Aġġustament biex Insaħħu liż-Żgħażagħ
Aktar żgħażagħ se jilqgħu din l-isfida u jibqgħu fit-triq tal-patt minħabba din l-attenzjoni kbira li se tkun qed tingħata liż-żgħażagħ tagħna.
Grazzi, għażiż President Nelson, għal dik il-gwida mill-aktar feliċi u relatata max-xhieda waqt il-magħmudijiet u d-direzzjoni li tlabtna biex naqsmu mal-oħrajn ħalli ngħinu nsaħħu liż-żgħażagħ u niżviluppaw il-potenzjal sagru tagħhom.
Qabel inkellmukom dwar dak it-tibdil, nixtiequ nesprimu l-apprezzament sinċier tagħna għall-mod eċċezzjonali kif intom il-membri rreaġixxejtu għall-iżvilupp fir-Restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju. Kif issuġġerixxa l-President Nelson is-sena l-oħra, intom ħadtu l-vitamini tagħkom!1
Intom b’ferħ studjajtu Ejja, Imxi Warajja ġewwa darkom.2 Intom irreaġixxejtu tajjeb ukoll għat-tibdil li seħħ fil-knisja. Il-membri tal-kworum tal-presbiteri u l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna jwettqu f’għaqda l-ħidma tas-salvazzjoni.3
Il-gratitudni tagħna hija kbira mmens.4 Aħna partikolarment grati li ż-żgħażagħ tagħna qed ikomplu jippersistu b’qawwa u fidi.
Iż-żgħażagħ tagħna qed jgħixu fi żmien eċċitanti iżda diffiċli. L-għażliet disponibbli bħalissa qatt ma kienu aktar drammatiċi. Eżempju partikolari: l-ismartfons moderni jipprovdu aċċess għal informazzjoni mill-aktar importanti u edifikanti, inkluż l-istorja tal-familja u l-iskrittura mqaddsa. Mill-banda l-oħra, insibu fihom il-bluha, l-immoralità, u l-ħażen li ma kienx daqshekk disponibbli fil-passat.
Biex ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jinnavigaw dan il-labirint ta’ għażliet, il-Knisja ħejjiet tliet inizjattivi profondi u komprensivi. L-ewwel, il-kurrikulu ġie msaħħaħ u estiż sad-dar. It-tieni, programm tat-tfal u ż-żgħażagħ li jinkludi ċerti attivitajiet eċċitanti u żvilupp personali ġie ppreżentat sewwasew il-Ħadd li għadda mill-President Russell M. Nelson, il-President M. Russell Ballard, u l-Uffiċjali Ġenerali. It-tielet inizjattiva hija t-tibdil organizzattiv biex naraw li ż-żgħażagħ isiru ferm aktar l-attenzjoni ewlenija tal-isqfijiet u mexxejja oħra tagħna. Din l-attenzjoni ewlenija teħtieġ li tkun spiritwalment qawwija u għandha tgħin liż-żgħażagħ tagħna jsiru l-battaljun taż-żgħażagħ li l-President Nelson talabhom biex isiru.
Mudelli Interkonnessi
Dawn l-inizjattivi, flimkien mat-tħabbir li sar tul dawn ftit tas-snin, mhuwiex xi tibdil iżolat. Kull wieħed minn dan it-tibdil huwa parti integrali minn mudell interkonness biex ibierek lill-Qaddisin u jħejjihom biex jiltaqgħu ma’ Alla.
Parti minn dan il-mudell huwa relatat mal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa. Iż-żgħażagħ tagħna qed jintalbu biex jieħdu fuqhom aktar responsabbiltà individwali meta jkunu iżgħar—mingħajr mal-ġenituri u l-mexxejja jippruvaw jagħmlu dak li jistgħu jwettqu għalihom infushom.5
Tħabbira
Illum aħna qed inħabbru ċertu tibdil organizzattiv għaż-żgħażagħ f’livell ta’ qasam u wited. Kif spjega l-President Nelson, illejla Sister Bonnie H. Cordon se tiddiskuti t-tibdil għat-tfajliet. Għan partikolari għat-tibdil li se niddiskuti issa hu biex insaħħu lil dawk li jħaddnu s-Saċerdozju ta’ Aaron, kif ukoll il-kwora u l-presidenzi tal-kworum tal-istess saċerdozju. Dan it-tibdil jallinja l-prattika tagħna ma’ Duttrina u Patti 107:15, fejn naqraw, “Il-veskovat huwa l-presidenza ta’ dan is-saċerdozju ta’ Aaron, u jħaddan l-imfietaħ jew l-awtorità ta’ dan l-istess saċerdozju.”
Wieħed mid-dmirijiet skritturali tal-isqof hu li jippresedi fuq il-qassisin u jpoġġi bilqiegħda f’kunsill magħhom, jgħallimhom id-dmirijiet tal-uffiċċju tagħhom.6 Barra minn hekk, l-ewwel kunsillier fil-veskovat huwa responsabbli speċifikament mill-għalliema u t-tieni kunsillier mid-djakni.
Minħabba f’hekk, biex nallinjaw irwieħna ma’ din ir-rivelazzjoni f’Duttrina u Patti, il-presidenzi tal-Ġuvintur f’livell ta’ qasam mhux se jkomplu. Dawn l-aħwa fidili wettqu ħafna tajjeb, u aħna nesprimu l-apprezzament tagħna lejhom.
Hija t-tama tagħna li l-veskovati jagħmlu enfażi kbira u jiffokaw bi sħiħ fuq ir-responsabbiltajiet tas-saċerdozju tal-ġuvintur u jgħinuhom fid-dmirijiet tagħhom tal-kworum. Konsulenti kapaċi adulti tal-Ġuvintur se jissejħu biex jassistu lill-presidenzi tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aaron u l-veskovat fid-dmirijiet tagħhom.7 Aħna ċerti li aktar żgħażagħ se jilqgħu din l-isfida u jibqgħu fit-triq tal-patt minħabba din l-attenzjoni kbira li se tkun qed tingħata liż-żgħażagħ tagħna.
Fil-mudell ispirat li fassal il-Mulej, l-isqof għandu r-responsabbiltà għal kull persuna fil-qasam. Huwa jbierek lill-ġenituri taż-żgħażagħ kif ukoll liż-żgħażagħ. Wieħed isqof sab li hekk kif hu beda jaħdem ma’ wieħed żagħżugħ biex dan jegħleb it-taqbida mal-pornografija, hu seta’ biss jgħin lil dan iż-żagħżugħ fl-indiema tiegħu jekk jaħdem ukoll mal-ġenituri billi jgħinhom jirreaġixxu b’imħabba ma’ binhom u jifhmuh. Il-fejqan ta’ dan iż-żagħżugħ kien fejqan għall-familja tiegħu u sar possibbli għaliex l-isqof ħadem f’isem il-familja kollha. Dan iż-żagħżugħ illum sar raġel li jħaddan b’mod den is-Saċerdozju ta’ Melkisedek u missjunarju full-time.
Kif juri dan ir-rakkont, dan it-tibdil sejjer:
-
Jgħin lill-isqfijiet u l-kunsilliera tagħhom jiffokaw fuq ir-responsabbiltajiet ewlenin tagħhom lejn iż-żgħażagħ u t-tfal tal-Primarja.
-
Ipoġġi l-qawwa u d-dmirijiet tas-Saċerdozju ta’ Aaron fiċ-ċentru tal-ħajja personali u l-għanijiet ta’ kull żagħżugħ.
Dan it-tibdil sejjer ukoll:
-
Jenfasizza r-responsabbiltajiet tal-presidenzi tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aaron u l-mod kif huma jirrapportaw direttament lill-veskovat.
-
Jimmotiva lill-mexxejja adulti biex jassistu u jiggwidaw il-presidenzi tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aaron f’li jingradixxu l-qawwa u l-awtorità tal-uffiċċju tagħhom.
Kif innotat qabel, dan it-tibdil mhuwiex se jnaqqas mir-responsabbiltà tal-veskovat fejn jidħlu tfajliet. Kif għadu kif għallem il-President Nelson, “L-ewwel u l-akbar responsabbiltà tal-isqof hi li jieħu ħsieb il-ġuvintur u t-tfajliet tal-qasam tiegħu.”8
Kif jistgħu l-isqfijiet għeżież u beżlin tagħna jwettqu din ir-responsabbiltà? Kif tiftakru, fl-2018, sar ċertu tibdil fil-ħidma tal-kwora tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek biex huma jkunu jistgħu jaħdmu aktar fil-qrib mas-Soċjetajiet tal-Għajnuna ħalli l-kwora tal-presbiteri u s-Soċjetajiet tal-Għajnuna jkunu jistgħu, taħt id-direzzjoni tal-isqof, jgħinu jġorru ċerti responsabbiltajiet importanti li qabel kienu jieħdu ħafna mill-ħin tiegħu. Dawn ir-responsabbiltajiet jinkludu l-ħidma missjunarja u l-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja fil-qasam9—kif ukoll parti kbira mill-ministeru lill-membri tal-qasam.
L-isqof ma jistax jiddelega ċerti responsabbiltajiet, bħalli jsaħħaħ liż-żgħażagħ, li jkun imħallef komuni, li jieħu ħsieb ta’ dawn fil-bżonn, u jissorvelja l-finanzi u l-affarijiet temporali. Dawn, madankollu, huma ferm anqas milli konna nifhmu fil-passat. Kif spjega l-Presbiteru Jeffrey R. Holland is-sena l-oħra meta ġie mħabbar it-tibdil fil-kwora tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek: “L-isqof jibqa, bla dubju, il-qassis il-kbir li jippresjedi fil-qasam. Dan l-allinjament ġdid tal-kwora tal-presbiteri u s-Soċjetajiet tal-Għajnuna għandu jippermetti biex huwa jippresjedi fuq il-ħidma tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek u tas-Soċjetà tal-Għajnuna mingħajr ma jkollu bżonn iwettaq il-ħidma ta’ dawk il-gruppi.”10
Per eżempju, president tas-Soċjetà tal-Għajnuna u president tal-kworum tal-presbiteri, kif assenjati, jistgħu jieħdu fuqhom l-irwol li jiddiskutu mal-adulti—l-istess kif president tat-Tfajliet tista’ tiddiskuti mat-tfajliet. Filwaqt li huwa biss l-isqof li jista’ jservi bħala mħallef komuni, dawn il-mexxejja l-oħra huma wkoll intitolati għar-rivelazzjoni mis-smewwiet li tgħinhom b’ċerti sfidi li ma jeħtiġux imħallef komuni jew ma jinvolvu l-ebda tip ta’ abbuż.11
Dan ma jfissirx li tfajla ma tistax jew m’għandhiex titkellem mal-isqof jew mal-ġenituri tagħha. L-attenzjoni tagħhom għandha tkun fuq iż-żgħażagħ! Iżda dan ifisser li l-mexxej tat-Tfajliet taf tkun l-aħjar persuna biex tilħaq il-bżonnijiet ta’ xi tfajla individwali. Il-membri tal-veskovat għandhom ikunu kkonċernati dwar it-tfajliet daqs kemm ikunu dwar il-ġuvintur, iżda aħna nagħrfu x’qawwa jkun hemm meta jkollok mexxejja tat-Tfajliet b’saħħithom, ingaġġati u ffokati li jħobbu u jiggwidaw, mhux jieħdu fuqhom l-irwol ta’ presidenzi tal-klassi, iżda jgħinu liż-żgħażagħ jirnexxu f’dawk l-irwoli.
Illejla Sister Cordon se taqsam magħna ċertu tibdil ieħor eċċitanti għat-tfajliet. Jiena, madankollu, se nħabbar li l-presidenti tat-Tfajliet tal-qasam issa se jirrapportaw u jiddiskutu direttament mal-isqof tal-qasam. Fil-passat, dan l-essajnment seta’ jiġi ddelegat lil xi kunsillier, iżda hekk kif nimxu ’l quddiem, it-tfajliet se jkunu r-responsabbiltà diretta ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ li jippresjedi għall-qasam. Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna se tkompli tirrapporta direttament lill-isqof.12
F’livell ġenerali u ta’ wited, aħna se jkompli jkollna l-presidenzi tal-Ġuvintur. F’livell ta’ wited, kunsillier ogħla se jkun il-president tal-Ġuvintur13 u għandu, flimkien mal-kunsilliera ogħla assenjati lit-Tfajliet u l-Primarja, ikun parti mill-kumitat tas-Saċerdozju ta’ Aaron u tat-Tfajliet tal-wited. Dawn l-aħwa se jaħdmu mal-presidenza tat-Tfajliet tal-wited f’dan il-kumitat. B’kunsillier għall-president tal-wited imexxi l-kumitat, dan il-kumitat se jkollu importanza akbar peress li ħafna mill-programmi u l-attivitajiet fl-inizjattiva ġdida Tfal u Żgħażagħ se jkunu fuq livell ta’ wited.
Dawn il-kunsilliera ogħla, taħt id-direzzjoni tal-presidenza tal-wited, jistgħu jservu bħala riżors għall-isqof u l-kwora tas-Saċerdozju ta’ Aaron b’mod li jixbah is-servizz ipprovdut mill-kunsilliera ogħla lill-kwora tal-presbiteri tal-qasam.
B’mod relatat, kunsillier ogħla ieħor se jservi bħala l-president tal-Iskola tal-Ħadd tal-wited u, kif meħtieġ, jista’ jservi fil-kumitat tas-Saċerdozju ta’ Aaron u tat-Tfajliet tal-wited.14
Ċertu tibdil ieħor organizzattiv se jiġi spjegat f’aktar dettall fl-informazzjoni li se tintbagħat lill-mexxejja. Dan it-tibdil jinkludi:
-
Minflok il-kumitat taż-żgħażagħ tal-veskovat se jkun hemm kunsill taż-żgħażagħ tal-qasam.
-
Il-kelma “Mutwali” mhux se tibqa’ tintuża u se ssir “attivitajiet għat-Tfajliet,” “attivitajiet tal-kworum tas-Saċerdozju ta’ Aaron,” jew “attivitajiet taż-żgħażagħ” li fejn hu possibbli dawn jibdew isiru kull ġimgħa.
-
Il-baġit tal-qasam għall-attivitajiet taż-żgħażagħ se jinqasam skont il-bżonn bejn il-ġuvintur u t-tfajliet skont in-numru ta’ żgħażagħ f’kull organizzazzjoni. Ammont suffiċjenti se jiġi pprovdut għall-attivitajiet tal-Primarja.
-
Fil-livelli kollha—qasam, wited, u ġenerali—aħna se nużaw it-terminu “organizzazzjoni” minflok it-terminu “awżiljarji.” Dawk li jmexxu l-organizzazzjonijiet Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tat-Tfajliet, tal-Ġuvintur, tal-Primarja u tal-Iskola tal-Ħadd se jkunu jissejħu “Uffiċjali Ġenerali.” Dawk li jmexxu l-organizzazzjonijiet f’livell ta’ qasam u wited se jkunu jissejħu “uffiċjali tal-qasam” u “uffiċjal tal-wited.”15
It-tibdil imħabbar illum jista’ jibda jiġi fis-seħħ hekk kif il-fergħat, l-oqsma, id-distretti, u l-utied ikunu lesti biex jibdew, iżda għandu jkun infurzat mill-1 ta’ Jannar, 2020. Dan it-tibdil, meta kkombinat u integrat mat-tibdil ta’ qabel, jirrappreżenta sforz spiritwali u organizzattiv konsistenti mad-duttrina li nbierku u nsaħħu lil kull raġel, mara, żagħżugħ u żagħżugħa, tifel u tifla, ngħinuhom ilkoll jimxu wara l-eżempju tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, hekk kif nimxu ’l quddiem fit-triq tal-patt.
Għeżież ħuti, jiena nwegħidkom u nixhed li dan it-tibdil komprensiv, taħt id-direzzjoni ta’ president u profeta spirat, Russell M. Nelson, sejjer iqawwi u jsaħħaħ lil kull membru tal-Knisja. Iż-żgħażagħ tagħna se jiżviluppaw fidi akbar fis-Salvatur, jiġu protetti mit-tentazzjoni tal-avversarju, u jkunu preparati biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.