2010-2019
Qawwa biex Negħlbu l-Avversarju
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Qawwa biex Negħlbu l-Avversarju

Kif nistgħu niksbu l-paċi, niftakru min verament aħna, u negħlbu t-tliet għodod tal-avversarju?

Ħuti, grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu biex issiru, u tgħinu lil oħrajn isiru, dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu u tgawdu l-barkiet tat-tempju mqaddes. Grazzi tat-tjubija tagħkom. Intom verament meraviljużi; intom verament twajbin.

Hija t-talba tiegħi li aħna nagħrfu l-influwenza konfermattiva tal-Ispirtu s-Santu hekk kif aħna nibdew nifhmu verament li aħna wlied Alla. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” tiddikjara: “Il-bnedmina kollha—irġiel u nisa—huma maħluqin fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huma iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-sema, u għalhekk, kollha għandhom natura divina u destin divin.”1 Aħna “spirti magħżula li ġejna riservati biex niġu fid-dinja fil-milja taż-żminijiet biex nieħdu sehem fit-tqegħid tal-pedament tal-ħidma mill-aktar kbira tal-aħħar żmien.”2 Il-President Russell M. Nelson iddikjara “Intom ġejtu mgħallmin fid-dinja tal-ispirti biex titħejjew għal kull ħaġa li se tiltaqgħu magħha tul din l-aħħar parti ta’ dawn l-aħħar żmien (ara D&C 138:56). Dak it-tagħlim jibqa’ jgħammar dejjem fikom!”3

Intom ulied magħżula ta’ Alla. Intom għandkom il-qawwa li tegħlbu l-avversarju. L-avversarju, madankollu, huwa konxju ta’ min intom. Huwa jaf dwar il-wirt divin tagħkom u jfittex li jillimita l-potenzjal temporali u divin tagħkom billi juża t-tliet għodod partikolari:

  • Il-Qerq

  • Id-Distrazzjoni

  • L-Iskoraġġiment

Il-Qerq

L-avversarju għamel użu mill-għodda tal-qerq fi żmien Mosè. Il-Mulej iddikjara lil Mosè:

“Ara, inti ibni. …

“Għandi ħidma għalik, … u inti fis-similitudni tal-Uniġenitu tiegħi.”4

Ftit wara din il-viżjoni glorjuża, Satana pprova jqarraq b’Mosè. Il-kliem li huwa uża hu mill-aktar interessanti: “Mosè, bin il-bniedem, adurani.”5 Il-qerq ma kienx biss fl-istedina biex iqim lil Satana, iżda wkoll fil-mod li huwa ddeskriva lil Mosè bħala bin il-bniedem. Ftakru, il-Mulej kien għadu kif qal lill-Mosè li huwa kien bin Alla, maħluq fis-similitudni tal-Uniġenitu.

L-avversarju kien persistenti fl-attentat tiegħu li jqarraq b’Mosè, iżda Mosè rreżista, u qal: “Itlaq minn ħdejja, Satana, għaliex jien lil dan Alla wieħed biss inqim, li huwa l-Alla tal-glorja.”6 Mosè ftakar hu min kien—bin Alla.

Kliem li l-Mulej qal lil Mosè japplika għalik u għalija. Aħna ġejna maħluqin fl-istess xbieha ta’ Alla, u Hu għandu ħidma għalina xi nwettqu. L-avversarju jipprova jqarraq billi jipprova jnessina min verament aħna. Jekk ma nifhmux min verament aħna, mela se jkun diffiċli nagħrfu min verament nistgħu nsiru.

Id-Distrazzjoni

L-avversarju jipprova wkoll jaljenana ’l bogħod minn Kristu u t-triq Tiegħu tal-patt. Il-Presbiteru Ronald A. Rasband qasam magħna dan li ġej: “It-tattika tal-avversarju hi li jbegħidna mix-xhieda spiritwali, filwaqt li x-xewqa tal-Mulej hi li jdawwalna u jingaġġana fil-ħidma Tiegħu.”7

Fi żmienna, hawn bosta distrazzjonijiet, inkluż Twitter, Facebook, logħob ta’ realtà virtwali, u ferm aktar. Dan l-avvanz teknoloġiku huwa mill-aktar meraviljuż, iżda jekk ma noqogħdux attenti, jista’ jaljenana milli nuru l-milja tal-potenzjal divin tagħna. Li nużaw din it-teknoloġija b’mod xieraq tgħinna nistiednu l-qawwa tas-smewwiet u tagħtina ċ-ċans li nesperjenzaw il-mirakli hekk kif aħna nfittxu li niġbru flimkien lil ulied Iżrael, li jinsabu mxerrdin, fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Ejjew noqogħdu attenti u ma nkunux każwali fl-użu tagħna tat-teknoloġija.8 Ejjew kontinwament infittxu modi kif it-teknoloġija tista’ tressaqna aktar viċin is-Salvatur u tagħtina ċ-ċans li nwettqu l-ħidma Tiegħu hekk kif aħna nitħejjew għat-Tieni Miġja Tiegħu.

L-Iskoraġġiment

Fl-aħħar, l-avversarju jixtieqna naqtgħu qalbna. Aħna nistgħu naqtgħu qalbna meta noqogħdu nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor jew meta nħossuna li mhux qed ngħixu skont l-aspettattivi, inkluż dawk tagħna stess.

Meta jiena bdejt il-programm tiegħi fid-dottorat, jiena ħassejtni qed naqta’ qalbi. Dik is-sena f’dan il-programm kienu qed jaċċettaw biss erba’ studenti, u l-istudenti l-oħra kienu brillanti. Huma kienu ġabu marki aħjar minni u kellhom aktar esperjenza f’pożizzjonijiet ogħla tal-maniġment, u huma kellhom kunfidenza kbira fl-abbiltajiet tagħhom. Wara l-ewwel ġimgħatejn tiegħi fil-programm, bdejt inħossni ninħakem minn ċerti sentimenti ta’ skoraġġiment u dubju, kważi ħassejthom jikkunsmawni.

Jiena ddeċidejt li jekk jien kont sejjer intemm dan il-programm ta’ erba’ snin, kelli bżonn li kull semestru nispiċċa naqra l-Ktieb ta’ Mormon. Kull jum, jien u naqra, kont nagħraf id-dikjarazzjoni tas-Salvatur li l-Ispirtu s-Santu kien sejjer jgħallimni kull ħaġa u kien sejjer ifakkarni kollox.9 Dan wassal biex irriafferma jien min jien bħala iben Alla, fakkarni sabiex ma nqabbilx lili nnifsi ma’ ħaddieħor, u mlieni bil-kunfidenza fl-irwol divin tiegħi li nirnexxi.10

Għeżież ħbieb tiegħi, jekk jogħġobkom tħallu lil ħadd jisirqilkom il-ferħ tagħkom. Toqogħdux tqabblu lilkom infuskom ma’ ħaddieħor. Jekk jogħġobkom ftakru fil-kliem kollu mħabba tas-Salvatur: “Is-sliem jiena nħallilkom; is-sliem tiegħi nagħtikom; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”11

U nistgħu nagħmlu dan? Kif nistgħu niksbu din il-paċi, niftakru min verament aħna, u negħlbu t-tliet għodod tal-avversarju?

L-ewwel, ftakru li l-ewwel u l-akbar kmandament hu li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, bis-setgħa u l-qawwa tagħna kollha, u b’moħħna kollu.12 Dak kollu li nagħmlu għandu jkun motivat mill-imħabba tagħna lejh u lejn Ibnu. Hekk kif aħna niżviluppaw l-imħabba tagħna lejhom billi nżommu l-kmandamenti Tagħhom, il-kapaċità tagħna li nħobbu lilna nfusna u nħobbu lil ħaddieħor tikber. Aħna nibdew inservu lill-familja, lill-ħbieb, u l-ġirien għaliex nibdew inħarsu lejhom kif iħares lejhom is-Salvatur—bħala wlied Alla.13

It-tieni, itolbu lill-Missier f’isem Ġesù Kristu kuljum, kull jum, kull jum, kull jum.14 Huwa permezz tat-talb li aħna nistgħu nħossu l-imħabba ta’ Alla u nuru l-imħabba tagħna lejh. Permezz tat-talb aħna nistgħu nesprimu l-gratitudni u nitolbu għall-qawwa u l-kuraġġ li nissottomettu r-rieda tagħna ma’ dik ta’ Alla u li niġu ggwidati u mmexxijin f’kollox.

