjoni. Dan hu dak li Hu ried fil-Ġetsemani meta Hu esperjenza uġigħ inkomprensibbli għalina l-bnedmin waqt l-agunija biex iħallas il-prezz tad-dnub. Dan hu dak li issa jrid meta Hu jidħol għalina quddiem il-Missier.10 Huwa għalhekk li għadna nisimgħu leħnu jtenni: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”11

Huwa jista’ jfejjaqna u jelevana minħabba li Hu għandu l-abbiltà li jagħmel dan. Huwa ħa fuqu l-uġigħ kollu tal-ġisem u tal-ispirtu ħalli Hu jimtela bil-ħniena biex ikun jista’ jgħinna f’kollox kif ukoll ifejjaqna u jelevana.12 Kliem Isaija, kif ikkwotat minn Abinadi, jiddeskrivi dan b’mod verament sabiħ u kommoventi:

“Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, u tgħabba bin-niket tagħna. …

“… Hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna; għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.”13

Dan l-istess kunċett hu mgħallem f’din il-poeżija:

“O Mastrudaxxa ta’ Nazaret,

Din il-qalb, li miksura waħda sew,

Din il-ħajja mfarrka, li qed tmut ftit ftit,

O, Mastrudaxxa, inti tista’ tfejjaqhom?”

U permezz tal-id ġentili u disponibbli Tiegħu,

Il-ħajja tant ħelwa Tiegħu tingħaqad

Mal-ħajja miksura tagħna, sakemm isiru ħaġa waħda

Ħolqien Ġdid—“kollox ġdid.”

It-tifrik tal-qalb,

Ix-xewqa, l-ambizzjoni, it-tama, u l-fidi,

Nitolbuk tipperfezzjonahom,

O, Mastrudaxxa ta’ Nazaret!”14

Jekk tħossukom li b’xi mod m’intomx indaf, jekk tħossukom imkissrin, jekk jogħġobkom kunu afu li tistgħu tindafu, intom tistgħu titfiequ, għaliex Huwa jħobbkom. Afdaw fil-ħsieb li minnu ma jista’ jiġi xejn ħażin.

Peress li Huwa “ċċekken aktar minn kollox,”15 Huwa għamilha possibbli li kull ħaġa li tinkiser f’ħajjitna tissewwa, u b’hekk aħna nkunu nistgħu nirrekonċiljaw ruħna ma’ Alla. Permezz Tiegħu, kollox jista’ jiġi rikonċiljat, kemm il-ħwejjeġ li huma fid-dinja kif ukoll fis-smewwiet, fejn jerġa’ jħabbeb kollox miegħu bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib.”16

Ejjew nersqu lejn Kristu billi nagħmlu l-passi kollha neċessarji. Hekk kif nagħmlu dan, jalla l-attitudni tagħna tkun waħda fejn ngħidu, “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni.” Jekk nagħmlu dan, aħna nħossu lill-Imgħallem imissna biex ifejjaqna, u nisimgħu l-eku ħelu ta’ leħnu: “Irrid; kun imfejjaq.”

Is-Salvatur hu Alla li aħna nistgħu nafdaw. Huwa l-Kristu, il-Midluk, il-Messija li tiegħu jiena nagħti xhieda fl-isem imqaddes Tiegħu, l-istess Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja