2010-2019
Fiduċja Konsistenti u Reżiljenti
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Fiduċja Konsistenti u Reżiljenti

Li nafdaw fil-Mulej jinkludi li nafdaw fl-orarju Tiegħu u dan jeħtieġ minna t-tip ta’ paċenzja u reżistenza li jaslu biex jgħelbu l-maltemp tal-ħajja.

Waqt il-missjoni tiegħu fl-Afrika, it-tifel tagħna Dan spiċċa verament marid u ttieħed ġo klinika li r-riżorsi tagħha kienu limitati. Hekk kif aħna qrajna l-ewwel ittra li hu bagħtilna wara li ħassu ma jiflaħx, aħna stennejna li hu kien se jaqta’ qalbu, iżda minflok huwa kiteb, “Anke meta kont fil-kamra tal-emerġenza, jiena ħassejtni fil-paċi. F’ħajti qatt ma ħassejtni ferħan b’mod daqshekk konsistenti u reżiljenti.”

Hekk kif jiena u marti qrajna dan il-kliem, bdejna nħossuna verament kommossi. Ferħan b’mod konsistenti u reżiljenti. Aħna qatt ma smajna l-ferħ jiġi deskritt b’dak il-mod, iżda kliemu kien jagħmel ħafna sens. Aħna konna nafu li l-ferħ li ddeskriva hu ma kienx sempliċiment pjaċir, jew xi sentiment ta’ ewforija, iżda paċi u hena li nħossu meta aħna nirrinunzjaw lilna nfusna lil Alla u nafdaw fih f’ kollox.1 Aħna wkoll esperjenzajna mumenti bħal dawn f’ħajjitna meta Alla wasslilna l-paċi f’ruħna u għenna biex ikollna t-tama fi Kristu anke meta l-ħajja kienet diffiċli u inċerta.2

Leħi jgħallem illi kieku Adam u Eva ma waqgħux “huma kienu jibqgħu fi stat ta’ innoċenza, ma kien ikollhom l-ebda ferħ, għaliex ma kienu jesperjenzaw l-ebda miżerja. …

“Iżda ara, kollox seħħ fl-għerf ta’ dak li jaf kollox.

“Adam waqa’ sabiex jinħoloq il-bniedem; u l-bniedem maħluq biex ikun ferħan.”3

B’mod paradossali, is-sofferenza u n-niket iħejjuna biex nesperjenzaw il-ferħ jekk aħna nafdaw fil-Mulej u fil-pjan Tiegħu għalina. Din il-verità hi deskritta b’mod sabiħ minn poeta tas-seklu 13: “In-niket iħejjik għall-ferħ. B’qilla jiknislek kull m’għandek f’darek, ħalli ferħ ġdid ikun jista’ jieħu postu. Iwaqqa’ il-weraq safrani mill-fergħa ta’ qalbek, ħalli l-weraq aħdar u frisk ikun jista’ jikber floku. Iqaċċat l-għeruq ħżiena, ħalli l-għeruq ġodda li huma moħbija taħthom ikollhom fejn jikbru. Ikun x’ikun in-niket li jaqa’ minn qalbek, postu jittieħed minn ħwejjeġ ferm aħjar.”4

Il-President Russell M. Nelson għallem, “Il-ferħ li joffrilna s-Salvatur … huwa kostanti, li jiżgurana li ‘s-sofferenza tagħna se tkun biss ħaġa temporanja’ [Doctrine and Covenants 121:7] u se tkun ikkonsagrata għall-gwadann tagħna.”5 L-isfidi u s-sofferenza tagħna jistgħu jagħmlu spazju għal ferħ akbar.6

L-aħbar it-tajba tal-evanġelju mhijiex il-wegħda li l-ħajja se tkun ħielsa minn kull niket u tribulazzjoni iżda li l-ħajja jkollha verament skop u għan—ħajja fejn in-niket u s-sofferenza tagħna jkunu jistgħu “jinbelgħu mill-ferħ ta’ Kristu.”7 Is-Salvatur iddikjara, “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt lid-dinja.”8 L-evanġelju Tiegħu huwa messaġġ ta’ tama. Meta n-niket jiġi kkombinat mat-tama f’Ġesù Kristu dan iwassal għall-wegħda ta’ ferħ bla tmiem.

