2010-2019
Afdaw fil-Mulej
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Afdaw fil-Mulej

L-unika ħaġa ċerta li nistgħu nafdaw fiha hi li nafdaw fil-Mulej u l-imħabba Tiegħu lejn uliedu.

Għeżież ħuti, ittra li jien irċevejt xi ftit taż-żmien ilu tintroduċi s-suġġett tad-diskors tiegħi. Il-kittieba kienet qed tikkontempla jekk għandhiex tiżżewweġ fit-tempju raġel li s-sieħba eterna tiegħu kienet mietet. Hija kienet se tkun it-tieni mara tiegħu. Hija staqsiet din il-mistoqsija: hija se jkun jista’ jkollha d-dar tagħha fil-ħajja li ġejja, jew se jkollha tgħix flimkien mar-raġel tagħha u l-ewwel mara tiegħu? Jiena weġibtha li għandha tafda fil-Mulej.

Jiena se nkompli billi nsemmi esperjenza li smajt mingħand wieħed ħabib li nafda, li se naqsam magħkom bil-permess tiegħu. Wara l-mewt tal-għażiża martu u omm uliedu, il-missier reġa’ żżewweġ. Xi wħud minn uliedu l-kbar oġġezzjonaw bi kbir li hu jiżżewweġ mill-ġdid u marru jieħdu l-parir ta’ xi ħadd jiġi minnhom li kien mexxej rispettat tal-Knisja. Wara li huwa sema’ r-raġunijiet tal-oġġezzjoni tagħhom, li kienu jiffokaw fuq il-kundizzjonijiet u r-relazzjonijiet fid-dinja tal-ispirti jew fis-saltniet tal-glorja li jiġu wara l-Ġudizzju Finali, dan il-mexxej qalilhom: “Intom qegħdin tinkwetaw dwar il-ħwejjeġ żbaljati. Intom għandkom tokkupaw ħsibijietkom dwar jekk intom hux se jirnexxielkom taslu f’dawk il-postijiet. Ikkonċentraw fuq dan. Jekk jirnexxielkom taslu hemm, dak li se tesperjenzaw se jkun ferm aktar meraviljuż milli tistgħu timmaġinaw.”

X’tagħlim mimli faraġ! Afdaw fil-Mulej!

Mill-ittri li nirċievi, jiena naf li hemm nies oħra li jinsabu jokkupaw moħħhom b’mistoqsijiet dwar id-dinja tal-ispirti li se nkunu qed nabitaw fiha wara li mmutu u qabel ma nqumu mill-mewt. Xi wħud jassumu li fid-dinja tal-ispirti se jkomplu jippersistu ħafna miċ-ċirkustanzi u kwistjonijiet temporali li aħna nesperjenzaw f’din il-ħajja mortali. Aħna x’nafu dwar il-kundizzjonijiet fid-dinja tal-ispirti? Jien naħseb li professur tar-reliġjon minn BYU ddeskriva tant tajjeb dan is-suġġett f’artiklu li kiteb: “Meta aħna nistaqsu lilna nfusna x’nafu mix-xogħlijiet stabbiliti dwar id-dinja tal-ispirti, it-tweġiba hi ‘mhux daqs kemm ħafna drabi naħsbu li nafu.’”1

Bla dubju, mill-iskrittura aħna nafu li wara li l-ġisem tagħna jmut aħna nkomplu ngħixu bħala spirti fid-dinja tal-ispirti. L-iskrittura wkoll tgħallem li din id-dinja tal-ispirti hija maqsuma bejn dawk li f’din il-ħajja kienu “twajbin” jew “ġusti,” u dawk li kienu ħżiena. Tiddeskrivi wkoll kif ċerti spirti fidili se jgħallmu l-evanġelju lil dawk li kienu ħżiena jew ribelli (ara 1 Pietru 3:19; Doctrine and Covenants 138:19–20, 29, 32, 37). L-aktar importanti, rivelazzjoni moderna tiżvela li l-ħidma tas-salvazzjoni se tibqa’ għaddejja wkoll fid-dinja tal-ispirti (ara Doctrine and Covenants 138:30–34, 58), u minkejja li aħna mitlubin biex ma nipprokrastinawx l-indiema tagħna waqt din il-ħajja mortali (ara Alma 13:27), aħna mgħallmin li hemmhekk xi forma ta’ ndiema se tkun possibbli (ara Doctrine and Covenants 138:58).

Il-ħidma tas-salvazzjoni fid-dinja tal-ispirti tikkonsisti mill-ħelsien tal-ispirti minn dak li l-iskrittura spiss tiddeskrivih bħala “jasar.” Kull min ikun fid-dinja tal-ispirti ikun jinsab taħt xi forma ta’ jasar. Ir-rivelazzjoni meraviljuża li kellu l-President Joseph F. Smith, kanonizzata f’ sezzjoni 138 tad-Duttrina u Patti, tiddikjara li l-mejtin li huma twajbin, li kienu fi stat ta’ “paċi” (Doctrine and Covenants 138:22) hekk kif huma antiċipaw il-Qawmien mill-Imwiet (ara Doctrine and Covenants 138:16), “ħarsu lejn iż-żmien twil li l-ispirtu tagħhom għamel mingħajr il-ġisem tagħhom bħala jasar” (Doctrine and Covenants 138:50).

Il-ħżiena se jsofru wkoll jasar ieħor. Minħabba d-dnubiet li ma nidmux minnhom, huma jinsabu f’dak li l-Appostlu Pietru rrefera għalih bħala “ħabs” tal-ispirti (1 Pietru 3:19; ara wkoll Doctrine and Covenants 138:42). Dawn l-ispirti huma deskritti bħala “marbutin” jew bħala “lsiera” (Doctrine and Covenants 138:31, 42), jew bħala “imkeċċija ‘’l barra fid-dlam” fejn hemm “il-biki, u t-tinwiħ, u t-tgħażżiż tas-snien” hekk kif huma jistennew il-qawmien mill-imwiet u l-ġudizzju (Alma 40:13–14).

Il-qawmien mill-imwiet għal kull min ikun fid-dinja tal-ispirti huwa xi ħaġa ċerta minħabba l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu (ara 1 Korintin 15:22), għalkemm dan se jseħħ fi żminijiet differenti għal gruppi differenti. Sakemm jasal dak iż-żmien maħtur, dak li l-iskrittura tgħidilna dwaru rigward l-attività fid-dinja tal-ispirti jikkonċerna prinċipalment il-ħidma tas-salvazzjoni. Ftit li xejn aktar ġie żvelat. L-evanġelju huwa mxandar lill-injorant, lil dak li ma jindimx, u lir-ribelli ħalli huma lkoll ikunu jistgħu jinħelsu mill-jasar tagħhom u jimxu ’l quddiem lejn il-barkiet li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna għandu lest għalihom.

Il-jasar fid-dinja tal-ispirti li japplika għall-erwieħ twajbin li kkonvertew hu li huma se jkollhom jistennew—u jista’ anke forsi jingħataw l-opportunità li jqanqlu—it-twettiq tal-ordinanzi f’isimhom f’din id-dinja ħalli huma jkunu jistgħu jitgħammdu u jgawdu l-barkiet tal-Ispirtu s-Santu (ara Doctrine and Covenants 138:30–37, 57–58).2 Dawn l-ordinanzi mortali bi prokura jagħtuhom ukoll is-setgħa biex jibqgħu mexjin ’il quddiem taħt l-awtorità tas-saċerdozju u jkabbru l-eżerċti ta’ nies twajbin li jistgħu jippridkaw l-evanġelju lill-ispirti fil-ħabs.

Minbarra dawn il-ħwejjeġ bażiċi, il-kanoni tagħna ta’ skrittura ma tantx jitkellmu wisq dwar id-dinja tal-ispirti li se tiġi wara l-mewt u qabel il-Ġudizzju Finali.3 Għalhekk x’nafu aktar dwar id-dinja tal-ispirti? Ħafna membri tal-Knisja kellhom viżjonijiet jew ispirazzjonijiet oħra li infurmawhom dwar kif joperaw jew kif inhuma organizzati l-affarijiet fid-dinja tal-ispirti, iżda dawn l-esperjenzi spiritwali personali m’għandniex nifhmuhom jew ngħallmuhom bħala xi duttrina uffiċjali tal-Knisja. U, bla dubju, hemm abbundanza ta’ spekulazzjoni minn membri u minn nies oħra li nsibuha f’ċerti sorsi ppubblikati bħal ċerti kotba fuq esperjenzi ta’ viċin il-mewt.4

Rigward dan kollu, importanti niftakru l-parir għaqli tal-Presbiteri D. Todd Christofferson u Neil L. Andersen mill-messaġġi li taw f’ konferenzi ġenerali oħra. Il-Presbiteru Christofferson għallem: “Tajjeb niftakru li mhux kull dikjarazzjoni li saret minn xi mexxej tal-Knisja, fil-passat u fil-preżent, neċessarjament tfisser li hi duttrina. Fil-Knisja nifhmu bi qbil komuni li dikjarazzjoni li tkun saret minn xi mexxej f’okkażjoni partikolari ħafna drabi tirrappreżenta opinjoni personali, minkejja li tkun ġiet ikkunsidrata, u ma jkun hemm l-ebda ħsieb li tkun dikjarazzjoni uffiċjali jew li tgħodd għall-Knisja kollha.”5

Fil-konferenza li se nikkwota minnha, il-Presbiteru Andersen għallem dan il-prinċipju: “Id-duttrina hija mgħallma minn kull wieħed mill-15-il membru tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax. Mhijiex moħbija f’xi paragrafu oskur f’xi diskors partikolari.”6 Il-proklamazzjoni tal-familja, iffirmata minn kull wieħed mill-15-il profeta, bassâr, u rivelatur, hija illustrazzjoni meraviljuża ta’ dan il-prinċipju.

Lil hinn minn xi ħaġa formali bħall-proklamazzjoni tal-familja, it-tagħlim profetiku tal-Presidenti tal-Knisja, irriaffermat minn profeti u appostli oħra, huma wkoll eżempju ta’ dan. Rigward iċ-ċirkustanzi fid-dinja tal-ispirti, il-Profeta Joseph Smith ta żewġ lezzjonijiet hekk kif beda jersaq lejn tmiem il-ministeru tiegħu, liema lezzjonijiet kemm-il darba ġew mgħallmin mis-suċċessuri tiegħu. Waħda minn dawn hija t-tagħlim li hu għallem fid-diskors tas-Sultan Follett li l-membri tal-familja li huma ġusti se jkunu flimkien fid-dinja tal-ispirti.7 Lezzjoni oħra hija din id-dikjarazzjoni waqt funeral fl-aħħar sena ta’ ħajtu: “L-ispirti tal-ġusti jiġu eżaltati lejn ħidma akbar u aktar glorjuża … fid-dinja tal-ispirti. … Huma ma jinsabux ’il bogħod minna, u huma jafu u jifhmu l-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-mozzjonijiet tagħna, u ħafna drabi jispiċċaw muġugħa minħabba fihom.”8

Għalhekk, xi ngħidu dwar mistoqsija li jien semmejt qabel dwar fejn jgħixu l-ispirti? Jekk għalikom dik il-mistoqsija tidher stramba jew trivjali, ikkunsidraw ħafna mill-mistoqsijiet li intom stess għandkom, jew saħansitra dawk li intom ippruvajtu twieġbu fuq il-bażi ta’ xi ħaġa li fil-passat smajtu mingħand persuna oħra. Għall-mistoqsijiet kollha dwar id-dinja tal-ispirti, jiena nissuġġerixxi żewġ tweġibiet. L-ewwel, ftakru li Alla jħobb lil uliedu kollha u sejjer jagħmel dak li hu l-aħjar għal kull wieħed u waħda minna. It-tieni, ftakru dan it-tagħlim familjari mill-Bibbja, li lili verament għenni f’ħafna mill-mistoqsijiet li ma kellix tweġiba għalihom:

“Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.

“Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u huwa jwittilek triqatek” (Proverbji 3:5–6).

Bl-istess mod, Nefi għalaq is-salm meraviljuż tiegħu b’dan il-kliem: “O Mulej, jiena afdajt fik, u nafda fik għal dejjem. Jiena minix se nafda fid-driegħ tal-laħam” (2 Nephi 4:34).

Aħna lkoll fis-skiet nikkontemplaw dwar iċ-ċirkustanzi fid-dinja tal-ispirti jew saħansitra niddiskutu dawn il-mistoqsijiet u mistoqsijiet oħra mhux imwieġba kemm fil-familja kif ukoll f’sitwazzjonijiet intimi oħra. Iżda ejjew ma ngħallmux jew nużaw bħala duttrina uffiċjali dak li ma jikkwalifikax bħala standard tad-duttrina uffiċjali. Jekk nagħmlu dan ma nkunux qed immexxu ’l quddiem il-ħidma tal-Mulej u nafu niskuraġġixxu ċerti individwi milli jfittxu l-faraġ jew l-edifikazzjoni tagħhom permezz tar-rivelazzjoni personali li l-pjan tal-Mulej jipprovdi lil kull wieħed u waħda minna. Li niddependu b’mod eċċessiv fuq ċertu tagħlim jew spekulazzjoni personali jaf iżommna milli nikkonċentraw fuq it-tagħlim u l-isforzi li jwasslu biex ikabbru l-għarfien tagħna u jgħinuna nimxu ’l quddiem fit-triq tal-patt.

Afdaw fil-Mulej hija tagħlima familjari u vera fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Dak kien it-tagħlim ta’ Joseph Smith meta l-Qaddisin tal-ewwel żminijiet esperjenzaw persekuzzjoni mill-aktar severa u ostakli enormi.9 Dan għadu l-aqwa prinċipju li nistgħu nużaw meta l-isforzi tagħna li nitgħallmu jew l-attentati tagħna li nsibu l-faraġ jiltaqgħu ma’ ċerti ostakli fi ħwejjeġ li għadhom ma ġewx żvelati jew adottati bħala duttrina uffiċjali tal-Knisja.

