Kunu Meħlusin fi Kristu
Ġesù Kristu jagħmilha possibbli għalina li “nkunu meħlusin.”
Kienet ġurnata mimlija parabboli pertinenti u diretti, mistoqsijiet kumplessi, u duttrina profonda. Wara li ta ħasla qalila li dawk li kienu “oqbra mbajda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta’ ħmieġ,”1 Ġesù qalilhom tliet parabboli oħra dwar it-tħejjija u d-dixxipulat spiritwali. Waħda minn dawn kienet il-parabbola tal-għaxar xebbiet.
“Imbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.
“Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin.
“Għax dawk li kienu boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom:
“Waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies.
“L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
“Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh.
“Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.
“Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.
“Qabżu l-għaqlin u qalu, Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom: l-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.
“X’ħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.
“Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, Sinjur, Sinjur, iftħilna.2
“Iżda hu weġibhom u qal, Tassew, ngħidilkom, Intom lili ma tafunix.3
“Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem.”4
Il-President Dallin H. Oaks għamel dawn il-mistoqsijiet profondi dwar il-miġja tal-Għarus:5 “X’jiġri kieku il-jum tal-miġja kellu jkun għada? Kieku nafu li ħa niltaqgħu mal-Mulej għada—permezz tal-mewt għal għarrieda tagħna jew permezz tal-miġja mhux mistennija tiegħu—aħna kieku x’nagħmlu llum?”6
Jien tgħallimt minn esperjenza personali li t-tħejjija spiritwali għall-miġja tal-Mulej hija mhux biss essenzjali iżda l-uniku mod biex insibu l-paċi u l-kuntentizza.
Kien jum kiesaħ tal-ħarifa meta smajt għall-ewwel darba l-kliem “Għandek kanser.” Jien u żewġi bqajna mibluhin! Aħna u sejrin lura d-dar, f’silenzju u nipproċessaw il-aħbar, qalbi ħarġet għat-tliet subien tiegħi.
F’moħħi staqsejt lill-Missier fis-Smewwiet, “Jien ħa mmut?”
L-Ispirtu s-Santu lissen, “Kollox ħa jgħaddi b’wiċċ il-ġid.”
Imbagħad staqsejt, “Jien ħa ngħix?”
Mill-ġdid, it-tweġiba ġiet: “Kollox ħa jgħaddi b’wiċċ il-ġid.”
Ħassejtni mħawda. Għaliex irċevejt preċiżament l-istess tweġiba kontx se ngħix jew immut?
Imbagħad f’daqqa waħda kull fibra tal-esseri tiegħi mtliet b’paċi assoluta hekk kif ġejt imfakkar: Ma kellniex bżonn immorru ngħaġġlu d-dar biex ngħallmu lil uliedna kif jitolbu. Huma kienu jafu kif jirċievu t-tweġibiet u l-faraġ mit-talb. Ma kellniex bżonn immorru ngħaġġlu d-dar u ngħallmuhom dwar l-iskrittura jew il-kliem tal-profeti ħajjin. Dan il-kliem kien diġà sors familjari ta’ qawwa u għarfien. Ma kellniex bżonn immorru ngħaġġlu d-dar u ngħallmuhom dwar indiema, il-Qawmien mill-Mewt, ir-Restawrazzjoni, il-pjan ta’ salvazzjoni, il-familji eterni, u d-duttrina stess ta’ Ġesù Kristu.
F’dak il-mument, kull lezzjoni tal-lejla d-dar mal-familja saret importanti, kull sessjoni ta’ studju tal-iskrittura, kull talba tal-fidi offruta, kull barka mogħtija, kull testimonjanza maqsuma ma’ ħaddieħor, kull patt magħmul u mħares, kull dar il-Mulej li żorna, u kull Jum il-Mulej li ħarisna—dan kollu sar importanti, u kif! Kien tard wisq li nimlew l-imsiebaħ tagħna biż-żejt. Konna neħtieġu kull qatra, u dak il-ħin stess!
Minħabba Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat tiegħu, kieku jien kelli mmut, familti kienet se ssib il-faraġ, il-qawwa, u kien għad jasal il-jum meta tiġi rrestawrata. Kieku jien kelli ngħix, jien kien se jkolli aċċess għall-ikbar qawwa fuq din l-art- biex tgħinni, issostnini, u tfejjaqni. Fl-aħħar mill-aħħar, grazzi għal Ġesù Kristu, kollox kien se jgħaddi b’wiċċ il-ġid.
Aħna nitgħallmu minn studju bir-reqqa tad-Duttrina u Patti x’ifisser “wiċċ il-ġid”:
“U f’dak il-jum, meta jien ħa niġi fil-glorja tiegħi, ħa titwettaq il-parabbola li jien għidt dwar l-għaxar xebbiet.
“Għaliex dawk li huma għaqlin u rċevew il-verità, u li jħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħhom, u li ma ġewx imqarrqin—fis-sewwa ngħidilkom, huma mhux se jitqaċċtu u jinxteħtu fin-nar, iżda se jkunu meħlusin.”7
Ġesù Kristu jagħmilha possibbli għalina li “nkunu meħlusin.” Inkunu meħlusin ma jfissirx li nkomplu nżida mal-lista dejjem toktor ta’ dak li għandna nagħmlu. Aħsbu ftit f’lenti. L-għan waħdieni tagħha mhuwiex biss li tagħmel l-affarjiet jidhru ikbar. Hi tista’ tiġbor u tikkonċentra d-dawl biex tagħmlu iktar qawwi. Jeħtieġ li nissimplifikaw, niffukaw l-isforzi tagħna, u nkunu dawk li jiġbru d-Dawl ta’ Ġesù Kristu. Neħtieġu iktar esperjenzi qaddisa u rivelatorji.
Fuq ix-xaqliba tal-majjistral ta’ Iżrael nisbu firxa ta’ muntanji mill-isbaħ li spiss hija magħrufa bħala “il-muntanja li tħaddar dejjem.” Il-Muntanja tal-Karmel8 tħaddar is-sena kollha u dan essenzjalment tagħmlu b’riħet l-ammonti ċkejknin ta’ nida. Is-sosteniment iseħħ ta’ kuljum. Bħan-nida tal-Karmel,9 hekk kif infittxu li nsostnu lir-ruħ tagħna “b’dak kollu li għandu x’jaqsam mas‑sewwa,”10 “ħwejjeġ żgħar u sempliċi,”11 it-testimonjanzi tagħna u t-testimonjanzi ta’ wliedna se jibqgħu ħajjin!
Issa, taf qegħdin tgħidu, “Imma Sister Wright, ma tafhiex il-familja tiegħi. Aħna qegħdin tassew inbatu u żgur m’aħniex kif qed tgħid int.” Għandkom raġun. Ma nafhiex lill-familja tagħkom. Imma Alla b’imħabba infinita, ħniena, qawwa, għarfien, u glorja, jafha.
Il-mistoqsijiet li tafu qegħdin issaqsu huma mistoqsijiet tal-qalb li tbati fil-qigħan ta’ ruħkom. Mistoqsijiet simili jinstabu fl-iskrittura mqaddsa:
“Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”12
“Fejn hi, mela, it-tama tiegħi?”13
“X’jeħtieġ li nagħmlu, biex din is‑sħaba sewda ma tkomplix tgħattina?” 14
“Imma l-għerf minn fejn jiġi, u fejn hu postu d-dehen?”15
“Kif inhu possibbli li nista’ nagħmel kull ħaġa ġusta?”16
“Mulej, xi tridni nagħmel?”17
U mbagħad, bi ħlewwa tal-għaġeb, jaslu t-tweġibiet:
“Temmen inti fil‑qawwa ta’ Kristu għas‑salvazzjoni?”18
“Il‑Mulej qatt ordna lil xi ħadd biex ma jgawdix mit‑tjubija tiegħu?”19
“Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?”20
“Temmen int fil-profeti?”21
“Teżerċitaw intom fidi fil‑fidwa ta’ dak li ħalaqkom?”22
“Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja?”23
Għeżież ħbieb tiegħi, ma nistgħux naqsmu ma’ ħaddieħor iż-żejt tagħna, imma nistgħu naqsmu magħhom id-Dawl Tiegħu. Iż-żejt fl-imsiebaħ tagħna mhux biss se jgħinna “nkunu meħlusin” iżda jista’ wkoll ikun il-mezz kif idawwal il-mogħdija li twassal lil dawk li nħobbu għand is-Salvatur, li huwa lest “b’dirgħajh miftuħin beraħ biex jilqagħhom.24
“Dan jgħid il-Mulej: Żomm leħnek ’il bogħod mill-biki, għajnejk ’il bogħod mid-dmugħ, għax hemm ħlas għal taħbitek, … għax huma għad jerġgħu lura minn pajjiż l-għadu.
“Hemm tama għall-ġejjieni, oraklu tal-Mulej, uliedek għad jerġgħu lejn arthom.”25
Ġesù Kristu huwa t-“tama fit-tmiem tiegħek.” Xejn li għamilna, jew m’għamilniex, ma jistax jintleħaq mis-sagrifiċċju infinit u s-sagrifiċċju etern tiegħu. Huwa hu r-raġuni għala qatt ma tiġi fi tmiemha l-istorja tagħna.26 Għalhekk, jeħtieġ li “tibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu, b’tama ta’ dija perfetta, u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”27
Ħajja eterna hija hena eterna. L-hena f’din il-ħajja, issa stess—mhux minħabba l-isfidi tal-ġurnata ta’ kuljum tagħna iżda minħabba l-għajnuna tal-Mulej biex aħna nitgħallmu minnhom u ultimamanet negħlbuhom—u hena bla qies fil-ħajja li jmiss. Id-dmugħ se jixxotta, il-qlub miksura se jissewwew, dak li hu mitluf se jinstab, it-tħassib se tinstablu soluzzjoni, il-familji se jipu rrestawrati, u dak kollu li għandu l-Missier se jkun tagħna.28
Ħarsu lejn Ġesù Kristu u għixu29 hija t-testimonjanza tiegħi fl-isem sagru u qaddis tal-maħbub “ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħkom,”30 Ġesù Kristu, ammen.