Tippruvax Tqarraq Bija
Hekk kif aħna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla, aħna dejjem nitmexxew fid-direzzjoni t-tajba u ma niġux imqarrqin.
Illum, jiena se naqsam ċertu kliem ta’ kunsill magħkom ilkoll, iżda speċjalment magħkom tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa—tfal, ġuvintur u tfajliet. Il-profeta tal-Mulej taż-żmienna, il-President Russell M. Nelson, lilkom verament iħobbkom—tant hu hekk li s-sena l-oħra hu tkellem ma’ ħafna minnkom f’xandira speċjali ta’ devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ li ġġib l-isem “Tama ta’ Iżrael.”1 Aħna spiss nisimgħu lill-President Nelson isejħilkom sewwasew b’dan il-mod—it-“tama ta’ Iżrael,” il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa u l-futur tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu.
Għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ, nixtieq nibda billi naqsam magħkom żewġ stejjer tal-familja.
Il-102 Dalmatian
Snin ilu, jiena wasalt lura d-dar mix-xogħol u bqajt iċċassat kif rajt kullimkien mimli żebgħa bajda—mal-art, mal-bieb tal-garaxx, u mal-briks aħmar tad-dar. Jiena spezzjonajt ix-xena li kelli quddiemi b’aktar reqqa u skoprejt li ż-żebgħa kienet għadha ċċappas. It-taqtir taż-żebgħa kien jibqa’ sejjer sal-bitħa u għalhekk jiena mxejt f’dik id-direzzjoni. Hemmhekk, jien sibt lil ibni ta’ ħames snin jiġri wara l-kelb tagħna b’pinzell f’idu. Il-kelb Labrador sabiħ tagħna kien miżbugħ kważi nofsu abjad!
“X’inti tagħmel?” Staqsejtu jiena b’leħen animat.
Ibni waqaf, ħares lejja, ħares lejn il-kelb, ħares lejn il-pinzell biż-żebgħa ċċarċar minnu, u qal, “Irridu jiġi jixbah lill-klieb kollha tikek suwed fil-film—taf liema, dak bil-101 Dalmatian.”
Jiena nħobbu l-kelb tagħna. Jiena kont naħseb li kien perfett, iżda dak inhar ibni kellu idea differenti.
Il-Qattus Kollu Strixxi
Il-karattru ewlieni fit-tieni storja tiegħi huwa l-Pro-Ziju Grover, li kien jgħix f’dar fil-kampanja, ’il bogħod mill-belt. Iz-ziju Grover kien imdaħħal fiż-żmien sew. Ħsibna li kienet idea tajba li wliedna jiltaqgħu miegħu qabel imut. Għalhekk, darba wara nofsinhar, aħna dħalna fil-karozza u soqna triq twila mhux ħażin sad-dar umli tiegħu. Aħna poġġejna flimkien biex inqattgħu ftit ħin miegħu u nintroduċih ma’ wliedi. Ma konniex ilna wisq nitkellmu, meta ż-żewġt itfal tagħna, li forsi kellhom madwar ħames, sitt snin, riedu joħorġu jilagħbu barra.
Iz-ziju Grover, meta sema’ huma x’riedu, tbaxxa sakemm ġie wiċċ imb wiċċ magħhom. Wiċċu, li ma kien familjari xejn mat-tfal tagħna, tant kien imkemmex, li huma beżgħu xi ftit minnu. Huwa qalilhom, b’leħen daqsxejn goff, “Oqogħdu attenti—hemm barra hemm ħafna skanks.” Meta smajna dan, jien u Lesa bqajna mbelħin; bdejna ninkwetaw li xi skank jibżoq fuqhom! It-tfal fil-pront marru barra biex jilagħbu filwaqt li aħna bqajna nitkellmu miegħu.
Aktar tard, meta dħalna fil-karozza biex immorru d-dar, jiena staqsejt lit-tfal, “Rajtu xi skank?” Wieħed minnhom wieġeb, “Le, ma rajna l-ebda skank, iżda rajna qattus iswed b’strixxa bajda fuq dahru!”
Il-Qarrieq il-Kbir
Dawn l-istejjer dwar tfal innoċenti li jiskopru xi ħaġa dwar il-ħajja u r-realtà jafu joħolqulna xi ftit ta’ tbissima, iżda huma juruna wkoll kunċett mill-aktar profond.
Fl-ewwel storja, it-tifel ċkejken tagħna kellu kelb sabiħ bħala pet; minkejja dan, huwa mar ġab gallun żebgħa u, p’pinzell f’idu, ried jara kif seta’ joħloq dak li beda jimmaġina.
Fit-tieni rakkont, it-tfal xejn ma kienu konxji tat-theddida possibbli quddiemhom minħabba xi skank. Peress li huma ma kinux kapaċi jidentifikaw dak li fil-fatt iltaqgħu miegħu, huma kienu f’riskju li jsofru xi konsegwenza sfortunata. Dawn huma stejjew ta’ identità żbaljata—meta wieħed jippreżumi li l-ħaġa reali hija xi ħaġa oħra. F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, il-konsegwenzi kienu minimi.
Madankollu, illum ħafna jinsabu jitqabdu ma’ din l-istess ħaġa fuq skala akbar. Huma jew mhux kapaċi jaraw l-affarijiet kif fil-fatt huma, jew mhumiex sodisfatti bil-verità. Madankollu, illum hawn ċerti influwenzi qawwija li huma deliberatament maħluqa biex ibegħduna mill-verità. Dan il-qerq u l-gideb imur ħafna lil hinn mill-identità żbaljata b’mod innoċenti u ħafna drabi jħalli warajh konsegwenzi koroh li mhumiex żgħar.
Satana, missier il-gideb u l-qarrieq il-kbir, jipprova jwassalna biex niddubitaw quddiem ċerti affarijiet kif fil-fatt huma jew ninjoraw il-veritajiet eterni jew jibdluhom ma’ xi ħaġa li tidher aktar attraenti. “Huwa jiġġieled mal-qaddisin ta’ Alla”2 u għadda eluf ta’ snin jikkalkula u jipprattika l-abbiltà li jipperswadi lill-ulied kollha ta’ Alla biex jemmnu li t-tajjeb hu ħażin u l-ħażin huwa tajjeb.
Huwa kiseb reputazzjoni li kapaċi jikkonvinċi lil-bnedmin li l-iskanks huma sempliċiment qtates żgħar jew li, bi ftit żebgħa, inti tista’ tibdel Labrador f’Dalmatian!
Ejjew issa nagħtu ħarsa lejn eżempju ta’ dan il-prinċipju li nsibu fl-iskrittura, meta l-profeti tal-Mulej Mosè ġie wiċċ imb wiċċ ma’ din l-istess sitwazzjoni. “Mosè ttieħed fuq muntanja mill-aktar għolja[;] … hu ra wiċċ imb wiċċ lil Alla, u tkellem miegħu.”3 Alla għallem lil Mosè dwar l-identità eterna tiegħu. Minkejja li Mosè kien bniedem mortali u imperfett, Alla għallem li Mosè kien “fis-similitudni tal-Uniġenitu tiegħi; u l-Uniġenitu tiegħi … se jkun is-Salvatur.”4
Biex nagħmel summarju ta’ dan, Mosè, f’din il-viżjoni meraviljuża, ra lil Alla, u hu tgħallem ukoll xi ħaġa importanti dwaru nnifsu: huwa kien sewwasew bin Alla.
Isimgħu ftit x’ġara fi tmiem din id-dehra meraviljuża. “U ġara li … Satana mar iġarrfu,” fejn qallu, “Mosè, bin il- bniedem, adurani.”!”5 B’kuraġġ Mosè wieġeb: “Int min int? Għax ara, jiena iben Alla, fis-similitudni tal-Uniġenitu tiegħu; u fejn hi l-glorja tiegħek , biex jien nadura lilek?”6
Fi kliem ieħor, Mosè qal: “Inti ma tistax tqarraq bija, għaliex jien naf min jien. Jiena ġejt maħluq fi xbieha ta’ Alla. Inti m’għandekx id-dawl u l-glorja Tiegħu. Għalhekk għalfejn għandi nadurak jew inkun vittma tal-qerq tiegħek?”
Issa oqogħdu attenti kif kompla jwieġeb Mosè. Huwa jiddikjara, “Itlaq minn quddiemi, Satana; tippruvax tqarraq bija.”7
Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu mill-mod setgħan kif Mosè wieġeb għat-tentazzjoni tal-avversarju. Nistedinkom biex twieġbu bl-istess mod meta tħossukom influwenzati mit-tentazzjoni. Lill-għadu ta’ ruħkom ordnawlu billi tgħidulu: “Itlaq ’l hemm! Inti m’għandek l-ebda glorja. La ġġarrabnix jew tigdibli! Għax jien naf min jien—iben Alla. U jien dejjem se ndur lejn Alla tiegħi għall-għajnuna Tiegħu.”
L-avversarju, madankollu, ma jabbandunax faċilment il-mottivi distruttivi tiegħu biex iqarraq bina u jiddegradana. Fil-każ ta’ Mosè, hu ċertament m’għamilx hekk, minflok ipprova jnessi lil Mosè min kien eternament.
Bħallikieku qabdu xi tantrum kif jagħti lit-tfal, “Satana għajjat b’leħen għoli, u seħet id-dinja, u ordna billi qal: Jiena l-Uniġenitu, inżel adurani.”8
Ejjew nanalizzaw ftit. Smajtu x’għadu kif qal? “Jiena l-Uniġenitu. Inżel adurani!”
Bħallikieku l-qarrieq il-kbir qal, “Tinkwetax; mhu se nagħmillek xejn—jiena mhux skank; jiena sempliċiment qattus iswed u abjad innoċenti.”
Imbagħad Mosè talab lil Alla u rċieva l-qawwa divina Tiegħu. Minkejja li l-avversarju triegħed u d-dinja theżhżet, Mosè ma waqax għat-tentazzjoni. Leħnu kien sod u ċar. “Itlaq minn ħdejja, Satana,” huwa ddikjara, “għaliex jien lil dan Alla wieħed biss inqim, li huwa l-Alla tal-glorja.”9
Finalment, hu “telaq … minn quddiem Mosè.”10
Wara li l-Mulej deher u bierek lil Mosè minħabba l-ubbidjenza tiegħu, il-Mulej qal:
“Imbierek inti, Mosè, għax … lilek se nagħmel setgħan aktar mill-ħafna ilmijiet. …
“U ara, jiena miegħek, sewwasew sal-aħħar ta’ ħajtek.”11
Il-mod kif Mosè rreżista lil avversarju huwa eżempju ħaj u illuminanti għalina lkoll, hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħna fil-ħajja. Huwa messaġġ importanti għalikom personalment—li tkunu tafu x’għandkom tagħmlu meta hu jipprova jqarraq bikom. Għaliex intom, bħal Mosè, ġejtu mberkin bid-don tal-għajnuna divina.
Kmandamenti u Barkiet
Kif tistgħu ssibu din l-għajnuna divina, bl-istess mod kif sabha Mosè, u ma titqarrqux jew taqgħu fit-tentazzjoni? Sors ċar ta’ assistenza divina ġie rriaffermat f’din id-dispensazzjoni mill-Mulej innifsu meta Huwa iddikjara: “Għalhekk, jiena l-Mulej, għax naf bl-għawġ li għandu jiġi fuq l-abitanti tad-dinja, sejjaħt lill-qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., u kellimtu mis-smewwiet u lilu jiena tajtu kmandamenti.”12 Fi kliem aktar sempliċi, aħna nistgħu ngħidu li l-Mulej, li jaf “it-tmiem mill-bidu,”13 jaf x’inhuma d-diffikultajiet uniċi ta’ żmienna. Għalhekk, Huwa pprovdilna mod biex nirreżistu l-isfidi u t-tentazzjonijiet, li ħafna minnhom huma riżultat dirett tal-influwenzi qarrieqa tal-avversarju u l-attakki tiegħu.
Il-mod huwa sempliċi. Permezz tal-qaddejja Tiegħu, Alla jkellem lilna, uliedu, u jagħtina l-kmandamenti. Aħna nistgħu nipparafrażaw il-vers li għadni kif ikkwotajt biex ngħidu “Jiena il-Mulej … sejjaħt lill-qaddej Tiegħi l-President Russell M. Nelson u kellimtu mis-smewwiet, u tajtu kmandamenti.” Mhijiex din verità glorjuża?
Jiena naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi li l-Mulej verament kellem lil Joseph Smith mis-smewwiet, fejn beda mill-Ewwel Viżjoni grandjuża. Fi żmienna Huwa jkellem ukoll lill-President Nelson. Jiena nixhed li fil-passat Alla tkellem mal-profeti u tahom kmandamenti mfasslin biex imexxu lil uliedu lejn il-ferħ f’din il-ħajja u l-glorja fil-ħajja li jmiss.
Illum Alla jkompli jagħti kmandamenti lill-profeta ħaj tagħna. L-eżempji huma ħafna—bilanċ aktar iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja fit-tagħlim tal-evanġelju; il-ministeru li issa ħa post it-tagħlim tad-dar u taż-żjajjar; tibdil fil-proċeduri u l-ordinanzi tat-tempju; u l-programm ġdid Tfal u Żgħażagħ. Jiena nimmeravilja ruħi bit-tjubija u l-kompassjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, li għal darb’oħra rrestawra l-Knisja tas-Salvatur fid-dinja u sejjaħ profeta fi żmienna. Ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu tikkumpensa ż-żminijiet perikolużi bil- milja taż-żminijiet.
Il-Ħażen Qatt Ma Kien Ferħ
L-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti mogħtija lill-profeta tagħna hija mill-aktar importanti mhux biss biex nevitaw l-influwenza tal-qarrieq iżda wkoll biex nesperjenzaw ferħ u hena dejjiema. Din il-formola divina hi pjuttost sempliċi: tjieba, jew ubbidjenza lejn il-kmandamenti, twasslilna l-barkiet, u l-barkiet iġibulna l-ferħ, jew l-hena f’ħajjitna.
Madankollu, bl-istess mod li l-avversarju pprova jqarraq b’Mosè, huwa jipprova jidħaq bikom. Huwa dejjem ippretenda li jkun xi ħaġa li mhuwiex. Huwa dejjem jipprova jaħbi min verament hu. Huwa jiddikjara li l-ubbidjenza tagħmlilkom ħajjitkom miżerabbli u tista’ ċċaħħadkom mill-ferħ.
Tistgħu taħsbu dwar xi manuvri li juża biex iqarraq? Per eżempju, huwa jaħbilna l-konsegwenzi distruttivi tad-drogi illeċiti jew tax-xorb alkoħoliku u minflok jissuġġerixxi li dawk jagħtuk pjaċir. Hu jgħaddasna fil-ħafna elementi negattivi li jistgħu jeżistu fil-midja soċjal, fosthom it-tqabbil debilitanti u r-realtà idealizzata. Barra minn hekk, huwa jressaqna b’mod sottili lejn kontenut ieħor ħażin li jagħmlilna l-ħsara li nsibuh onlajn, bħall-pornografija, l-attakki bl-addoċċ fuq ħaddieħor permezz tal-bulijing bl-internet, u t-tixrid ta’ misinformazzjoni intenzjonata biex tikkawża d-dubju u l-biża’ f’qalbna u f’moħħna. B’mod makkakk huwa jgħidlek, “Sempliċiment imxi warajja, u inti żgur tkun ferħan.”
Il-kliem li nkiteb bosta snin ilu minn profeta fil-Ktieb ta’ Mormon huwa speċjalment relevanti fi żmienna: “Il-ħażen qatt ma kien ferħ.”14 Jalla aħna nagħrfu l-qerq ta’ Satana għal dak li hu. Jalla aħna neqfulu u nkunu nistgħu nagħrfu l-gideb u l-influwenzi ta’ dak li jfittex li jeqred ruħna u jisraq minna l-ferħ preżenti tagħna u l-glorja tal-ġejjieni.
Għeżież ħuti, jeħtieġ li aħna nibqgħu nkunu fidili u viġilanti, għaliex dan huwa l-uniku mod kif nistgħu nagħrfu l-verità u nisimgħu l-leħen tal-Mulej permezz tal-qaddejja Tiegħu. “Għax l-Ispirtu jitkellem il-verità u ma jigdibx. … Dawn il-ħwejjeġ se jintwerew lilna b’ mod ċar, għas-salvazzjoni ta’ ruħna. … Għax Alla qal dan ukoll lill-profeti tal-qedem.”15 Aħna l-Qaddisin ta’ Alla s-Setgħan, it-tama ta’ Iżrael! Aħna se naqtgħu qalbna? “Se nerġgħu lura jew nevitaw il-ġlieda? Le! … Aħna se nkunu leali dejjem lejn il-kmand ta’ Alla, b’ruħna kollha, b’qalbna kollha, u bl-għemil tagħna kollu.”16
Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi tal- Qaddis ta’ Israel—sewwasew isem Ġesù Kristu. Jiena nixhed dwar l-imħabba, il-verità, u l-hena dejjiema Tiegħu li huma possibbli permezz tas-sagrifiċċju infinit u etern Tiegħu. Hekk kif aħna nobdu l-kmandamenti Tiegħu, aħna dejjem nitmexxew fid-direzzjoni t-tajba u ma niġux imqarrqin. Fl-isem sagru tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.