Il-Messaġġ, it-Tifsira, u l-Miġemgħa
Qalb l-għajjat u d-daqq ta’ tnabar kostanti ta’ żmienna, jalla aħna nagħmlu l-almu tagħna biex naraw lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, tal-fidi tagħna, u tas-servizz tagħna.
Ħuti, dan hu Sammy Ho Ching, għandu seba’ xhur, huwa u jsegwi l-konferenza ġenerali fuq it-televiżjoni fid-dar tiegħu f’April li għadda.
Meta wasal il-ħin li fih insostnu lill-President Russell M. Nelson u l-Awtoritajiet Ġenerali l-oħra, dirgħajn Sammy kienu okkupati jżommu l-flixkun li kellu. Għalhekk huwa għażel l-alternattiva l-oħra.
Sammy jagħti tifsira għal kollox ġdida lill-kunċett li tivvota b’sieqek.
Merħba għal din il-konferenza semiannwali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Biex nagħti bidu għal diskussjoni dwar it-tifsira ta’ dawn il-laqgħat ta’ darbtejn fis-sena, jiena se nfakkarkom f’din ix-xena mir-rakkont ta’ Luqa fit-Testment il-Ġdid:1
“Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità:
“… Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara.
“… U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret.
“Hu qabad jgħajjat u jgħid, Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni.”
Sorpriża bil-kuraġġ tiegħu, il-folla ppruvat issikket lil dan ir-raġel, iżda “hu aktar issokta jgħajjat,” hemm miktub. B’riżultat tal-persistenza tiegħu, huwa ttieħed quddiem Ġesù, li sema’ t-talba kollha fidi tiegħu biex jirrestawralu d-dawl t’għajnejh u fejqu.2
Kull darba li naqra din il-vinjetta qasira kollha ħajja nħossni veru kommoss. Nistgħu nħossu t-tbatija ta’ dan ir-raġel. Kważi kważi nistgħu nisimgħuh jgħajjat biex jiġbed l-attenzjoni tas-Salvatur. Nitbissmu meta jirrifjuta li jiskot—tabilħaqq, id-determinazzjon tiegħu li jgħolli l-volum meta l-kumplament kienu qed jgħidulu biex ibaxxilu. Fiha nnifisha, din hi storja ħelwa ta’ fidi mill-aktar determinata. Iżda bħall-iskrittura kollha, aktar ma naqrawha, aktar niskopru xi ħaġa ġdida.
M’ilux laqatni ħsieb partikolari dwar is-sens tajjeb li dan ir-raġel kellu li jkun imdawwar b’nies li kienu sensittivi spiritwalment. Is-sinifikat sħiħ ta’ din l-istorja huwa bbażat fuq ftit nisa u rġiel anonimi li, meta ġew mistoqsijin mill-kollega tagħhom, “Xi tfisser din il-konfużjoni kollha?” kellhom il-viżjoni, tista’ tgħid, li jidentifikaw lil Kristu bħala r-raġuni għal dak l-istorbju; Huwa kien it-Tifsira Personifikata. Ilkoll kemm aħna għandna lezzjoni x’nitgħallmu f’din il-koverżazzjoni qasira. Fejn tidħol il-fidi u l-konvinzjoni, din tgħinek tindirizza l-mistoqsija tiegħek lejn min fil-fatt għandu tweġiba! “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor?” Darba staqsa Ġesù. “[Jekk iva,] mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?”3
L-għan tagħna li nattendu dawn il-konferenzi hu li nkabbru l-fidi u l-konvinzjoni tagħna, u hekk kif qed tingħaqdu magħna llum intom tirrealizzaw li din it-tfittxija hija l-għan komuni li aħna għandna lkoll. Ħarsu madwarkom. Hawn fil-madwar ta’ dan il-post intom taraw familji ta’ kull daqs ġejjin minn kull naħa. Ħbieb antiki jgħannqu b’ferħ lil xulxin għax qed jerġgħu jiltaqgħu, kor meraviljuż għaddej bl-aħħar tħejjijiet, u nies jipprotestaw jgħajtu minn fuq xi kaxxa tal-injam. Dawk li żmien ilu kienu fuq missjoni jibdew ifittxu lil dawk li kienu kumpanji tagħhom, filwaqt li dawk li għadhom kif ġew lura minn missjoni jibdew ifittxu kumpanji għal kollox ġodda (jekk qed tifmuni sew!). U xi ngħidu għar-ritratti? Bambin magħna! B’mowbajl f’kull id, filli “kull membru hu missjunarju” u issa “kull membru hu fotografu.” F’nofs din il-konfużjoni kollha, wieħed jaf ġustament jistaqsi, “Xi jfisser dan kollu?”
