2010-2019
Kapaċità Spiritwali
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Kapaċità Spiritwali

Bħala dixxipli fidili ta’ Ġesù Kristu, intom tistgħu tirċievu ispirazzjoni u rivelazzjoni personali, konsistenti mal-kmandamenti Tiegħu, li huma mfassla għalikom.

Dan is-sajf, hekk kif kont ħa nitlaq minn attività tat-Tfajliet, ġiet fuqi waħda tifla simpatika biex tagħtini karta b’nota fuqha. Fiha, hi staqsiet, “Kif nista’ ninduna meta Alla jkun qed jipprova jgħidli xi ħaġa?” Il-mistoqsija tagħha verament għoġbitni . Ruħna tixxennaq biex ikollha konnessjoni mad-dar tagħna fis-smewwiet. Aħna rridu nħossuna meħtieġa u utli. Iżda xi drabi aħna nsibuha diffiċli niddistingwu bejn l-istess ħsibijiet tagħna u l-impressjonijiet ġentili tal-Ispirtu. Profeti, antiki u moderni, għallmu li jekk xi ħaġa “tistedinna u tħeġġiġna biex tagħmlu t-tajjeb, din tkun ġejja minn Kristu.”1

Il-President Russell M. Nelson estenda stedina sempliċi u qawwija: “Għeżież ħuti, jiena nitlobkom bil-ħerqa sabiex tkabbru l- kapaċità spiritwali tagħkom biex tirċievu r-rivelazzjoni. … Agħżlu li tagħmlu l-ħidma spiritwali meħtieġa biex tgawdu d-don tal-Ispirtu s-Santu u tisimgħu l-leħen tal-Ispirtu aktar frekwenti u b’aktar ċarezza.”2

Ix-xewqa tiegħi dalgħodu hija li nkellimkom minn qalbi dwar erba’ modi kif tistgħu tkabbru l-kapaċità spiritwali tagħkom biex tirċievu r-rivelazzjoni.

1. Bi Ħsieb Araw Kif se Ssibu Ħin u Spazju biex Tisimgħu Leħen Alla

Hekk kif tużaw l-għażla ħielsa tagħkom biex kuljum tfittxu l-ħin li fih tersqu viċin leħen Alla, speċjalment fil-Ktieb ta’ Mormon, maż-żmien leħnu jsir aktar ċar u aktar familjari magħkom.

B’kuntrast, id- distrazzjonijiet u l- istorbju f’din id-dinja, fid-djarna, u fill-ħajja tagħna jistgħu jagħmluha aktar diffiċli biex nisimgħu leħnu. Dawn id-distrazzjonijiet tant jistgħu jokkupaw moħħna u qalbna li ma nħallu l-ebda spazju għas-suġġerimenti ġentili tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Profeta Joseph Smith għallem li ħafna drabi Alla jiżvela lilu nnifsu “lil individwi meta jkunu waħedhom, fil-kamra tagħhom; fid-deżert jew fl-għelieqi, u li jkunu ġeneralment mingħajr ebda storbju u għajjat.”3

Satana jrid jifridna minn leħen Alla billi jżommna ’l bogħod minn dawk il-postijiet kwieti. Jekk Alla jitkellem b’vuċi kwieta u ċkejkna, int u jien irridu noqorbu lejh biex nisimgħuh. Immaġinaw biss x’jiġri kieku aħna noqogħdu attenti li nibqgħu kkonnettjati mas-smewwiet daqs kemm noqogħdu attenti li nibqgħu kkonnettjati mal-Wi-Fi! Agħżlu ħin u post, u isimgħu leħen Alla kuljum. U żommu dan l-appuntament sagru b’eżattezza, għax hawn wisq affarijiet li jiddependu minnu!

2. Aġixxu mingħajr Dewmien

Meta tirċievu s-suġġeriment u mbagħad taġixxu b’intenzjoni, il-Mulej ikun lest jużakom. Aktar ma taġixxu, aktar leħen l-Ispirtu jsir familjari magħkom. Intom tibdew tagħrfu aktar il-gwida ta’ Alla u li Huwa “lest … jiżvela l-ħsibijiet u r-rieda Tiegħu.”4 Jekk toqogħdu taħsbuha, tafu tinsew is-suġġeriment jew titilfu ċ-ċans li tgħinu lil xi ħadd f’isem Alla.

3. Araw li Tkunu Kkummissjonati mill-Mulej

It-talba li Missierna tas-Smewwiet jidher tant ħerqan li jwieġeb hija t-talba ħerqana tagħna li niġu mmexxija lejn xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna tagħna. Il-President Henry B. Eyring għallimna biex infittxu r-rivelazzjoni billi nistaqsu lil Alla lil min nistgħu ngħinu f’ismu. “Jekk tistaqsu mistoqsijiet bħal dawn, jiġi jżurkom l-Ispirtu s-Santu u intom tħossukom ispirati dwar x’għandkom tagħmlu għal ħaddieħor. Meta tmorru u tagħmlu dawk l-affarijiet, intom tkunu qed twettqu ħidma f’isem il-Mulej, u meta tkunu qed taħdmu f’isem il-Mulej, intom tikkwalifikaw għad-don tal-Ispirtu s-Santu.”5

Tistgħu titolbu u tistaqsu lill-Mulej biex iqabbadkom tagħmlu xi ħaġa f’ismu. Kif tagħmlu dan, Huwa jista’ juża l-ħiliet ordinarji tagħkom biex iwettaq il-ħidma straordinarja Tiegħu.

Immaġni
Fritz Lundgren in-nannu ta’ Sister Craig

In-nannu tiegħi, Fritz Hjalmar Lundgren, emigra mill-Iżvezja meta kellu 19-il sena. Huwa ġie l-Amerika waħdu, b’bagalja u sitt snin ta’ edukazzjoni formali. Minkejja li ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż, huwa vvjaġġa lejn l-Oregon u hemmhekk beda jaħdem jaqta’ l-injam tas-siġar u aktar tard, huwa ngħaqad mal-Knisja flimkien man-nanna u m’ommi . Hu qatt ma ppresieda fuq xi qasam, iżda bħala għalliem fidil tad-djar, huwa wassal biex ’il fuq minn 50 familja differenti isiru attivi fil-Knisja. Kif irnexxielu jagħmel dan?

Wara l-mewt tan-nannu, kont qed inqalleb f’kaxxa li kien fiha l-karti tiegħu u sibt ittra miktuba minn raġel li kien ġie lura l-knisja minħabba l-imħabba tan-nannu. L-ittra kienet tgħid, “Is-sigriet ta’ Brother Fritz, naħseb, hu li dejjem kien ikun jinsab jaħdem f’isem Missierna tas-Smewwiet.”

Dik l-ittra kienet mingħand Brother Wayne Simonis. In-nannu kien imur iżuru u spiċċa biex sar jaf lil kull membru tal-familja. Maż-żmien, in-nannu qalilhom li kien hemm bżonnhom, u stedinhom biex jattendu l-knisja. Iżda f’dak il-jum tal-Ħadd, Brother Simonis stenbaħ xi ftit imħawwad—hu ma kienx għadu spiċċa jiksi s-saqaf tad-dar, u dik il-ġimgħa kienet mistennija x-xita. Huwa ddeċieda li jmur il-knisja, jieħu b’idejn in-nannu, imbagħad jitlaq u jmur id-dar biex jispiċċa s-saqaf. Il-familja tiegħu setgħet tattendi l-laqgħa tas-sagrament mingħajru.

Il-pjan tiegħu kien sejjer tajjeb sakemm, fuq il-bejt, huwa sama’ lil xi ħadd tiela’ s-sellum. Fi kliemu: “Meta ħarist ’il fuq, … wieqaf fuq l-aħħar skaluna tas-sellum kien hemm Brother Fritz. Huwa sempliċiment tani tbissima kbira. Għall-ewwel, ħassejtni mbarazzat bħallikieku jiena xi tifel żgħir li nqabad li ma marx skola. Imbagħad … ħassejtni rrabjat. [Iżda Brother Fritz sempliċiment] neħħa minn fuqu l-ġlekk u dendlu mas-sellum. Waqt li kien qed ixammar il-kmiem tal-qmis bajda tiegħu, dar fuqi u qalli: ‘Brother Simonis, għandek martell ieħor? Żgir li din il-biċċa xogħol hija importanti ħafna għax kieku ma kontx se tħalli warajk il-familja tiegħek, u jekk hi daqstant importanti, jiena qiegħed hawn biex ngħinek.’ Hekk kif ħarist f’għajnejh, stajt nara biss tjubija u mħabba bħal ta’ Kristu. Ma ħassejtx aktar rabja fija. … F’dak il-jum tal-Ħadd, ġbart l-għodda tiegħi u nżilt is-sellum wara sieħbi u flimkien tlaqna lejn il-kappella.”

In-nannu kien ġie kkummissjonat mill-Mulej, u hu kien jaf li kien imqabbad biex ifittex in-nagħaġ il-mitlufa. L-istess bħal meta l-erba’ rġiel li ġarru lill-ħabib il-mifluġ tagħhom għal fuq bejt u mbagħad niżluh biex ikun imfejjaq minn Ġesù Kristu,6 hekk ukoll il-ħidma tiegħu wasslet biex ħadet lin-nannu sa fuq il-bejt. Il-Mulej jibgħat ir-rivelazzjoni lil dawk li jfittxu li jgħinu lil ħaddieħor.

4. Emmnu u Afdaw

M’ilux jiena qrajt fl-iskrittura dwar missjunarju kbir ieħor li ġie kkummissjonat mill-Mulej. Aaron kien qed jgħallem lis-sultan tal-Lamaniti, li staqsa għalfejn Ammonin, ħu Aaron, ma kienx ġie wkoll biex jgħallmu. “U Aaron qal lis-sultan: Ara, l-Ispirtu tal-Mulej sejjaħlu x’imkien ieħor.7

Ħassejt l-Ispirtu jkellimni f’qalbi: ilkoll kemm aħna għandna missjoni differenti xi nwettqu, u xi drabi l-Ispirtu jista’ jsejħilna “x’imkien ieħor.” Hemm ħafna modi kif nistgħu nibnu s-saltna ta’ Alla bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, dixxipli li nagħmlu l-patti u nżommu l-patti. Bħala d-dixxiplu fidil Tiegħu, inti tista’ tirċievi l-ispirazzjoni u r-rivelazzjoni personali, konsistenti mal-kmandamenti Tiegħu, li huma mfasslin għalik. Inti għanded missjonijiet u rwoli uniċi xi twettaq f’ħajtek u ser tingħata gwida unika biex twettaqhom.

Nefi, ħu Jared, u anke Mosè kollha kellhom baħar x’jaqsmu - u kull wieħed minnhom għamel dan b’mod differenti. Nefi ħadem “l-injam b’kapaċità li ma bħalha.”8 Ħu Ġared bena braken li kienu “marbutin flimkien waħda sew.”9 U Mosè “mexa fuq art niexfa f’nofs il-baħar.”10

Kull wieħed minnhom irċieva direzzjoni personalizzata, imfassla għalih, u lkoll afdaw u aġixxew. Il-Mulej huwa konxju ta’ dawk li jobdu u, fi kliem Nefi, se “jħejji triq [għalina] biex inwettqu dak li hu talab minna.”11 Innotaw li Nefi jgħid, “ triq”—mhux “it- t-triq.”

Tgħid aħna qed nimmissjaw jew ninjoraw xi ħidmiet li qed jitlobna nwettqu l-Mulej f’ismu għaliex Huwa ħejja “triq” differenti milli stennejna aħna?

In-nannu tiegħi ġie mmexxi sa post mhux tas-soltu—liebes il-ġlekk, fuq bejt, f’jum il-Ħadd. Afda li Alla se jmexxik, anke jekk it-triq tidher differenti milli stennejt jew differenti minn oħrajn.

Qaddisin tal-aħħar żmien jiġu f’ħafna forom u daqsijiet, iżda “huma lkoll l-istess għal Alla”—“suwed u bojod, ilsira u ħielsa, irġiel u nisa,” single u miżżewġin, sinjuri u foqra, żgħażagħ u xjuħ, dawk li ilhom membri ħajjithom kollha u membri ġodda.12 Intom min intom u huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi tagħkom, intom ġejtu mistednin madwar il-mejda tal-Mulej.13

Hekk kif it-tfittxija u l-ħidma tagħkom li tagħmlu r-rieda tal-Missier issir xi ħaġa komuni fil-ħajja ta’ kuljum tagħkom, intom, bla dubju, se tiġu mmexxija biex tinbidlu u tindmu.

Il-programm il-ġdid tal-Knisja għat-tfal u ż-żgħażagħ huwa mibni fuq il-pedament tat-tagħlim biex infittxu r-rivelazzjoni, niskopru dak li jridna nagħmlu l-Mulej, u mbagħad naġixxu skont dik id-direzzjoni. Kull wieħed u waħda minna, irrispettivament mill-età jew ċirkustanzi tagħna, jista’ jagħmel l-almu tiegħu biex ifittex, jirċievi, u jaġixxi. Hekk kif intom timxu wara dan il-mudell etern, intom tersqu aktar viċin Ġesù Kristu—l-imħabba Tiegħu, id-dawl Tiegħu, id-direzzjoni Tiegħu, il-paċi Tiegħu, u l-fejqan u l-qawwa Tiegħu li ssaħħaħna. U intom se tkabbru l-kapaċità spiritwali tagħkom biex issiru strumenti ta’ kuljum f’idejh fit-twettiq tal-ħidma kbira Tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja