Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu Huwa t-Teżor
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Ġesù Kristu Huwa t-Teżor

Iffokaw fuq Ġesù Kristu, Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, il-“marka” li lejha għandna nħarsu, u l-akbar teżor tagħna.

Fl-1907 raġel Ingliż mill-aktar għani jismu George Herbert, il-ħames konti ta’ Carnarvon,1 mar jgħix l-Eġittu u beda jinteressa ruħu fl-arkeoloġija. Huwa mar fuq wieħed Eġittologu, jismu Howard Carter, u pproponielu li jkun kollega tiegħu. Carter ikun dak li jissorvelja l-iskavar arkeoloġiku, u Carnarvon jipprovdi l-fondi.

Flimkien huma rnexxielhom jesploraw għadd ta’ postijiet. Imbagħad huma rċevew permess li jmorru jiskavaw fil-Wied tas-Slaten, li jinsab ħdejn il-post li llum jismu Luxor, fejn kienu nstabu l-oqbra ta’ bosta fargħuni. Huma ddeċidew li jfittxu l-qabar tas-Sultan Tutankhamun. Tutankhamun kien tela’ fuq it-tron tal-Eġittu aktar minn 3,000 sena qabel u saltan għal 10 snin qabel il-mewt tiegħu bla stennija.2 Kien magħruf li kien ġie midfun fil-Wied tas-Slaten,3 iżda l-post tal-qabar tiegħu ma kienx magħruf.

Carter u Carnarvon għaddew ħames snin ifittxu bla suċċess il-qabar ta’ Tutankhamun. Eventwalment Carnarvon informa lil Carter li hu ma kienx se jkompli għaddej b’din it-tfittxija li ma kienet qed tħalli l-ebda frott. Carter talab li jkomplu jħaffru għal ftit taż-żmien ieħor, u Carnarvon ċeda u qabel li jkompli jipprovdi l-fondi.

Carter irrealizza li l-art kollha tal-Wied tas-Slaten kienet ġiet eskavata metodikament—ħlief għan-naħa fejn kienu bbażati huma. Wara ftit jiem iħaffru hemmhekk, huma sabu l-ewwel turġien li kien jwassluk sal-qabar.4

Meta Carter eventwalment ittawwal fl-antikamra tal-qabar ta’ Tutankhamun, huwa ra kullimkien mimli deheb. Wara tliet xhur jirreġistraw f’katalgu dak kollu li kien hemm fl-antikamra, huma fetħu il-kamra ssiġillata fejn kien midfun fi Frar 1923—100 sena ilu. Din kienet l-aktar sejba arkeoloġika famuża li nstabet fis-seklu 20.

F’dawk is-snin ta’ tfittxija bla effett, Carter u Carnarvon ma kenux taw każ dak li letteralment kien taħt saqajhom. Xi ħames sekli qabel it-twelid tas-Salvatur, Ġakobb, il-profeta tal-Ktieb ta’ Mormon irrefera għal meta ma napprezzawx biżżejjed jew meta nissottovalutaw dak li jinsab qrib tagħna bħala “nħarsu lil hinn mill-marka.” Ġakobb bassar li n-nies ta’ Ġerusalemm ma kenux se jagħrfu lill-Messija mwiegħed meta Huwa jiġi. Ġakobb ħabbar li huma kienu se jkunu “nies li jistmerru l-kliem sempliċi … u jfittxu ħwejjeġ li ma setgħux jifhmuhom. Għalhekk, minħabba li kienu għomja, u għomja saru għaliex ħarsu lil hinn mis-sinjal, huma se jfallu.”5 Fi kliem ieħor, huma se jispiċċaw jaqgħu.

It-tbassira ta’ Ġakobb ġiet fis-seħħ. Waqt il-ministeru mortali ta’ Ġesù, kienu ħafna li ħarsu lil hinn mis-sinjal, lil hinn minnu. Huma ħarsu lil hinn mis-Salvatur tad-dinja. Minflok ma għarfu l-irwol tiegħu f’li jġib fis-seħħ il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet, huma kkundannawh u sallbuh. Huma bdew ifittxu u jistennew xi ħaġa oħra biex iġġibilhom is-salvazzjoni.

Bħal dawk f’Ġerusalemm, u bħal Carter u Carnarvon, aħna wkoll nafu nkunu suxxettibbli li nħarsu lil hinn mis-sinjal. Jeħtieġ li niddefendu lilna nfusna kontra din it-tendenza ma mmorrux nimmissjaw lil Ġesù Kristu f’ħajjitna u nispiċċaw ma nagħrfux il-ħafna barkiet li joffrilna. Aħna għandna bżonnu. Aħna mitlubin sabiex niddependu “kompletament fuq il-merti ta’ dak li għandu s-setgħa li jsalva.”6

Huwa l-marka tagħna. Jekk aħna b’mod żbaljat nimmaġinaw li hemm bżonn għal xi ħaġa li tmur lil hinn minn dak li joffri Hu, aħna nkunu qed niċħdu jew niżvalutaw l-ambitu u l-qawwa li Hu jista’ jkollu f’ħajjitna. Huwa kiseb id-dritt tal-ħniena u qed jestendi din il-ħniena lilna.7 Huwa l-akbar “sors li lejh għandna nħarsu għal maħfra ta’ dnubietna.”8 Huwa l-Avukat tagħna mal-Missier u jiddefendi dak li l-Missier minn dejjem ried: li aħna nerġgħu lura għandu bħala werrieta fis-saltna tiegħu. Jeħtieġ li, skont kliem il-profeta Alma, “nħarsu b’għajnejna u nibdew nemmnu fl-Iben ta’ Alla, li hu għandu jiġi biex jifdi lill-poplu tiegħu, u li se jbati u jmut biex ipatti għal dnubietna; u li huwa se jerġa’ jqum mill-imwiet, u dan se jġib fis-seħħ il-qawmien.”9 Ġesù Kristu huwa t-teżor tagħna.

Is-Salvatur tana bosta modi kif nistgħu niffokaw fuqu intenzjonalment, inkluż l-opportunità ta’ kuljum li nindmu. Xi kultant aħna nissottovalutaw kemm hi kbira din il-barka li hu offrielna. Meta kelli tmien snin, jien ġejt mgħammed minn missieri. Wara, jien żammejtlu jdejh hekk kif konna se naqsmu triq traffikuża. Jiena ma kontx attent u nżilt minn fuq il-bankina hekk kif kien ġej lejna vann kbir. Missieri ġebidni lura, ’il bogħod mit-triq u lura fuq il-bankina. Li kieku ma għamlix hekk, kont nintlaqat mill-vann. Peress li kont konxju min-natura ribelluża tiegħi, għidt lili nnifsi, “Forsi kien ikun aħjar għalija li qatilni l-vann għax żgur qatt mhu se nkunu nadif daqs kemm jien issa wara l-magħmudija tiegħi.”

Bħala tifel ta’ 8 snin, jien b’mod żbaljat jħsibt li l-ilma tal-magħmudija kien ħasilni minn dnubieti. Fil-fatt mhux hekk. Mill-magħmudija tiegħi ’l hawn, jien tgħallimt li d-dnubiet jinħaslu permezz tal-qawwa ta’ Ġesù Kristu permezz tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu hekk kif aħna nagħmlu u nħarsu l-patt tal-magħmudija.10 Imbagħad, permezz tar-rigal tal-indiema, aħna nistgħu nibqgħu nodfa. Jien tgħallimt ukoll li s-sagrament iwasslilna f’ħajjitna ċiklu virtuż mill-aktar setgħan, u jagħtina ċ-ċans li niksbu maħfra ta’ dnubietna.11

L-istess bħat-teżor li kien taħt saqajn Carter u Carnarvon, it-teżor ta’ barkiet tas-sagrament huma disponibbli għalina kull darba li nattendu l-laqgħa tas-sagrament. Aħna mwiegħda li l-Ispirtu s-Santu jkun is-sieħeb kostanti tagħna jekk l-atteġġjament tagħna lejn is-sagrament ikun bħall-atteġġjament ta’ membru ġdid lejn il-magħmudija u l-konferma, b’qalb maqsuma u spirtu niedem u b’determinazzjoni li ngħixu l-patt tal-magħmudija. L-Ispirtu s-Santu jberikna bil-qawwa tiegħu li tqaddisna ħalli nkunu nistgħu niksbu maħfra ta’ dnubietna, ġimgħa wara ġimgħa.12

Is-sisien spiritwali tagħna jissaħħu permezz tal-indiema u billi kuxjenzjożament nitħejjew biex b’mod den nieħdu sehem fis-sagrament. Huwa biss permezz ta’ sisien spiritwali robusti li aħna nistgħu nikkumbattu x-xita, ir-riħ, u l-għargħar metaforiċi li niffaċċjaw f’ħajjitna.13 Kuntrarju għal dan, is-sisien spiritwali tagħna jiddgħajfu meta volontarjament aħna naqbżu l-laqgħa tas-sagrament jew meta ma niffokawx fuq is-Salvatur waqt is-sagrament. Aħna nistgħu bla ebda intenzjoni “inżommu ruħna ’l bogħod mill-Ispirtu tal-Mulej li jiggwidana fi triqat il-għerf ħalli nkunu mberkin, ikollna ir-risq, u niġu mħarsa.”14

Meta jkollna l-Ispirtu s-Santu magħna, aħna niġu ispirati u ggwidati li nagħmlu u nħarsu patti oħra, bħal dawk li nagħmlu fit-tempji. Jekk nagħmlu dan nkunu qed insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla.15 Jista’ jkun innotajtu li f’dawn l-aħħar snin ġew imħabbra bosta tempji ġodda, u dan qed iwassal biex aktar membri qed ikollhom it-tempji qrib tagħhom.16 Paradossalment, hekk kif it-tempji qed isiru aktar aċċessibbli, jaf ikun hemm ċans akbar li aħna nsiru aktar każwali fl-attendenza tagħna fit-tempju. Meta t-tempji jkunu jinsabu ’l bogħod minna, aħna nippjanaw ħina u r-riżorsi tagħha biex nivvjaġġaw lejn it-tempju biex inqimu fih. Aħna nipprijoritizzaw dawn il-vjaġġi.

B’tempju aktar fil-qrib, jaf isir aktar faċli li nħallu ċerti ħwejjeġ żgħar iżommuna milli nattendu, u ngħidu lilna nfusna, “Ara, issa mmur darb’oħra.” Li ngħixu qrib xi tempju jagħmilha aktar flessibli għalina li niskedaw il-ħin tagħna fit-tempju, iżda dik l-istess flessibilità tista’ tagħmilha aktar faċli li ma napprezzawx biżżejjed it-tempju. Meta nagħmlu dan, aħna “nispiċċaw inħarsu lil hinn mill-marka,” nissottovalutaw l-opportunità li nersqu eqreb tas-Salvatur fid-dar imqaddsa tiegħu. L-impenn tagħna li nattendu t-tempju meta t-tempju jkun fil-qrib għandu jkun tal-anqas b’saħħtu daqs meta kien jinsab fil-bogħod.

Wara li Carter u Carnarvon eskavaw kull post li ken hemm fil-Wied tas-Slaten fi tfittxija tagħhom għall-qabar ta’ Tutankhamun, huma ndunaw bl-iżball tagħhom. M’hemmx għalfejn li aħna naħdmu bla suċċess, kif għamlu huma għal xi żmien, biex insibu t-teżor tagħna. U lanqas m’għandna bżonn infittxu li niksbu xi parir mingħand sorsi eżotiċi, għax inħarsu lejn is-sors bħala xi ħaġa ġdida u naħsbu li dak il-parir se jilluminana aktar minn dak li nistgħu nirċievu minn profeta umli ta’ Alla.

Kif hemm miktub fit-Testment il-Qadim, meta Nagħman kien qed ifittex fejqan mill-ġdiem tiegħu, huwa ħassu aggravat li ntalab biex imur jogħdos seba’ darbiet fi xmara ordinarja li kien hemm fil-qrib. Iżda ġie persważ biex jimxi wara l-parir tal-profeta Eliżew u mhux joqgħod fuq kif kien jaħsibha li kellu jseħħ il-miraklu. B’riżultat t’hekk, Nagħman spiċċa fieq.17 Meta aħna nafdaw il-profeta ta’ Alla fid-dinja llum u naġixxu skont il-parir li jagħtina, aħna nsibu l-kuntentizza, u aħna wkoll nitfejqu. M’għandna għalfejn iħarsu mkien aktar.

Ħuti, inħeġġiġkom biex tiftakru u dejjem tiffokaw fuq Ġesù Kristu. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, il-“marka” li lejha għandna nħarsu, u l-akbar teżor tagħna. Hekk kif intom tersqu lejh, intom tiġu ppremjati bil-qawwa li tiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja bil-kuraġġ li tagħmlu dak li hu ġust, u bl-abbiltà li twettqu l-missjoni tagħkom fil-mortalità. Għożżu l-opportunità li tindmu, il-privileġġ li tieħdu sehem fis-sagrament, il-barka li tagħmlu u tħarsu l-patti tat-tempju, l-għaxqa li tqimu fit-tempju, u l-hena li għandna profeta ħaj.

Naqsam ix-xhieda solenni u ċerta tiegħi li Alla, il-Missier Etern, huwa Missierna fis-Smewwiet u li Huwa jgħix; Ġesù hu l-Kristu; Huwa l-Ħabib twajjeb, għaqli u divin tagħna,18 u din hija l-Knisja rrestawrata tiegħu. Grazzi tal-fidi u l-fedeltà tagħkom. Jien nitlob li intom tkunu mberkin, ikollkom ir-risq u tkunu mħarsa, f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. L-isem sħiħ tal-ħames konti ta’ Carnarvon huwa George Edward Stanhope Molyneux Herbert.

  2. Sken bit-Tomografija kompjuterizzata (Ct) li sar fl-2005 jindika li s-Sultan Tutankhamun jista’ jkun li sofra ksur f’waħda mill-għadam ta’ saqajh, u forsi dan wassal għal xi infezzjoni u għall-mewt.

  3. Il-parti l-kbira tal-fargħuni tas-Saltna l-Ġdida tal-Eġittu ġew midfuna fil-Wied tas-Slaten. Fi żmien il-qedem il-parti l-kbira ta’ dawk l-oqbra spiċċaw biex instabu u nsterqu.

  4. Dan ir-rakkont tal-qabar ta’ Tutankhamun hu primarjament ibbażat fuq Eric H. Cline, “King Tut’s Tomb,” f’ Archaeology: An Introduction to the World’s Greatest Sites (2016), 60–66.

    Numru ta’ fatturi wasslu għall-għażla ta’ Carter u Carnarvon fejn kellhom jeskavaw— u fejn le—fil-Wied tas-Slaten. In-naħa li kien hemm madwar il-kamp fejn kienu ma tantx kienet attraenti biex wieħed jiskava fiha. L-art triangulari kienet tipprovdi aċċess għall-viżitaturi għall-qabar ta’ Ramses VI, għalhekk hemmhekk l-iskavar kien se jkun ta’ distrazzjoni. Dik in-naħa kienet, fi kliem Carter, “mimlija għerejjex mibnija ta’ malajr għall-ħaddiema, li kienu jintużaw probabbilment mill-ħaddiema tal-qabar ta’ Rameses … u bi tliet piedi ħamrija taħthom.” Ma tantx deher probabbli li dawn l-għerejjex inbnew fuq id-daħla ta’ qabar (ara Howard Carter and A. C. Mace, The Tomb of Tut-ankh-Amen: Discovered by the Late Earl of Carnarvon and Howard Carter, vol. 1 [1923], 124–28, 132).

    Għal rakkonti oħra dwar l-iskoperta tal-qabar ta’ Tutankhamun, ara Zahi Hawass, Tutankhamun and the Golden Age of the Pharaohs (2005); Nicholas Reeves, The Complete Tutankhamun: The King, the Tomb, the Royal Treasure (1990), 80–83; u Nicholas Reeves and Richard H. Wilkinson, The Complete Valley of the Kings: Tombs and Treasures of Egypt’s Greatest Pharaohs (1996), 81–82.

  5. Ġakobb 4:14.

  6. 2 Nefi 31:19.

  7. Ara Moroni 7:27–28.

  8. 2 Nefi 25:26.

  9. Alma 33:22.

  10. Ara Doctrine and Covenants 76:52.

  11. Ara David A. Bednar, “Teach to Build Faith in Jesus Christ” (diskors mogħti waqt seminar għall-mexxejja ġodda tal-missjoni, 23 ta’ Ġunju, 2023); Rachel Sterzer Gibson, “Teach to Build Faith in Jesus Christ, Elder Bednar Instructs,” Church News, 23 ta’ Ġunju, 2023, thechurchnews.com.

  12. Is-sagrament ma kienx, madankollu, imwaqqaf bħala xi mezz speċifiku biex permezz tiegħu niksbu maħfra ta’ dnubietna (ara James E. Talmage, The Articles of Faith, 12th ed. [1924], 175). Persuna ma tistax tidneb minn rajha s-Sibt filgħaxija u tistenna li kulma jeħtieġ li tagħmel hu li l-Ħadd tiekol biċċa ħobż u tixrob tazza ilma u b’mod maġiku titnaddaf. Iżda l-effett li jqaddes tal-Ispirtu s-Santu jista’ jnaddaf lil dawk kollha li jindmu b’qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina.

  13. Ara 3 Nefi 18:12–13.

  14. Mosija 2:36.

  15. Il-President Russell M. Nelson qal: “Alla għandu mħabba speċjali għal kull persuna li tagħmel patt miegħu fl-ilmijiet tal-magħmudija. U dik l-imħabba divina tikber hekk kif isiru aktar patti u jinżammu b’fedeltà” (“Choices for Eternity” [devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022], Gospel Library). L-għadd ta’ patti fit-triq tal-patt mhumiex sempliċiment sekwenzjali iżda addittivi u anke sinerġistiċi. Huma jiffaċilitaw rabta aktar mill-qrib u aktar b’saħħitha ma’ Alla. Rabta bħal din tagħtina ċ-ċans li niġu ttrasformati b’tali mod li x-xbieha tiegħu tibda tidher fuq wiċċna u f’qalbna ssir bidla kbira u permanenti (ara Alma 5:14).

  16. Il-President Nelson spjega li l-Mulej “qiegħed jagħmel it-tempji tiegħu aktar aċċessibbli. Huwa qed iħaffef il-pass li bih qed nibnu t-tempji. Huwa qed iżid l-abbiltà tagħna li ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael. Huwa qed jagħmilha aktar faċli għal kull wieħed u waħda minna li nsiru raffinati spiritwalment” (“Focus on the Temple,” Liahona, Nov. 2022, 121).

  17. Ara 2 Slaten 5:9-14.

  18. Ara “Jiena Naf li l-Feddej Tiegħi Jgħix,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 38.