Dan l-istess prinċipju japplika għal mistoqsijiet mhux imwieġba dwar is-siġill fil-ħajja li jmiss jew ċerti tibdil fl-aġġustamenti mixtieqa minħabba ċerti avvenimenti jew trasgressjonijiet fil-ħajja mortali. Hemm ħafna li għadna ma nafux fejn l-unika ħaġa ċerta li nistgħu nafdaw fiha hi li nafdaw fil-Mulej u l-imħabba Tiegħu lejn uliedu.

Biex nikkonkludi, dak li nafu dwar id-dinja tal-ispirti hu li l-ħidma tas-salvazzjoni tal-Missier u tal-Iben se tkompli hemmhekk. Is-Salvatur tagħna beda l-ħidma li tiddikjara l-ħelsien lill-ilsiera (ara 1 Pietru 3:18–19; 4:6; Doctrine and Covenants 138:6–11, 18–21, 28–37), u dik il-ħidma tkompli hekk kif messaġġiera denji u kwalifikati jkomplu jxandru l-evanġelju, inkluż l-indiema, lil dawk li għad għandhom bżonn l-effett li jnaddaf tagħha (ara Doctrine and Covenants 138:57). L-għan ta’ dan kollu hu deskritt fid-duttrina uffiċjali tal-Knisja, mogħtija permezz ta’ rivelazzjoni moderna.

“Il-mejtin li jindmu se jkunu mifdija, permezz tal-ubbidjenza lejn l-ordinanzi tad-dar ta’ Alla,

“U wara li huma jkunu ħallsu piena minħabba t-trasgressjonijiet tagħhom, u jitnaddfu, għandhom jirċievu premju skont il-ħidma tagħhom, għaliex huma werrieta tas-salvazzjoni” (Doctrine and Covenants 138:58–59).

Id-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna hu li ngħallmu d-duttrina tal-evanġelju rrestawrat, inżommu l-kmandamenti, inħobbu u ngħinu lil xulxin, u li nagħmlu l-ħidma tas-salvazzjoni fit-tempji mqaddsa.

Jiena nixhed dwar il-verità ta’ dak li jien għedt hawnhekk u dwar il-verità mgħallma u li se tiġi mgħallma waqt din il-konferenza. Dan kollu sar possibbli minħabba l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Kif aħna nafu minn rivelazzjoni moderna, Huwa “jigglorifika lill-Missier, u jsalva l-għemejjel kollha ta’ jdejh” (Doctrine and Covenants 76:43; enfażi miżjuda). F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “What’s on the Other Side? A Conversation with Brent L. Top on the Spirit World,” Religious Educator, vol. 14, no. 2 (2013), 48.

  2. Ara Teachings of the Prophet Joseph Smith, sel. Joseph Fielding Smith (1976), 309–10; Joseph Smith, “Journal, December 1842–June 1844; Book 2,” p. 246, The Joseph Smith Papers, josephsmithpapers.org.

  3. Rivelazzjoni lil Joseph Smith ikkwotata ta’ spiss dwar id-dinja tal-ispirti tiddikjara, “L-istess soċjalità li teżisti fostna hawnhekk se teżisti fostna hemmhekk” (Doctrine and Covenants 130:2). Din probabbilment qed tiddeskrivi saltna ta’ glorja u mhux id-dinja tal-ispirti, peress li tkompli, “Madankollu se tkun mimlija glorja eterna, liema glorja m’aħniex ingawdu bħalissa” (verse 2).

  4. Per eżempju, George G. Ritchie, Return from Tomorrow (1978) u Raymond Moody, Life after Life (1975).

  5. D. Todd Christofferson, “The Doctrine of Christ,” Liahona, Mejju 2012, 88; ara wkoll Joseph F. Smith, Gospel Doctrine, 5 ed. (1939), 42. Ara, per eżempju, id-deskrizzjoni f’ Doctrine and Covenants 74:5 dwar tagħlim personali mill-Appostlu Pawlu.

  6. Neil L. Andersen, “Trial of Your Faith,” Liahona, Nov. 2012, 41.

  7. Ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 175.

  8. History of the Church, 6:52; inkluża f’ Teachings of the Prophet Joseph Smith, 326; ikkwotata spiss, bħal f’ Henry B. Eyring, To Draw Closer to God (1997), 122; ara wkoll Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), chapter 38, “The Spirit World.”

  9. Ara Teachings: Joseph Smith, 231–33.

Ipprintja