L-istess bħall-istorja tagħna tat-Testment il-Ġdid, dawk imberkin bid-dawl jagħrfu li minkejja dak kollu li taf toffrilna din it-tradizzjoni tal-konferenza, ma tkun tfisser kważi xejn jekk aħna ma nsibux lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ dan kollu. Biex nagħrfu l-viżjoni li qegħdin infittxu, il-fejqan li Hu jwiegħed, is-sinifikat li b’xi mod nafu li hawn, jeħtieġ li aħna ma naljenawx ruħna minn din il-konfużjoni—avolja hija waħda ta’ ferħ—u naraw li nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuqu. It-talba ta’ kull kelliem, it-tama ta’ dawk kollha li jkantaw, il-qima ta’ kull min qed jattendi—ilkoll huma ddedikati biex jistiednu l-Ispirtu ta’ Dak li Tiegħu din il-Knisja hi—Kristu l-ħaj, il-Ħaruf ta’ Alla, il-Prinċep tal-Paċi.
Iżda m’hemmx bżonn inkunu fiċ-ċentru għall-konferenzi biex insibuh. Meta xi tifel jaqra l-Ktieb ta’ Mormon għall-ewwel darba u huwa jaffaxxina ruħu bil-kuraġġ ta’ Abinadi jew bl-2,000 gwerrier żagħżagħ jimmarċja, aħna nistgħu bil-ħlewwa kollha nżidu li Ġesù hu l-figura ċentrali omnipreżenti f’dan il-ktieb meraviljuż, wieqaf bħal koloss prattikament fuq kull paġna tiegħu, filwaqt li jipprovdilna l-link għal kull figura oħra li tippromwovi l-fidi li fih.
Bl-istess mod, meta xi ħbieb ikunu qed jitgħallmu dwar il-fidi tagħna, huma jafu jħossuhom xi ftit imħawdin b’xi wħud mill-elementi uniċi u l-vokabularju mhux familjari tad-drawwiet reliġjużi tagħna—restrizzjoni fid-dieta, provvisti ta’ awto-dipendenza, vjaġġi tal-pijunieri, u arbli tar-razza diġitizzati, b’numru ta’ għadd ta’ stake centers li fihom kien hemm min bla dubju stenna li jiġi servut xi biċċa flett taċ-ċanga, imsajra skont kif iħobbha hu. Għalhekk, hekk kif il-ħbieb ġodda tagħna jaraw u jisimgħu bosta affarijiet li huma ġodda għalihom, aħna jeħtieġ li ngħinuhom jifhmu t-tifsira u l-għan ta’ dan kollu, fejn l-attenzjoni prinċipali għandha tkun fuq l-evanġelju etern—l-imħabba ta’ Ġenituri tas-Smewwiet, ir-rigal tal-espjazzjoni tal-Iben divin, il-gwida konfortanti tal-Ispirtu s-Santu, ir-restawrazzjoni tal-aħħar jiem ta’ dawn il-veritajiet kollha u ferm aktar.
Meta persuna tmur it-tempju mqaddes għall-ewwel darba, hija taf tħossha xi ftit konfuża b’dik l-esperjenza. Id-dover tagħna hu li niżguraw li s-simboli sagri u r-ritwali żvelati, l-ilbies ċerimonjali u l-preżentazzjonijiet viżwali, qatt ma jaljenawna iżda pjuttost iressquna lejn is-Salvatur, li lilu aħna ninsabu hemm biex inqimu. It-tempju hu d-dar Tiegħu, u Hu għandu jkun l-aktar ħaġa importanti f’moħħna u f’qalbna—id-duttrina maestuża ta’ Kristu li taffetwa kull parti ta’ ġisimna hekk kif tinsab fl-ordinanzi tat-tempju—mill-ħin li naqraw il-kitba li hemm fuq il-bieb ewlieni sal-aħħar mument li nqattgħu fil-bini. Fost il-meravilja kollha li nesperjenzaw, aħna naslu biex nagħrfu, fuq kollox, it-tifsira ta’ Ġesù fit-tempju.
Ikkunsidraw l-għadd kbir ta’ inizjattivi importanti u t-tħabbir ġdid fil-Knisja f’dawn l-aħħar xhur. Hekk kif aħna nimministraw lil xulxin, jew nirraffinaw l-esperjenza tagħna tas-Sabbath, jew inħaddnu xi programm ġdid għat-tfal u ż-żgħażagħ, aħna nistgħu nitilfu l-vera raġuni għal dan it-tibdil rivelatorju jekk aħna nħarsu lejhom bħala numru ta’ elementi indifferenti u mhux relatati minflok ma nħarsu lejhom bħala sforz interrelatat li jgħinna nibnu b’mod aktar sod fuq il-Blata tas-Salvazzjoni tagħna.4 Bla dubju, bla dubju, din kienet l-intenzjoni tal-President Russell M. Nelson li talabna nużaw l-isem żvelat tal-Knisja.5 Jekk Ġesù—l-isem Tiegħu, id-duttrina Tiegħu, l-eżempju Tiegħu, id-divinità Tiegħu—ikun fiċ-ċentru tal-qima tagħna, aħna nkunu qegħdin nirrinforzaw il-verità meraviljuża li Alma għallem żmien ilu: “Se jseħħu bosta affarijiet; iżda araw, hemm ħaġa li hi aktar importanti minnhom kollha— … il-Feddej li jgħix u jiġi fost il-poplu Tiegħu.”6
Ħsieb tal-aħħar: L-ambjent li trabba fih Joseph Smith fid-19-il seklu kien mimli xhieda Kristjani mill-aktar żelużi moħħhom biex jikkompetu wieħed mal-ieħor.7 Iżda qalb l-għagħa kollha li huma ħolqu, dawn ir-rivivalisti eżuberanti kienu, ironikament, qed joskuraw lill-istess Salvatur li t-tfajjel Joseph kien qed ifittex b’tant ħerqa. Waqt li kien qed jikkumbatti dak li hu sejjaħlu “dalma u konfużjoni,”8 huwa irtira lejn is-solitudni ta’ masġar fejn hemmhekk huwa ra u sema’ xhieda tal-importanza tas-Salvatur fl-evanġelju, ferm aktar glorjuża minn kull ħaġa li semmejna hawnhekk dalgħodu. B’don ta’ vista li ma tistax timmaġinaha u tantiċipaha, Joseph ra f’viżjoni lil Missieru tas-Smewwiet, l-Alla l-kbir tal-univers, u lil Ġesù Kristu, l-Iben Uniġenitu perfett Tiegħu. Imbagħad il-Missier tana l-eżempju li qegħdin niddiskutu dalgħodu: Huwa indika lil Ġesù, u qal: “Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!”9 L-ebda espressjoni akbar dwar l-identità divina ta’ Ġesù, dwar il-primat Tiegħu fil-pjan tas-salvazzjoni, u dwar l-opinjoni li għandu tiegħu Alla qatt tista’ tiżboq dik id-dikjarazzjoni qasira, magħmula biss minn seba’ kelmiet.
Għagħa u konfużjoni? Folol u tilwim? Hawn ħafna minn dan fid-dinja tagħna. Fil-fatt, ċerti nies xettiċi u oħrajn fidili għadhom jitqabdu dwar din il-viżjoni u prattikament kull ħaġa li rreferejna għaliha llum. F’każ li intom għadkom titħabtu biex taraw b’aktar ċarezza u biex issibu tifsira f’nofs numru daqstant kbir ta’ opinjonijiet, jiena se nindika lill-istess Ġesù u naqsam ix-xhieda appostolika tiegħi dwar l-esperjenza ta’ Joseph Smith, li waslet kif waslet mal-1,800 sena wara li l-ħabib agħma tagħna kiseb lura d-dawl t’għajnejh fit-Triq ta’ Ġeriko tal-qedem. Jiena nixhed flimkien ma’ dawn it-tnejn u ma’ bosta oħrajn tul iż-żmien li bla dubju l-aktar dehra meraviljuża u ħoss meraviljuż fil-ħajja huma dawk ta’ Ġesù mhux biss għaddej minn ħdejna10 iżda l-miġja Tiegħu fostna, jieqaf ħdejna, u jgħammar magħna.11
Ħuti, qalb l-għajjat u d-daqq ta’ tnabar kostanti ta’ żmienna, jalla aħna nagħmlu l-almu tagħna biex naraw lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, tal-fidi tagħna, u tas-servizz tagħna. Din hi fejn tinsab il-vera tifsira. U jekk jiġu ġranet meta l-viżjoni tagħna tkun limitata, jew il-kunfidenza tagħna tonqos, jew it-twemmin tagħna jiġi ppruvat u raffinat—u dan żgur li se jiġri—jalla mbagħad aħna nitolbu b’leħen ogħla, “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni.”12 Jiena nwegħidkom bi ħrara appostolika u b’konvinzjoni profetika li Huwa żgur jismagħkom u f’xi ħin jew ieħor jgħidilkom, “Ara: il-fidi tiegħek salvatek.”13 Merħba għall-konferenza ġenerali. F’isem Ġesù Kristu, amen.