Inħeġġiġkom biex “titolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’din l-imħabba, … sabiex intom issiru wlied Alla; li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu.”15

It-tielet, aqraw u studjaw il-Ktieb ta’ Mormon kull jum, kull jum, kull jum.16 L-istudji tiegħi tal-Ktieb ta’ Mormon qishom imorru aħjar meta jiena naqra b’mistoqsija f’moħħi. Hekk kif aħna naqraw b’mistoqsija f’moħħna, aħna nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni u nagħrfu li l-Profeta Joseph Smith tkellem il-verità meta huwa ddikjara, “Il-Ktieb ta’ Mormon hu l-aktar ktieb korrett fost kull ktieb ieħor fid-dinja, … u l-bniedem jersaq aktar viċin Alla jekk jimxi skont il-preċetti tiegħu, milli skont xi ktieb ieħor.”17 Il-Ktieb ta’ Mormon fih il-kliem ta’ Kristu u jgħinna niftakru min verament aħna.

Fl-aħħar, bl-għajnuna tat-talb ħudu sehem fis-sagrament, kull ġimgħa, kull ġimgħa, kull ġimgħa. Huwa permezz tal-patti u l-ordinanzi tas-saċerdozju, inkluż is-sagrament, li l-qawwa tad-divinità tidher f’ħajjitna.18 Il-Presbiteru David A. Bednar għallem: “L-ordinanza tas-sagrament hija stedina mqaddsa u ripetuta biex aħna sinċerament nindmu u niġġeddu spiritwalment. L-att per se, li nieħdu sehem fis-sagrament, fih innifsu ma jaħfrilniex dnubietna. Iżda hekk kif aħna kuxjenzjożament nitħejjew u nieħdu sehem f’din l-ordinanza mqaddsa b’qalb maqsuma u bi spirtu sogħbien, imbagħad aħna ngawdu mill-wegħda li aħna jista’ jkollna dejjem magħna l-Ispirtu tal-Mulej.”19

Hekk kif b’umiltà aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna niftakru fis-sofferenza ta’ Ġesù f’dak il-ġnien sagru tal-Ġetsemani u s-sagrifiċċju Tiegħu fuq is-salib. Aħna nesprimu l-gratitudni tagħna lejn il-Missier talli Huwa bagħat lill-Iben Uniġenitu Tiegħu, il-Feddej tagħna, u nuru d-dispożizzjoni tagħna li nżommu l-Kmandamenti Tiegħu u dejjem niftakru fih.20 Hemm illuminazzjoni spiritwali marbuta mas-sagrament—hija personali, hija setgħana, u hija meħtieġa.

Ħuti, inwegħidkom li hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, nitolbu f’isem Ġesù Kristu, nistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon, u bl-għajnuna tat-talb nieħdu sehem fis-sagrament, aħna jkollna l-abbiltà, bl-għajnuna tal-Mulej, li negħlbu t-tattiċi kollha qerq tal-avversarju, li nnaqqsu d-distrazzjoni li tillimita l-potenzjal divin tagħna, u nirreżistu l-iskoraġġiment li jnaqqas il-kapaċità tagħna li nħossu l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu. Aħna naslu biex verament nifhmu min aħna bħala wlied Alla.

Ħuti, jien naqsam magħkom l-imħabba tiegħi u niddikjara magħkom ix-xhieda tiegħi li naf li Missierna tas-Smewwiet jgħix u Ġesù hu l-Kristu. Jiena nħobbhom. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija s-saltna ta’ Alla fid-dinja. Aħna għandna appuntament divin li niġbru flimkien lil Iżrael u nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Messija. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja