2010-2019
Teżori Spiritwali
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Teżori Spiritwali

Hekk kif intom teżerċitaw il-fidi fil-Mulej u fil-qawwa tas-saċerdozju Tiegħu, l-abbiltà tagħkom li tagħmlu użu minn dan it-teżor spiritwali li l-Mulej għamel disponibbli tikber.

Grazzi għal dik il-mużika mill-isbaħ. Hekk kif aħna lkoll qomna biex inkantaw dak l-innu intermedjarju, “Grazzi, O Alla, li Tajtna Profeta,” f’moħħi feġġew żewġ ħsibijiet mill-aktar qawwija. Wieħed hu dwar il-Profeta Joseph Smith, il-profeta ta’ din id-dispensazzjoni. Aktar ma jgħaddi ż-żmien l-imħabba u l-ammirazzjoni tiegħi lejh aktar tikber. It-tieni ħsieb feġġ hekk kif jiena ħarist lejn marti, lejn uliedi, lejn in-neputijiet tiegħi u lejn uliedhom. Ħassejtni bħallikieku nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom tagħmlu parti mill-familja tiegħi.

Bosta xhur ilu, fi tmiem sezzjoni ta’ dotazzjoni tat-tempju, jiena għidt lil marti Wendy, “Nittama li ħutna n-nisa jifhmu kemm-il teżor spiritwali jistgħu jirċievu mit-tempju.” Ħuti, jien spiss naħseb dwarkom, kif għamilt xahrejn ilu meta jiena u Wendy konna qed inżuru Harmony, f’Pennsylvania.

Restawrazzjoni tas-Saċerdozju ta’ Aaron

Din kienet it-tieni darba li konna morna hemm. Id-darbtejn li huma ħassejniena verament kommossi hekk kif konna mexjin fuq dik l-art sagra. Kien viċin Harmony li Ġwanni l-Battista deher lil Joseph Smith u rrestawra s-Saċerdozju ta’ Aaron.

Restawrazzjoni tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek

Kien hemmhekk li dehru l-Appostli Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex jirrestawraw is-Saċerdozju Melkisedeku.

Kien f’Harmony li Emma Hale Smith serviet bħala l-ewwel kittieba ta’ żewġha hekk kif il-Profeta ttraduċa l-Ktieb ta’ Mormon.

Kien ukoll ġo Harmony li Joseph irċieva rivelazzjoni li turi r-rieda tal-Mulej għal Emma. Il-Mulej talab lil Emma biex tixtarr l-iskrittura, biex twissi lill-Knisja, biex tirċievi l-Ispirtu s-Santu, u biex tqatta’ ħinha “titgħallem kemm tista’.” Emma ġiet imwiddba wkoll biex “twarrab il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja u tfittex ħwejjeġ ta’ dinja aħjar” u biex tibqa’ leali lejn il-patti tagħha ma’ Alla. Il-Mulej għalaq l-istruzzjoni Tiegħu b’dan il-kliem mill-aktar eċċitanti: “Dan hu l-leħen li jilħaq lil kulħadd tiegħi.”1

Dak kollu li seħħ f’dawn l-inħawi jħalli implikazzjonijiet mill-aktar profondi fil-ħajja tagħkom . Ir-restawrazzjoni tas-saċerdozju, flimkien mal-parir li l-Mulej ta lil Emma, jistgħu jiggwidaw u jbierku lil kull waħda minnkom. Kemm nixtieqkom tifhmu li r-restawrazzjoni tas-saċerdozju hija relevanti għalikom bħala nisa daqs kemm hi għal kwalunkwe raġel. Peress li s-Saċerdozju Melkisedeku ġie rrestawrat, kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel li jżommu l-patti tagħhom it-tnejn għandhom aċċess għal “kull barka spiritwali tal-Knisja”2 jew, nistgħu ngħidu, għat-teżori spiritwali li l-Mulej għandu għal uliedu.

In-nisa u l-irġiel kollha li jagħmlu l-patti ma’ Alla u jżommu dawk il-patti, u li jipparteċipaw b’mod den fl-ordinanzi tas-saċerdozju, għandhom aċċess dirett mal-qawwa ta’ Alla. Dawk li huma iddotati fid-dar tal-Mulej jirċievu don tal-qawwa tas-saċerdozju ta’ Alla bil-virtù tal-patt tagħhom, flimkien mad-don tal-għarfien li jkunu jafu kif għandhom jagħmlu użu minn dik il-qawwa.

Is-smewwiet jinsabu miftuħin għan- nisa li huma iddotati bil-qawwa ta’ Alla li hi riżultat tal-patti tagħhom tas-saċerdozju daqskemm huma għall-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju. Jien nitlob li l-verità tiġi rreġistrata f’qalbkom għaliex nemmen li tista’ tibdlilkom ħajjitkom. Ħuti, intom għandkom id-dritt li verament tagħmlu użu mill-qawwa tas-Salvatur biex tgħinu lill-familja tagħkom u lil dawk li tħobbu.

Issa, intom tafu qed tistaqsu lilkom infuskom, “Din tidher ħaġa meraviljuża, iżda kif nistgħu nagħmlu dan? Kif nista’ nagħmel użu mill-qawwa tas-Salvatur f’ħajti?”

Dan il-proċess ma ssibuhx spjegat f’xi manwal. L-Ispirtu s-Santu jkun l-għalliem personali tagħkom hekk kif intom tfittxu li tifhmu dak li jridkom tkunu tafu u tagħmlu l-Mulej. Dan il-proċess la hu xi ħaġa ta’ malajr u lanqas faċli, iżda hu xi ħaġa li ssaħħaħkom spiritwalment. X’jista’ jkun aktar eċċitanti milli taħdmu flimkien mal-Ispirtu biex tifhmu l-qawwa ta’ Alla—il-qawwa tas-saċerdozju?

Dak li jien nista’ ngħidilkom hu li biex taċċessaw il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitkom intom teħtieġu l-istess affarijiet li l-Mulej talab lil Emma u lil kull waħda minnkom biex tagħmel.

Għalhekk nistedinkom biex bl-għajnuna tat-talb intom tistudjaw sezzjoni 25 tad-Duttrina u Patti u tiskopru dak li l-Ispirtu s-Santu għandu x’jgħallimkom. L-isforzi personali u spiritwali tagħkom iwasslulkom il-ferħ hekk kif intom tiksbu, tifhmu, u tużaw il-qawwa li biha ġejtu ddotati.

Parti minn dan l-isforz jeħtieġ minnkom li tpoġġu fil-ġenb il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Xi kultant aħna nitkellmu b’mod każwali dwar li nimxu ’l bogħod mid-dinja bil-kontensjoni, bit-tentazzjoni kull fejn tmiss, u bil-filosofiji foloz tagħha. Iżda biex verament tagħmlu dan jeħtieġ li intom teżaminaw ħajjitkom b’mod metikoluż u regolari. Hekk kif tagħmlu dan, l-Ispirtu s-Santu jnebbaħkom dwar dak li m’għadux aktar bżonnjuż, li mhuwiex aktar den tal-ħin u l-enerġija tagħkom.

Hekk kif intom iddawru l-attenzjoni tagħkom lil hinn mid-distrazzjoni tad-dinja, xi affarijiet li għalikom bħalissa jidhru importanti ma jibqgħux daqstant ta’ prijorità. Jeħtieġ li intom tgħidu le għal ċerti affarijiet, anke jekk jidhru li ma jagħmlux ħsara. Hekk kif intom timbarkaw irwieħkom ma’ dan il-proċess li tkomplu tikkonsagraw il-ħajja tagħkom lil Mulej, u tkomplu tagħmlu dan tul ħajjitkom, it-tibdil fil-perspettiva, fis-sentimenti, u fil-qawwa spiritwali tagħkom jasal biex jimmeraviljakom!

Issa kelma żgħira ta’ twissija. Hemm dawk li lesti jagħmlu minn kollox biex idgħajfu l-abbiltà tagħkom li tfittxu l-qawwa ta’ Alla. Hemm dawk li jwasslukom biex tiddubitaw fikom infuskom u jimminimizzaw il-kapaċità spiritwali eċċellenti tagħkom bħala nisa twajbin.

Ċertament li l-avversarju ma jridkomx tifhmu l-patt li intom għamiltu fil-magħmudija jew id-dotazzjoni profonda ta’ għarfien u qawwa li intom irċevejtu jew se tirċievu fit-tempju—id-dar tal-Mulej. U Satana ċertament ma jridkomx tifhmu li kull darba li intom isservu u tqimu b’mod den fit-tempju, intom toħorġu minn hemm armati bil-qawwa ta’ Alla u bl-anġli Tiegħu “jieħdu ħsiebkom”.3

Satana u s-segwaċi tiegħu kontinwament joħolqulkom diversi ostakli biex ma jħallukomx tifhmu d-doni spiritwali li permezz tagħhom intom ġejtu u se tkunu mberkin. Sfortunatament, ċerti ostakli jafu jkunu riżultat ta’ mġieba ħażina ta’ ħaddieħor. Inħossni dispjaċut meta naħseb li xi wħud minnkom ħassejtukom emarġinati jew li ma ġejtux emmnuti minn xi mexxej tas-saċerdozju jew ġejtu abbużati jew ittraduti minn żwieġkom, minn missierkom, jew minn xi ħadd li suppost huwa ħabib. Inħossni mnikket verament li xi wħud minnkom ħassejtukom imwarrbin, diżrispettati, jew iġġudikati ħażin. Dawn it-tip ta’ offiżi mhux posthom fis-saltna ta’ Alla.

Kuntrarju għal dan, verament nieħu gost meta nisma’ b’irġiel li jħaddnu s-saċerdozju li b’ħerqa jfittxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kunsilli tal-qasam u tal-wited. Inħossni nispira ruħi b’kull raġel li juri li l-aktar responsabbiltà tas-saċerdozju importanti tiegħu hi li jieħu ħsieb martu.4 Jien għandi kliem ta’ tifħir għal dak ir-raġel li verament jirrispetta l-abbiltà ta’ martu li tirċievi r-rivelazzjoni u jgħożża bħala s-sieħba ndaqs fiż-żwieġ tagħhom.

Meta raġel jifhem il-vera majestà u qawwa ta’ mara twajba u ddotata Qaddisa tal-Aħħar Żmien li dejjem tfittex, hi ħaġa soprendenti mela li hu jħossu bħallikieku jrid iqum bilwieqfa kull meta hi tidħol fil-kamra?

Mill-bidu taż-żminijiet, in-nisa ġew imberkin permezz ta’ boxxla morali unika—l-abbiltà li jiddistingwu t-tajjeb mill-ħażin. Dan id-don jiżviluppa f’dawk li jagħmlu u żommu l-patti tagħhom. U jonqos f’dawk li minn jeddhom jinjoraw il-kmandamenti ta’ Alla.

Ikolli ngħid li jien bl-ebda mod ma nassolvi lill-irġiel mill-ħtieġa ta’ Alla għalihom ukoll li jiddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Iżda, għeżież ħuti nisa, l-abbiltà tagħkom li tagħrfu bejn il-verità u l-iżball, li tkunu l-gwardjani tal-moralità tas-soċjetà, hija kruċjali f’dawn l-aħħar żminijiet. U aħna niddependu fuqkom biex tgħallmu lil ħaddieħor jagħmel l-istess. Ippermettuli nkun verament ċar dwar dan: jekk id-dinja titlef ir-rettitudni morali tan-nisa tagħha, id-dinja qatt ma tirkupra.

Aħna l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien m’aħniex tad-dinja; aħna ta’ Iżrael tal-patt. Aħna msejħin biex inħejju poplu għat-Tieni Miġja tal-Mulej.

Issa, ippermettuli niċċara ċerti punti oħra relatati man-nisa u s-saċerdozju. Meta intom tiġu distinti biex isservu f’xi sejħa taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju—bħall-isqof jew il-president tal-wited—intom tiġu mogħtija awtorità saċerdotali li tiffunzjonaw f’dik is-sejħa.

Bl-istess mod, fit-tempju mqaddes intom awtorizzati biex tieħdu sehem u tiffunzjonaw f’ordinanzi tas-saċerdozju kull darba li tattendu. Id-dotazzjoni tagħkom tat-tempju tħejjikom biex tagħmlu dan.

Jekk intom iddotati iżda bħalissa m’intomx miżżewġin raġel li jħaddan is-saċerdozju u xi ħadd jgħidilkom, “Jiddispjaċini li m’għandekx is-saċerdozju fid-dar tiegħek,” jekk jogħġobkom ifhmu li dik id-dikjarazzjoni hija żbaljata. Jista’ jkun veru li m’għandkomx xi ħadd lijħaddan is-saċerdozju f’darkom, iżda intom irċevejtu u għamiltu patti sagri ma’ Alla fit-tempju Tiegħu. Minn dawk il-patti tirċievu fuqkom dotazzjoni tal-qawwa tas-saċerdozju Tiegħu. U ftakru, jekk ir-raġel tagħkom imut, tkunu intom li tippresjedu f’darkom.

Bħala nisa Qaddisin tal-Aħħar Żmien iddotati u twajbin, intom titkellmu u tgħallmu b’qawwa u awtorità minn Alla. Kemm jekk permezz ta’ eżortazzjoni jew konverżazzjoni, aħna neħtieġu l-leħen tagħkom jgħallem id-duttrina ta’ Kristu. Neħtieġu l-kontribut tagħkom fil-kunsilli tal-familja, tal-qasam u tal-wited. Is-sehem tagħkom huwa essenzjali u qatt mhu ornamentali!

Għeżież ħuti nisa, il-qawwa tagħkom tikber hekk kif isservu lil ħaddieħor. It-talb u s-sawn tagħkom, il-ħin li tgħaddu tistudjaw l-iskrittura, is-servizz fit-tempju u l-istorja tal-familja se jiftħu bwieb is-sema għalikom .

Nitlobkom biex bl-għajnuna tat-talb tistudjaw il-veritajiet kollha li tistgħu ssibu dwar il-qawwa tas-saċerdozju. Taf tridu tibdew b’ Doctrine and Covenants sezzjoni 84 u 107. Dawk is-sezzjonijiet jeħdukom fi skrittura oħra. L-iskrittura u t-tagħlim tal-profeti, bassâra, u rivelaturi ta’ żmienna huma mimlijin b’din il-verità. Hekk kif l-għarfien tagħkom jikber u hekk kif teżerċitaw il-fidi fil-Mulej u fil-qawwa tas-saċerdozju Tiegħu, l-abbiltà tagħkom li tagħmlu użu minn dan it-teżor spiritwali li l-Mulej għamel disponibbli tikber. Hekk kif tagħmlu dan, intom issiru aktar kapaċi biex tgħinu toħloqu familji eterni li huma magħqudin u ssiġillati fit-tempju tal-Mulej, u mimlijin imħabba lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn Ġesù Kristu.

L-isforzi kollha tagħna li nimministraw lil xulxin, li nxandru l-evanġelju, li nipperfezzjonaw lill-Qaddisin, u li nifdu lill-mejtin jiltaqgħu flimkien fit-tempju mqaddes. Illum aħna għandna 166 tempju madwar id-dinja, u dalwaqt ikollna oħrajn.

Kif tafu, se jsir ċertu tiġdid fit-Tempju ta’ Salt Lake, fil-Pjazza tat-Tempju, u fil-misraħ li jmiss magħha ħdejn il-Bini tal-Uffiċċju tal-Knisja bħala proġett li se jinbeda fl-aħħar ta’ din is-sena. Dan it-tempju sagru għandu jiġi ppreservat u ppreparat biex jispira ġenerazzjonijiet futuri, bl-istess mod kif influwenza lilna f’din il-ġenerazzjoni.

Hekk kif il-Knisja tikber, se jkunu qed jinbnew aktar tempji ħalli aktar familji jkun jista’ jkollhom aċċess għall-akbar barka fost il-barkiet kollha, dik tal-ħajja eterna.5 Aħna nqisu t-tempju bħala l- aktar bini sagru fil-Knisja. Kull meta jiġu mħabbra l-pjanijiet biex jinbena xi tempju ġdid, dan isir parti importanti mill-istorja tagħna. Kif iddiskutejna hawnhekk illejla, intom l-aħwa nisa verament importanti fil-ħidma tat-tempju, u t-tempju hu fejn intom tistgħu tirċievu l-akbar teżori spiritwali tagħkom.

Jekk jogħġobkom isimgħu bir-reqqa u b’qima hekk kif issa jiena se nħabbar il-pjanijiet biex nibnu tmien tempji ġodda. Jekk jitħabbar xi tempju f’post li hu sinifikanti għalikom, nissuġġerixxi biex b’reverenza u bi gratitudni f’qalbkom intom sempliċiment tbaxxu raskom. Aħna bi pjaċir se nħabbru l-pjanijiet biex nibnu tempji fil-postijiet li ġejjin: Freetown, fi Sierra Leone; Orem, f’Utah; Port Moresby, f’Papua New Guinea; Bentonville, f’Arkansas; Bacolod, fil-Filippini; McAllen, f’Texas; Cobán, fil-Gwatemala; u Taylorsville, f’Utah. Grazzi, għeżież ħuti. Aħna verament napprezzaw il-mod kif intom ilqajtu dawn il-pjanijiet u l-mod kif irreaġixxejtu b’qima.

Issa, biex nagħlaq, nixtieq inħallikom b’barka, li intom tkunu tistgħu tifhmu l-qawwa tas-saċerdozju li permezz tagħha intom ġejtu iddotati u li tkabbru din il-qawwa billi teżerċitaw il-fidi tagħkom fil- Mulej u fil-qawwa Tiegħu.

Għeżież ħuti, b’rispett kbir u bi gratitudni profonda, jiena nesprimi mħabbti lejkom. B’umiltà, niddikjara li Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu. Din hi l-Knisja Tiegħu. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.