Ir-rakkont tal-vjaġġ tal-Ġarediti lejn l-art imwiegħda jista’ jintuża bħala metafora għall-vjaġġ tagħna tul il-mortalità. Il-Mulej wiegħed lil ħu Ġared u lill-poplu Tiegħu li Huwa kien se “jimxi quddiemhom lejn art li hi l-aqwa fost l-artijiet kollha tad-dinja.”9 Huwa talabhom biex jibnu braken, u huma b’mod ubbidjenti marru jibnuhom skont l-istruzzjonijiet tal-Mulej. Madankollu, hekk kif ix-xogħol beda miexi, ħu Ġared beda jinkwieta li d-disinn li l-Mulej fassal għall-braken ma kiex tajjeb biżżejjed. Huwa talab:

“O Mulej, jiena wettaqt il-ħidma li inti tlabtni nwettaq, u jiena għamilt il-braken skont kif idderiġejtni int.

“U ara, O Mulej, fihom m’hemm l-ebda dawl.”10

“O Mulej, inti trid li aħna naqsmu dawn l-ilmijiet daqstant vasti fid-dlam?”11

Intom ġieli esprimejtu ma’ Alla dak li tħossu ġewwa fikom b’dan il-mod? Meta intom tagħmlu l-almu tagħkom biex tgħixu skont dak li jikkmanda l-Mulej u l-aspettattivi ġusti tagħkom jibqgħu ma jintlaħqux, qatt inkwetajtu li se jkollkom tgħaddu din ħajjitkom fid-dlam?12

Ħu Ġared imbagħad esprima ruħu dwar ħaġa li kienet fil-fatt qed tinkwetah aktar, li kienet dwar kemm huma kienu kapaċi jibqgħu ħajjin fil-braken. Huwa talab, “U aħna żgur li se mmutu, għaliex fihom ma nkunux nistgħu nieħdu nifs, ħlief għall-arja li hemm fihom.”13 Id-diffikultajiet tal-ħajja ġieli għamluha diffiċli għalikom li tieħdu nifs u wasslukom biex tinkwetaw kif se tkampaw tul il-jum, aħseb u ara kif se terġgħu lura sad-dar tagħkom fis-smewwiet?

Wara li l-Mulej ħadem ma’ ħu Ġared biex jirrisolvi kull ħaġa li bdiet tinkwetah, imbagħad Hu spjegalu, “Intom ma tistgħux taqsmu dan il-baħar tant fond jekk l-ewwel jiena ma nħejjix mod kif intom tistgħu tikkumbattu l-mewġ tal-baħar, u l-irjieħ li se jonfħu, u l-maltemp li se jqum.”14

Il-Mulej għamilha ċara li ultimament il-Ġarediti ma setgħux jaslu l-art imwiegħda mingħajru. Il-tmun ma kienx f’idejhom, u l-uniku mod kif huma setgħu jaqsmu l-baħar fond kien li jafdaw fih. Dawn l-esperjenzi u t-tagħlim li tahom il-Mulej deheru li qawwew il-fidi ta’ ħu Ġared u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.

Innotaw kif it-talb tiegħu nbidel minn mistoqsijiet u tħassib għal espressjonijiet ta’ fidi u fiduċja:

“Jiena naf, O Mulej, li inti għandek il-qawwa kollha, u li tista’ tagħmel dak kollu li trid għall-benefiċċju tal-bniedem; …

“Ara, O Mulej, inti tista’ tagħmel dan. Aħna nafu li inti kapaċi turi qawwa kbira, li tidher żgħira għal għarfien il-bniedem.”15

Hemm miktub li mbagħad il-Ġarediti “telgħu fil- … braken tagħhom, u salpaw fuq il-baħar, fejn fdaw irwieħhom f’idejn il-Mulej Alla tagħhom.”16 Li tafda ruħek ifisser li toffri lilek innifsek. Il-Ġarediti ma daħlux fil-braken għaliex kienu jafu eżatt kif kienu se jmorru l-affarijiet fil-vjaġġ tagħhom. Huma telgħu fihom għaliex tgħallmu jafdaw fil-qawwa, fit-tjubija, u fil-ħniena tal-Mulej, u b’hekk kienu lesti li joffru lilhom infushom u kull dubji jew biżgħat li kellhom lill-Mulej.

M’ilux, in-neputi tagħna Abe kien qed jibża’ jirkeb wieħed mill-annimal fuq il-karużell li jibda jitla’ u jinżel. Huwa pprefera wieħed li ma jiċċaqlaqx. Nanntu finalment ikkonvinċietu li ma kellux minn xiex jibża’, għalhekk, peress li kien jafdaha, rikeb fuq dak li jiċċaqlaq. Huwa qalilha bi tbissima kbira, “Ma nħossniex sigur, iżda fil-fatt jiena.” Probabbilment dan hu kif ħassewhom il-Ġarediti. Li nafdaw lil Alla għall-ewwel mhux dejjem inħossuna siguri, iżda wara nimtlew bil-ferħ.

Immaġni
Abe fuq il-karużell

Il-vjaġġ ma kienx wieħed faċli għall-Ġarediti. “Kien hemm bosta ħinijiet meta spiċċaw taħt l-ilma, minħabba l-mewġ ġgantesk li beda jolqothom.”17 Madankollu hemm miktub li “ir-riħ qatt ma waqaf imexxihom lejn l-art imwiegħda.”18 Diffiċli kemm hu diffiċli biex dan nifhmuh, speċjalment f’mumenti f’ħajjitna meta r-riħ in pruwa ikun mill-aktar qawwi u l-ibħra jkunu verament imqallba, aħna nistgħu nimtlew bil-faraġ għax nafu li Alla fit-tjubija infinita Tiegħu jinsab dejjem jimbuttana ’l quddiem lejn id-dar.

L-iskrittura tkompli, “Huma bdew jitmexxew ’il quddiem; u l-ebda mostru tal-baħar ma seta’ jwaqqafhom, l-ebda baliena ma setgħet tagħmillhom ħsara; u huma kellhom id-dawl kontinwament, kemm jekk kienu fuq l-ilma kif ukoll taħt l-ilma.”19 Aħna ninsabu ngħixu f’dinja fejn il-mewġ mostruż tal-mewt, tal-mard fiżiku u mentali, u ta’ kull tip ta’ sfida u sofferenza jinsab iħabbat fuqna. Madankollu, permezz tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u għax nagħżlu li nafdaw fih, aħna wkoll jista’ jkollna d-dawl kontinwament kemm jekk inkunu fuq l-ilma kif ukoll taħt l-ilma. Aħna jista’ jkollna l-assigurazzjoni li Alla mhu qatt se jieqaf jimbuttana lejn id-dar tagħna fis-smewwiet.

Filwaqt li kienu qed jinxteħtu ’l hawn u ’l hemm fil-braken tagħhom, il-Ġarediti “kantaw għanjiet ta’ tifħir lill-Mulej; … u huma rringrazzjaw u faħħru lill-Mulej il-jum kollu; u meta wasal il-lejl, ma waqfux ifaħħru lill-Mulej.”20 Huma mtlew bil-ferħ u l-gratitudni anke f’nofs is-sofferenza tagħhom. Huma kienu għadhom ma waslux fl-art imwiegħda, madankollu huma kienu qed jifirħu bil-barkiet imwiegħda minħabba l-fiduċja konsistenti u reżiljenti li kellhom fih.21

Il-Ġarediti nġarru għal 344 jum fuq l-ilma.22 Tistgħu timmaġinaw dan? Li nafdaw fil-Mulej jinkludi li nafdaw fl-orarju Tiegħu u dan jeħtieġ minna t-tip ta’ paċenzja u reżistenza li jaslu biex jgħelbu l-maltemp tal-ħajja.23

Ultimament, il-Ġarediti “waslu biex niżlu fix-xatt tal-art imwiegħda. U meta huma għamlu l-ewwel pass fuq ix-xtut tal-art imwiegħda huma niżlu wiċċhom fl-art, u ċekknu lilhom infushom quddiem il-Mulej, u xerrdu dmugħ ta’ ferħ quddiem il-Mulej, minħabba l-ħniena u tjieba kbira li wera magħhom.”24

Jekk aħna nibqgħu fidili fiż-żamma tal-patti tagħna, aħna wkoll xi darba naslu d-dar mingħajr periklu u ninxteħtu naduraw lill-Mulej u nxerrdu dmugħ ta’ ferħ minħabba l-ħniena u tjieba kbira li wera f’ħajjitna, inkluż in-niket li għamel spazju għal aktar ferħ.25

Jiena nixhed li hekk kif aħna nintelqu f’dirgħajn il-Mulej u nafdaw b’mod konsistenti u reżiljenti f’Ġesù Kristu u fl-għanijiet divini Tiegħu f’ħajjitna, Huwa jiġi jżurna biex jassigurana, iwasslilna l-paċi f’ruħna, u jimliena bit- “tama fih għall-ħelsien tagħna.”26

Jiena nixhed li Ġesù huwa l-Kristu. Huwa s-sors ta’ kull ferħ.27 Il-grazzja Tiegħu hija suffiċjenti, u Hu għandu s-setgħa li jsalva.28 Huwa d-dawl, il-ħajja u t-tama tad-dinja.29 Huwa mhux se jħallina nintilfu.30 F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja