2010-2019
Nerfgħu Salibna
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Nerfgħu Salibna

Li ġġorru salibkom u timxu wara s-Salvatur ifisser li tkomplu mexjin bil-fidi fit-triq tal-Mulej u mhux tagħtuha għall-vizzji tad-dinja.

Għeżież ħuti, tul dawn l-aħħar jumejn aħna rċevejna tagħlim mill-isbaħ mingħand il-mexxejja tagħna. Jien nixhed magħkom li jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex napplikaw f’ħajjitna dan it-tagħlim ispirat u f’waqtu, il-Mulej, permezz tal-grazzja Tiegħu, jgħin lil kull wieħed u waħda minna nġorru salibna u Hu jħaffef it-tagħbija tagħna.1

Meta kien qrib Ċesarija ta’ Filippu, is-Salvatur żvela lid-dixxipli Tiegħu minn xiex kellu jgħaddi minnu minħabba x-xjuħ, il-qassisin il-kbar, u l-kittieba f’Ġerusalemm. Hu għallimhom speċifikament dwar il-mewt u r-Resurrezzjoni glorjuża Tiegħu.2 Dak iż-żmien partikolari, id-dixxipli Tiegħu ma fehmux għal kollox il-missjoni divina Tiegħu fid-dinja. Pietru stess, meta sema’ dak li qal is-Salvatur, ressqu fil-ġenb u ċanfru, billi qallu, “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik.”3

Biex jgħin lid-dixxipli Tiegħu jifhmu li d-devozzjoni lejn il-ħidma Tiegħu kienet tinkludi s-sottomissjoni u s-sofferenza, is-Salvatur iddikjara bla tlaqliq:

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.

“Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha: imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

“Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?”4

Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, is-Salvatur enfasizza li dawk kollha li huma lesti li jimxu warajh jeħtieġ li jiċħdu lilhom infushom u jikkontrollaw ix-xewqat, l-aptiti, u l-passjonijiet tagħhom, jissagrifikaw kollox, anke l-ħajja nnifisha jekk hemm bżonn, billi jkunu sottomessi kompletament għar-rieda tal-Missier—kif għamel Hu.5 Dan hu, fil-fatt, il-prezz li għandu jitħallas għas-salvazzjoni ta’ ruħ. Ġesù, intenzjonalment u metaforikament, uża s-simbolu ta’ salib biex jgħin lid-dixxipli Tiegħu jifhmu aħjar xi jfissru s-sagrifiċċju u d-devozzjoni lejn il-kawża tal-Mulej. L-immaġni tas-salib kienet magħrufa sew fost id-dixxipli Tiegħu u l-abitanti tal-Imperu Ruman minħabba li r-Rumani kienu jisfurzaw lill-vittmi tal-kruċifissjoni biex iġorru s-salib jew iz-zokk tas-salib tagħhom fil-pubbliku sal-post fejn kienu se jissalbu.6

Kien biss wara l-Qawmien mill-Imwiet tas-Salvatur li d-dixxipli bdew jifhmu sew dak kollu li kien inkiteb dwaru7 u x’kien meħtieġ minnhom minn dak iż-żmien ’il quddiem.8

Bl-istess mod, ilkoll kemm aħna, bħala aħwa, jeħtieġ niftħu moħħna u qalbna sabiex inkunu nistgħu nifhmu aktar tajjeb ir-relevanza li nġorru salibna u nimxu warajh. Aħna nitgħallmu permezz tal-iskrittura li dawk li jixtiequ jġorru salibhom tant iħobbu lil Ġesù Kristu illi huma jiċħdu lilhom infushom minn kull ħażen u minn kull ġibda tad-dinja u jżommu l-kmandamenti Tiegħu.9

Id-determinazzjon tagħna li nwarrbu dak kollu li hu kuntrarju għar-rieda ta’ Alla u nissagrifikaw dak kollu li mitlubin nagħtu, u nagħmlu li tistgħu biex nimxu wara t-tagħlim Tiegħu jgħinna nibqgħu mexjin fit-triq tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—anke meta niffaċċjaw it-tribulazzjoni, id-dgħjufija ta’ ruħna, jew il-pressjoni soċjali u l-filosofiji tad-dinja li jopponu t-tagħlim Tiegħu.

Per eżempju, għal dawk li għadhom ma sabux il-kumpann etern tagħhom u jafu jħossuhom weħidhom u bla tama, jew għal dawk li ddivorzjaw u jħossuhom abbandunati u minsijin, nassigurakom li taċċettaw l-istedina tas-Salvatur u tieħdu fuqkom s-slaleb tagħkom u timxu warajh ifisser li tkomplu mexjin bil-fidi fit-triq tal-Mulej, iżżommu xejra ta’ dinjità, u mhux tagħtuha għall-vizzji tad-dinja li eventwalment jisirqulna t-tama tagħna fl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.

L-istess prinċipji japplikaw għal dawk fostkom li qed tesperjenzaw attrazzjoni tal-istess sess u tħossukom skoraġġuti u impotenti. U forsi għal din ir-raġuni xi wħud minnkom qed tħossu li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu m’għadux japplika aktar għalikom. Jekk dan huwa l-każ, irrid nassigurakom li dejjem hemm tama f’Alla l-Missier u fil-pjan Tiegħu ta’ ferħ, f’Ġesù Kristu u fis-sagrifiċċju tal-espjazzjoni Tiegħu, u f’li ngħixu l-kmandamenti Tagħhom ta’ mħabba. Fl-għerf perfett u fil-qawwa, fil-ġustizzja, u fil-ħniena perfetta Tiegħu, il-Mulej jaf jagħmilna Tiegħu, sabiex aħna kunu nistgħu nittieħdu fil-preżenza Tiegħu u jkollna s-salvazzjoni eterna, jekk aħna nżommu l-kmandamenti b’mod kostanti u dejjiem10 u nħabirku dejjem f’għemejjel tajbin.11

Lil dawk fostkom li wettaqtu dnubiet serji, li taċċettaw din l-istess stedina ifisser, fost ħwejjeġ oħra, li tiċċekknu quddiem Alla, tiddiskutu mal-mexxejja xierqa tal-Knisja, u tindmu u tiċħdu dnubietkom. Dan il-proċess ibierek ukoll lil dawk kollha li qed jikkumbattu ċerti vizzji debilitanti, fosthom l-opjojdi, id-drogi, l-alkoħol, u l-pornografija. Li tieħdu dawn il-passi jwassalkom aktar viċin tas-Salvatur, li ultimament jista’ jeħliskom mill-ħtija, min-niket, u mill-jasar spiritwali u fiżiku. Barra minn hekk, intom tafu tridu tfittxu wkoll is-sapport tal-familja tagħkom, tal-ħbieb, u ta’ professjonisti kompetenti mediċi u li tistgħu tikkonsultaw magħhom.

Jekk jogħġobkom qatt taqtgħu qalbkom jekk qed tippruvaw u terġgħu tippruvaw iżda xorta tħossu li mhux qed jirnexxilkom, u tikkunsidraw lilkom infuskom mhux kapaċi li tabbandunaw id-dnubiet u tegħlbu l-vizzji. Ma taffordjawx li tieqfu tippruvaw u minn dak il-mument tkomplu għaddejjin fid-dgħjufija u d-dnub! Dejjem ipprovaw agħmlu l-almu tagħkom, u uru permezz tal-għemejjel tagħkom ix-xewqa li tnaddfu l-ġewwieni tagħkom, kif għallem is-Salvatur.12 Xi kultant is-soluzzjonijiet għal ċerti sfidi jaslu wara xhur sħaħ ta’ sforz kontinwu. Il-wegħda li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon li “hu permezz tal-grazzja li aħna nsalvaw, wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu,”13 f’dan il-każ hija applikabbli f’dawn iċ-ċirkustanzi. Jekk jogħġobkom ftakru li d-don tal-grazzja li tana s-Salvatur mhuwiex neċessarjament limitat fiż-żmien għal ‘wara’ li nagħmlu dak kollu li nistgħu. Aħna nistgħu nirċievu l-grazzja Tiegħu qabel, waqt, u wara ż-żmien meta aħna nkunu qed nagħmlu l-isforzi kollha tagħna.”14

Jiena nixhed li hekk kif aħna kontinwament nagħmlu l-almu tagħna biex negħlbu l-isfidi tagħna, Alla jberikna bid-doni tal-fidi biex infiqu u tas-setgħa tal-mirakli.15 Huwa jagħmel għalina dak li m’aħniex kapaċi nagħmlu għalina nfusna.

Barra minn hekk, intom li tħossukom imqarrsin, offiżi, jew maħkumin minn niket għal xi ħaġa li tħossu li qed tesperjenzaw inġustament, li ġġorru salibkom u timxu wara s-Salvatur ifisser li tippruvaw twarrbu minn ġo fikom dawn is-sentimenti u dduru lejn il-Mulej ħalli Huwa jkun jista’ jeħlisna minn dan l-istat ta’ moħħ u jgħinna nsibu l-paċi. Sfortunatament, jekk aħna nibqgħu nippersistu b’dawn is-sentimenti u emozzjonijiet negattivi, nafu nsibu ruħna ngħixu mingħajr l-influwenza tal-Ispirtu tal-Mulej f’ħajjitna. Aħna ma nistgħux nindmu għal ħaddieħor, iżda nistgħu naħfrulhom—billi nirrifjutaw li ninżammu ostaġġi minn dawk li għamlulna l-ħsara.16

L-iskrittura tgħallem li hemm mod kif nistgħu noħorġu minn dawn is-sitwazzjonijiet—billi nistiednu lis-Salvatur tagħna jgħinna nibdlu l-qalb tal-ġebel tagħna b’qalb ġdida.17 Biex dan iseħħ, jeħtieġ li mmorru quddiem il-Mulej bid-dgħjufijiet tagħna18 u nitolbu għall-għajnuna u l-maħfra Tiegħu,19 speċjalment waqt il-mument sagru meta kull nhar ta’ Ħadd nieħdu sehem fis-sagrament. Jalla aħna nagħżlu li nfittxu l-għajnuna Tiegħu u nieħdu pass importanti u diffiċli billi naħfru lil dawk li weġġgħuna ħalli l-ġrieħi tagħna jistgħu jibdew jitfiequ. Inwegħidkom li waqt li tagħmlu dan, l-iljieli tagħkom ikunu mimlijin bis-serħan tal-moħħ għax tafu li moħħkom jinsab fil-paċi mal-Mulej.

Meta fl-1839 il-Profeta Joseph Smith kien jinsab fil-Ħabs ta’ Liberty huwa kiteb ittra lill-membri tal-Knisja li kien fiha ċerti profeziji li huma mill-aktar applikabbli f’dawn iċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjonijiet kollha. Huwa kiteb, “It-tronijiet, id-dominji, il-prinċipalitajiet u l-qawwiet kollha se jiġu żvelati u stabbiliti fuq dawk li baqgħu jikkumbattu b’kuraġġ minħabba l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”20 Għalhekk, għeżież ħuti, dawk li ħadu fuqhom infushom l-isem tas-Salvatur, jafdaw fil-wegħdiet Tiegħu u jibqgħu jipperseveraw sal-aħħar, se jsalvaw21 u se jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.22

Aħna lkoll niffaċċjaw ċirkustanzi avversi f’ħajjitna li jwassluna biex inħossuna mnikktin, impotenti, bla tama, u xi kultant anke mdgħajfin. Uħud minn dawn is-sentimenti jafu jwassluna biex nistaqsu lill-Mulej: “Għalfejn jien qiegħed nesperjenza dawn is-sitwazzjonijiet?” jew “Għalfejn minix nilħaq l-aspettattivi tiegħi? Wara kollox, jiena qed nagħmel dak kollu li nista’ biex inġorr salibi u nimxi wara s-Salvatur!”

Għeżież ħbieb tiegħi, jeħtieġ niftakru li nieħdu fuqna s-salib tagħna jinkludi li nkunu umli u nafdaw f’Alla u fl-għerf infinit Tiegħu. Jeħtieġ nagħrfu li Huwa konxju minn kull wieħed u waħda minna u mill-bżonnijiet tagħna. Huwa wkoll neċessarju li naċċettaw il-fatt li ż-żmien magħżul tal-Mulej huwa differenti minn tagħna. Xi kultant aħna nfittxu li niksbu xi barka partikolari u niddeċiedu aħna meta l-Mulej għandu jagħtihielna. Aħna ma nistgħux nikkundizzjonaw il-fedeltà tagħna lejh billi nimponulu żmien partikolari sakemm għandu jagħtina dak li nixtiequ. Meta nagħmlu dan, aħna nkunu nixbhu lin-Nefiti xettiċi miż-żminijiet tal-qedem, li għaddew lil ħuthom biż-żmien billi qalulhom li ż-żmien kien skada meta kellu jitwettaq il-kliem li kien qal Samwel il-Lamanita, u spiċċaw ħolqu konfużjoni fost dawk li kienu jemmnu.23 Jeħtieġ li nafdaw biżżejjed fil-Mulej li nistgħu nieqfu u nafu li Hu Alla, li Huwa jaf kollox, u li Hu konxju ta’ kull wieħed u waħda minna.24

Immaġni
Il-Presbiteru Soares jimministra lil Sister Calamassi

Riċentiment jiena kelli l-opportunità li nimministra lil waħda armla jisimha Franca Calamassi, li qed tbati minn marda debilitanti. Sister Calamassi kienet l-ewwel membru tal-familja tagħha li ngħaqdet mal-knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu. Minkejja li żewġha baqa’ qatt ma tgħammed, huwa kien aċċetta li jiltaqa’ mal-missjunarji u spiss kien jattendi l-laqgħat tal-Knisja. Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, Sister Calamassi baqgħet fidila u rabbiet erbat itfal fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Sena wara l-mewt ta’ żewġha, Sister Calamassi ħadet lil wliedha fit-tempju, u huma ħadu sehem f’ordinanzi sagri u ġew issiġillati flimkien bħala familja. Il-wegħdiet marbuta ma’ dawn l-ordinanzi ġabulha ħafna tama, ferħ, u hena li għenuha tibqa’ għaddejja f’ħajjitha.

Immaġni
Il-familja Calamassi fit-tempju

Meta bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda, l-isqof tagħha ta barka. Dak iż-żmien hija qalet lill-isqof li hija kienet lesta taċċetta r-rieda tal-Mulej, fejn esprimiet il-fidi tagħha li tfiq kif ukoll il-fidi tagħha li tibqa’ tikkumbatti l-marda tagħha sat-tmiem.

Waqt iż-żjara tiegħi, hekk kif kont qed inżomm id Sister Calamassi u nħares f’għajnejha, jiena stajt nara bħal dija tiddi fuq wiċċha—li kienet tirrifletti l-kunfidenza tagħha fil-pjan ta’ Alla u d-dija perfetta ta’ tama fl-imħabba tal-Missier u l-pjan Tiegħu għaliha.25 Jiena ħassejt id-determinazzjoni soda tagħha li tibqa’ tikkumbatti fil-fidi tagħha sal-aħħar billi terfa’ salibha, minkejja l-isfidi li kienet qed tiffaċċja. Il-ħajja ta’ din l-oħt hija testimonjanza ta’ Kristu, dikjarazzjoni tal-fidi u d-devozzjoni tagħha lejh.

Ħuti, jiena nixhed magħkom li nieħdu fuqna s-salib tagħna u nimxu wara s-Salvatur jeħtieġ minna li nimxu wara l-eżempju Tiegħu u nagħmlu li nistgħu biex insiru bħalu,26 niffaċċjaw bil-paċenzja kollha ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, niċħdu u nistmerru l-aptiti tal-bniedem naturali, u nistennew iż-żmien li jagħżel il-Mulej. Is-Salmista kiteb:

“Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.”27

“Hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.”28

Jiena nixhed magħkom li jekk aħna nimxu wara l-passi tal-Imgħallem u nistennew iż-żmien li jagħżel Hu, li huwa l-aqwa tabib ta’ ħajjitna, dan jipprovdilna mistrieħ għal ruħna u jħaffef it-tagħbija tagħna.29 Dwar dan kollu jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja