Wara l-Prova tal-Fidi Tagħna
Hekk kif nimxu wara l-leħen ta’ Alla u fit-triq Tiegħu tal-patt, Huwa jsaħħaħna fl-isfidi tagħna.
Meta kont għadi daqsxejn ta’ tifel, Frank Talley, membru tal-Knisja offra li jgħin lill-familja tiegħi tivvjaġġa bl-ajruplan mill-Puerto Rico sal-Belt ta’ Salt Lake ħalli aħna nkunu nistgħu niġu ssiġillati fit-tempju, iżda ma damux ma bdew ifeġġu l-ostakli. Waħda minn ħuti l-bniet, Marivid, mardet. Inkwetati, il-ġenituri tiegħi talbu dwar x’kellhom jagħmlu u ħassew li xorta waħda kellna nivvjaġġaw. Huma kellhom fiduċja li hekk kif huma kienu se jimxu b’fedeltà wara s-suġġerimenti tal-Mulej, il-familja tagħna kienet se tiġi mħarsa u mbierka—u hekk ġara.
Ikunu xi jkun l-ostakli li niffaċċjaw f’din il-ħajja, aħna nistgħu nafdaw li Ġesù Kristu se jħejji triq ’il quddiem hekk kif aħna nimxu b’fidi. Alla wiegħed li dawk kollha li jgħixu skont il-patti li għamlu miegħu sejrin, fil-ħin Tiegħu, jirċievu l-barkiet kollha mwiegħda Tiegħu. Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland għallem, “Xi barkiet niksbuhom fi żmien qasir, oħrajn jaslu aktar tard, u xi oħrajn irridu nistennew sakemm inkunu fis-smewwiet; iżda għal dawk li jħaddnu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jaslu żgur.”1
Moroni għallem li “il-fidi hija dawk il-ħwejjeġ li nittamaw għalihom u ma jidhrux; għalhekk, targumentawx għaliex ma tarawx, għax biex intom tiksbu xhieda l-ewwel tridu tgħaddu mill-prova tal-fidi tagħkom.”2
Il-mistoqsija tagħna hi, X’għandna nagħmlu biex inkunu nistgħu nikkumbattu aħjar l-isfidi li niltaqgħu magħhom?
Fl-ewwel rimarki tiegħu fil-pubbliku bħala President tal-Knisja, il-President Russell M. Nelson għallem: “Bħala l-Presidenza l-ġdida, aħna rridu nibdew bl-għan aħħari f’moħħna. Għal din ir-raġuni, aħna llum qed inkellmukom minn ġewwa t-tempju. L-għan aħħari li lkoll qed nippruvaw nilħqu hu li nkunu mogħnija bil-qawwa f’dar tal-Mulej, niġu ssiġillati bħala familji, u nkunu fidili lejn il-patti li aħna nagħmlu fit-tempju li jikkwalifikawna għall-akbar rigal ta’ Alla—li hu l-ħajja eterna. L-ordinanzi tat-tempju u l-patti li intom tagħmlu hemmhekk huma essenzjali biex isaħħu l-ħajja tagħkom, iż-żwieġ u l-familja tagħkom u l-abbiltà tagħkom li tirreżistu l-attakki tal-avversarju. Il-qima tagħkom fit-tempju u s-servizz tagħkom hemm f’isem l-antenati tagħkom iberkukom b’aktar rivelazzjoni personali u b’aktar paċi u jiffortifikaw l-impenn tagħkom li tibqgħu fit-triq tal-patt.”3
Hekk kif nimxu wara l-leħen ta’ Alla u fit-triq Tiegħu tal-patt, Huwa jsaħħaħna fl-isfidi tagħna.
Il-vjaġġ li l-familja tiegħi għamlet lejn it-tempju kienu wieħed diffiċli, iżda hekk kif bdejna resqin viċin it-tempju fil-Belt ta’ Salt Lake, f’Utah, ommi, kollha ferħ u fidi, qalet, “Kollox se jkun sew; il-Mulej se jipproteġina.” Aħna ġejna ssiġillati bħala familja, u oħti rkuprat. Dan seħħ biss wara l-prova tal-fidi tal-ġenituri tiegħi u għaliex huma mxew wara s-suġġerimenti tal-Mulej.
Dan l-eżempju tal-ġenituri tiegħi għadu jinfluwenza ħajjitna llum. L-eżempju tagħhom għallimna l- għalfejn tad-duttrina tal-evanġelju u għinna nifhmu t-tifsira, l-għan, u l-barkiet li jwasslilna l-evanġelju. Li nifhmu l- għalfejn tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jista’ jgħinna niffaċċjaw l-isfidi tagħna b’fidi.
Ultimament, dak kollu li Alla jistedinna u jitlobna biex nagħmlu huwa espressjoni tal-imħabba Tiegħu għalina u x-xewqa Tiegħu li jagħtina l-barkiet li huma riservati għall-fidili Tiegħu. Aħna ma nistgħux nassumu li wliedna se jitgħallmu jħobbu l-evanġelju weħidhom; hija r-responsabbiltà tagħna li ngħallmuhom. Hekk kif aħna ngħinu lil uliedna jitgħallmu kif jużaw b’għaqal l-għażla ħielsa tagħhom, l-eżempju tagħna jista’ jispirahom biex huma stess jagħżlu t-tajjeb. Il-ħajja tajba tagħhom min-naħa l-oħra tgħin lil uliedhom isiru jafu l-verità tal-evanġelju għalihom infushom.
Intom iż-żgħażagħ, isimgħu llum lill-profeta jkellimkom. Fittxu li titgħallmu l-veritajiet divini u fittxu li tifhmu l-evanġelju għalikom infuskom. M’ilux il-President Nelson għallem: “Intom x’ għerf teħtieġu? … Imxu wara l-eżempju tal-Profeta Joseph Smith. Sibu post kwiet. … Iċċekknu quddiem Alla. Iftħu qalbkom għal Missierkom tas-Smewwiet. Duru lejh biex iwieġeb it-talb tagħkom.”4 Hekk kif intom tfittxu li tiksbu l-gwida mingħand Missierkom tas-Smewwiet kollu mħabba, billi tisimgħu dak li jgħidulkom il-profeti ħajjin, u billi tosservaw l-eżempju ta’ ġenituri twajbin, intom ukoll tistgħu ssiru link b’saħħtu ta’ fidi fil-familja tagħkom.
Intom il-ġenituri li t-tfal tagħkom ħarġu mit-triq tal-patt, morru lura bil-ħlewwa. Għinuhom jifhmu l-veritajiet tal-evanġelju. Ibdew issa; qatt mhu tard wisq.
L-eżempju ta’ wieħed li jgħix ħajja tajba jista’ jagħmel differenza kbira. Il-President Nelson qal: “Bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna sirna wisq inħarsu lejn ‘knisja’ bħala xi ħaġa li tiġri fid-djar tal-laqgħat tagħna, issapportjata minn dak li jiġri fid-dar. Jeħtieġ li aħna nibdlu dan il-mod. Wasal iż-żmien ta’ Knisja ċċentrata madwar id-dar, issapportjata minn dak li jseħħ ġewwa l-bini tal-fergħa, tal-qasam u tal-wited tagħna.”5
L-iskrittura tgħallem, “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.”6
Tgħid ukoll, “U issa, peress li x-xandir tal-kelma għandu tendenza kbira li jmexxi lin-nies biex jagħmlu dak li hu ġust—iva, għandu effett setgħan fuq moħħ il-bniedem aktar mix-xabla, jew minn xi ħaġa oħra, li huma esperjenzaw—għalhekk Alma ħaseb li kien għaqli li huma jippruvaw il-virtù tal-kelma ta’ Alla.”7
Tingħad storja dwar mara li ħaditha bi kbira li binha kien qed jiekol ħafna ħelu. Minkejja li hi kemm-il darba qaltlu biex jieqaf, huwa kompla jissodisfa l-kilba li kellu għall-ħelu. Frustrata waħda sew, hija ddeċidiet li tieħu lil binha biex jara wieħed raġel għaref li tant kien jirrispetta.
Hija marret fuqu u qaltlu, “Sinjur, it-tifel tiegħi jiekol ħafna ħelu. Jekk jogħġbok tista’ tgħidlu biex ma jieqaf jieklu?”
Huwa qagħad jisma’ bir-reqqa kollha mbagħad qal lil binha, “Mur id-dar u erġa’ lura ħmistax oħra.”
Il-mara telqet lejn id-dar ma’ binha, imħawwda għalfejn hu ma talabx lit-tifel biex jieqaf jiekol dak il-ħelu kollu.
Ħmistax wara reġgħu marru. Ir-raġel għaref ħares direttament lejn it-tifel u qal, “Ibni, missek tieqaf tiekol dak il-ħelu kollu. Mhux tajjeb għal saħħtek.”
It-tifel għamel sinjal b’rasu li hekk se jagħmel.
Omm it-tifel staqsiet, “Għalfejn ma għedtlux dan ħmistax ilu?”
Ir-raġel għaref tbissem. “Ħmistax ilu jien stess kont għadi qed niekol ħafna ħelu.”
Dan ir-raġel għex b’daqstant integrità li kien jaf li l-parir tiegħu seta’ jkun effettiv biss jekk huwa nnifsu kien qed jimxi skont il-parir tiegħu.
L-influwenza li aħna għandna fuq uliedna hija aktar effettiva meta huma jarawna nimxu b’fedeltà fit-triq tal-patt. Il-profeta mill-Ktieb ta’ Mormon Ġakobb hu eżempju ta’ xi ħadd li għex ħajja daqstant tajba. Ibnu Enos kiteb dwar l-impatt tat-tagħlim ta’ missieru:
“Jiena, Enos, naf li missieri kien bniedem ġust—għaliex huma għallimni skont kelmtu, kif ukoll skont id-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej—u mbierek ikun isem Alla tiegħi għal dan. …
“… U l-kliem li spiss smajt lil missieri jtenni dwar il-ħajja eterna u l-ferħ tal-qaddisin, għożżejtu fil-fond ta’ qalbi.”8
Ommijiet il-gwerriera żgħażagħ għexu l-evanġelju u wliedhom kienu mimlija b’konvinzjoni. Il-mexxejja tagħhom irrapportaw:
“Huma kienu ġew mgħallmin minn ommhom, li jekk ma jiddubitawx, Alla kien se jeħlishom.
“U huma rrepetewli kliem ommhom, fejn qalu: Aħna ma niddubitawx li ommijietna kienu jafu dan.”9
Enos u l-gwerriera żgħażagħ ħassew fihom ċerta qawwa minħabba l-fidi tal-ġenituri tagħhom, li għenuhom jikkumbattu l-isfidi tal-fidi tagħhom.
Aħna mberkin permezz tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu fi żmienna, li jelevana meta nħossuna skoraġġuti jew inkwetati. Aħna għandna l-assigurazzjoni li l-isfidi tagħna sejrin jagħtu l-frott fiż-żmien li jagħżel il-Mulej jekk aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem qalb l-isfidi tal-fidi tagħna.
M’ilux jien u marti, flimkien mal-Presidenza Reġjonali, morna nakkumpanjaw lill-Presbiteru David A. Bednar fid-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Port-au-Prince, fil-Haiti. It-tifel tagħna Jorge, ġie magħna, qal dwar l-esperjenza tiegħu: “Tal-meravilja, Papa! Hekk kif il-Presbiteru Bednar beda jgħid it-talba dedikatorja, stajt inħoss il-kamra timtela b’dawl kollu mħabba. It-talba kompliet kabbret ferm aktar l-għarfien tiegħi ta’ l-għan tat-tempju. Huwa verament id-dar tal-Mulej.”
Fil-Ktieb ta’ Mormon, Nefi jgħallem li hekk kif aħna nuru x-xewqa li nsiru nafu r-rieda ta’ Alla, Huwa jagħtina l-qawwa. Huwa kiteb, “Jiena, Nefi, bħala bniedem verament żgħir fl-età … u wkoll għandi xewqa kbira li nsir naf il-misteri ta’ Alla, għalhekk, jiena tlabt lill-Mulej; u ara huwa ġie jżurni, u rattab qalbi tant li jiena emmint il-kliem kollu li kien qal missieri; għalhekk, jiena ma rribellajtx kontrih kif għamlu ħuti.”10
Ħuti, ejjew lil uliedna u lil dawk kollha ta’ madwarna ngħinuhom jimxu fit-triq tal-patt ta’ Alla ħalli l-Ispirtu jkun jista’ jgħallimhom u jrattab qalbhom biex juru x-xewqa li jimxu warajh tul ħajjithom.
Hekk kif jiena kkunsidrajt l-eżempju tal-ġenituri tiegħi, jiena rrealizzajt li l-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu turina t-triq lura lejn id-dar tagħna fis-smewwiet. Jiena naf li l-mirakli jseħħu wara l-prova tal-fidi tagħna.
Jiena naqsam it-testimonjanza Tiegħi ta’ Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu. Jiena naf li Huwa s-Salvatur u l-Ħellies tagħna. Fl-għodwa tar-rebbiegħa tal-1820 Hu u Missierna tas-Smewwiet dehru lit-tfajjel Joseph Smith, il-profeta tar-Restawrazzjoni. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ta’ żmienna. F’isem Ġesù Kristu, amen.