Nimxu f’Relazzjoni tal-Patt ma’ Kristu
Dak li kien ġie mbenġel u b’għadmu miksur għalina se jħallina ngħaddu mill-isfidi tal-mortalità, iżda Hu mhux se jistenna minna li ngħaddu minn dawk l-isfidi weħidna.
Wieħed ħabib kbir tiegħi Ilan kien qalli b’mixja partikolari. “Tissejjaħ il-mixja ta’ Ġesù,” huwa qalli, “għaliex ħafna jemmnu li hija l-mixja li Ġesù mexa minn Nazaret sa Kafarnahum.” Jiena fil-pront iddeċidejt li ridt nimxi din il-mixja, għalhekk bdejt nippjana vjaġġ għal Iżrael.
Sitt ġimgħat qabel il-vjaġġ, jiena ksirt l-għaksa. Żewġi beda jinkwieta dwar dak li ġrali; l-aktar ħaġa li bdejt ninkwieta dwarha jiena kienet jekk xahar wara kontx se nkun nista’ nimxi l-Mixja ta’ Ġesù. Jien min-natura tiegħi rasi iebsa, għalhekk ma kkanċellajtx il-biljetti tal-ajru.
Niftakar dik l-għodwa sabiħa ta’ Ġunju meta ltqajt mal-gwida Iżraeljana tagħna. Jiena ħriġt malajr minn ġol-vann u mbagħad qbadt par krozzi u l-iskuter ta’ rkoppti. Mya, il-gwida tagħna, ħarset waħda lejn il-ġibs li kelli u qalet, “Ħeq, ma naħsibx li se tkun tista’ timxi l-mixja f’dik il-kundizzjoni.”
“Jista’ jkun li le,” weġibt jien. “Iżda xejn ma jżommni milli nipprova.” Hija għamlitli sinjal b’rasha, u tlaqna. Verament apprezzajt dan, talli emmnet li stajt nimxi l-mixja b’sieqi miksura.
Għal xi ħin stajt ninnaviga t-triq wieqfa u mħarbta waħdi. Imbagħad, b’sens ta’ meravilja għas-sinċerità tal-impenn tiegħi, Mya ħarġet ħabel irqiq, rabtitu mal-manku li kien hemm f’kull naħa tal-iskuter tiegħi, u bdiet tiġbed. Hija ġibditni fit-tlajja’, qalb is-siġar tal-lumi, u max-xatt tal-Baħar tal-Galilija. Fi tmiem il-vjaġġ, jiena għedt lill-gwida simpatika tiegħi kemm kont qed inħossni grata, li hi għenitni nwettaq xi ħaġa li qatt ma stajt inwettaqha waħdi.
Meta l-Mulej sejjaħ lil Ħenok biex imur madwar il-pajjiż u jixhed dwaru, Ħenok beda jsibha bi tqila.1 Huwa kien sempliċiment daqsxejn ta’ tfajjel, li kien tqil f’fommu. Kif seta’ jitlaq għal għonq it-triq f’din il-kundizzjoni? Il-ksur ta’ ġismu li kienet id-diżabbiltà tiegħu beda jżommu lura. It-tweġiba tal-Mulej għal dik il-ħaġa li bdiet iżommu lura kienet waħda sempliċi u immedjata: “Imxi miegħi.”2 Bħal Ħenok, jeħtieġ li aħna niftakru li Dak li kien ġie mbenġel u b’għadmu miksur għalina3 se jħallina ngħaddu mill-isfidi tal-mortalità, iżda Hu mhux se jistenna minna li ngħaddu minn dawk l-isfidi weħidna.4 Irrispettivament kemm hi diffiċli l-istorja tagħna, jew it-triq li bħalissa rridu ngħaddu minnha, Huwa jistedinna biex nimxu miegħu.5
Ftakru ftit fiż-żagħżugħ li ltaqa’ mal-Mulej f’mument diffiċli f’post deżert. Ġakobb kien wasal f’post imbiegħed ferm minn daru. Fid-dalma tal-lejl, huwa kellu ħolma li fiha mhux biss ra sellum iżda fiha seta’ jara wkoll ċerti wegħdiet tal-patt mill-aktar sinifikanti, fosthom dik li nħobb insejħilha l-wegħda tal-ħames swaba’.6 Dak il-lejl il-Mulej baqa’ ħdejn Ġakobb, u introduċa lilu nnifsu bħala l-Alla ta’ missier Ġakobb, u mbagħad wiegħdu:
-
Jiena miegħek.
-
Jien se nżommok ’il bogħod minn kull periklu.
-
Jien se nerġa’ nieħdok lura d-dar.
-
Mhux se nħallik waħdek.
-
Jien se nżomm il-wegħda li għamilt miegħek.7
Ġakobb kellu għażla x’jagħmel. Huwa seta’ jagħżel li jgħix ħajtu sempliċiment bħala wieħed li jaf lil Alla ta’ missieru, jew seta’ jagħżel li jgħix ħajtu b’impenn f’relazzjoni tal-patt miegħu. Snin wara Ġakobb ta xhieda dwar il-ħajja li għex skont il-wegħdiet tal-patt tal-Mulej: “Alla … weġibni meta kont fil-hemm u baqa’ miegħi fit-triq li kont qbadt.”8 L-istess kif għamel ma’ Ġakobb, il-Mulej se jkun hemm għalina li nkunu ninsabu fil-hemm jekk aħna nagħżlu li nimxu ħajjitna miegħu. Huwa wiegħed li jimxi magħna tul it-triq.
Din il-mixja nsejħulha t-triq tal-patt—triq li tibda bil-patt tal-magħmudija u twassalna għal patti akbar li nagħmlu fit-tempju. Jista’ jkun li tisimgħu dan il-kliem u taħsbu fuq il-lista li fuqha timmarkaw x’lestejtu s’issa. Jista’ jkun li kulma qed taraw hija triq mimlija ħwejjeġ li jeħtieġ li tagħmlu. Jekk inħarsu aktar viċin nindunaw b’xi ħaġa aktar konvinċenti. Patt mhuwiex biss kuntratt, għalkemm dak huwa ħaġa importanti. Huwa relazzjoni. Il-President Russell M. Nelson għallem, “It-triq tal-patt hija r-relazzjoni tagħna ma’ Alla.”9
Ikkunsidraw ftit il-patt taż-żwieġ. Id-data tat-tieġ hija importanti, iżda l-istess hija importanti r-relazzjoni li aħna nibnu fil-ħajja li ngħixu flimkien wara. L-istess nistgħu ngħidu għar-relazzjoni tal-patt ma’ Alla. Il-kundizzjonijiet diġà huma mfassla u hemm ħwejjeġ li huma mistennija minna tul it-triq. Madankollu Huwa jistieden lil kull wieħed u waħda minna biex mmorru quddiemu kif aħna, b’għan sħiħ f’qalbna, u biex “nibqgħu mexjin ’il quddiem”10 b’bih ħdejna, u nafdaw li se nirċievu l-barkiet imwiegħda tiegħu. L-iskrittura tfakkarna li ħafna drabi dawk il-barkiet niksbuhom skont l-orarju tiegħu u bil-mod tiegħu: wara 38 sena,11 12-il sena,12 immedjatament.13 Hekk kif il-mixja tagħkom ssir waħda diffiċli, aħna jkollna l-għajnuna tiegħu.14
Il-missjoni tiegħu hija waħda ta’ kondixxendenza. Ġesù Kristu jiltaqa’ magħna fejn aħna u kif aħna. Din hija l-għalfejn tal-ġnien, tas-salib, u tal-qabar. Is-Salvatur ġie mibgħut biex jgħinna negħlbu l-hemm tagħna.15 Iżda jekk nibqgħu fejn aħna ma jwassalniex biex niksbu l-ħelsien li qed infittxu. Hekk kif lil Ġakobb ma ħalliehx fil-ħama, il-Mulej ma jridx li jħalli lil xi ħadd minna fejn qegħdin.
Il-missjoni tiegħu hija waħda ta’ tlugħ. Huwa jaħdem fina16 biex jelevana biex nitilgħu fejn hemm hu u, fil-proċess, jgħinna nsiru bħalu. Ġesù Kristu ġie biex jelevana.17 Huwa jrid jgħinna nirnexxu. Dik hija l-għalfejn tat-tempju.
Jeħtieġ li niftakru: mhijiex il-mixja biss li teżaltana: huwa s-sieħeb tagħna––is-Salvatur tagħna. U din hija l-għalfejn tar-relazzjoni tal-patt tagħna.
Meta kont Iżrael, mort inżur il-Ħajt tal-Punent. Għal-Lhud, huwa l-aktar post qaddis f’Iżrael. Huwa dak kollu li għad baqa’ mit-tempju tagħhom. Ħafna jilbsu l-ifjen ilbies meta jmorru jżuru dan il-post sagru; l-għażla ta’ lbieshom hija simbolu tad-devozzjoni tagħhom għar-relazzjoni tagħhom ma’ Alla. Huma jmorru jżuru l-ħajt biex jaqraw l-iskrittura, iqimu, u jlissnu talbhom. Ix-xewqa tagħhom li jkollhom tempju f’nofshom tiddomina l-jiem kollha tagħhom u t-talb kollu tagħhom, xewqa li jkollhom dar ta’ patt. Verament nammira d-devozzjoni tagħhom.
Meta erġajt lura d-dar minn Iżrael, ftaħt widnejja ftit aktar għad-diskors li kien iseħħ madwari li jirrigwarda l-patti. Innotajt xi nies jistaqsu, Għalfejn għandi nimxi fit-triq tal-patt? Hemm għalfejn li nidħol f’dar biex nagħmel il-patti? Għalfejn nilbes il-garment imqaddes? Għandi jiena ninvesti f’relazzjoni tal-patt mal-Mulej? It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tajbin u importanti hija waħda sempliċi: jiddependi liema stat ta’ relazzjoni tixtieq tesperjenza ma’ Ġesù Kristu.18 Ilkoll kemm aħna jeħtieġ niskopru t-tweġiba tagħna għal dawk il-mistoqsijiet mill-aktar personali.
Tiegħi hi din: Jiena nimxi din it-triq bħala “bintmaħbuba ta’ ġenituri tas-smewwiet,”19 divinament magħrufa20 u mill-aktar fdata.21 Bħala wild tal-patt, jien eleġibbli li nirċievi barkiet imwiegħda22 . Jien għażilt23 li nimxu mal-Mulej. Jiena ġejt imsejħa24 biex inkun xhud ta’ Kristu. Meta t-triq tinħass diffiċli, inħossni msaħħa25 permezz ta’ grazzja abilitanti. Kull darba li nidħol fid-dar tiegħu, nesperjenza relazzjoni aktar profonda miegħu. Jiena nħossni mqaddsa26 bl-Ispirtu tiegħu, iddotata27 bil-qawwa tiegħu, u distinta28 biex nibni s-saltna tiegħu. Permezz ta’ proċess li nindem kuljum u kull ġimgħa nieħu sehem fis-sagrament, qed nitgħallem insir aktar soda29 u nara li dejjem nagħmel it-tajjeb.30 Jien nimxi din il-mixja ma’ Ġesù Kristu, inħares ’il quddiem lejn il-jum imwiegħed meta Huwa jerġa’ jiġi. Imbagħad niġi ssiġillata miegħu31 u mgħollija ’l fuq bħala bint qaddisa32 ta’ Alla.
Hu għalhekk li jien nimxi t-triq tal-patt.
Hu għalhekk li jien inżomm soda mal-wegħdiet tal-patt.
Hu għalhekk li jien nidħol fid-dar tal-patt tiegħu.
Hu għalhekk li jien nilbes il-garment imqaddes bħala tifkira kostanti.
Għaliex irrid ngħix b’impenn f’relazzjoni tal-patt miegħu.
Probabbilment anke intom. Ibdew minn fejn tinsabu bħalissa.33 Tħallux il-kundizzjoni tagħkom tkun ta’ ostaklu. Ftakru, il-pass jew il-pożizzjoni fit-triq mhumiex importanti daqs il-progress.34 Itolbu lil xi ħadd li tafdaw, li jinsabu fit-triq tal-patt, biex jintroduċukom mas-Salvatur li huma waslu biex saru jafuh. Tgħallmu aktar dwaru. Investu fir-relazzjoni billi tidħlu f’patt miegħu. Hi x’inhi l-età tagħkom jew il-kundizzjoni tagħkom. Intom tistgħu timxu miegħu.
Wara li temmejna l-Mixja ta’ Ġesù tagħna, Mya ma ħaditx lura l-ħabel tagħha. Hi ħallietu marbut mal-iskuter tiegħi. Fil-jiem ta’ wara, in-neputijiet żgħażagħ tiegħi u seħibhom bdew wieħed wara l-ieħor jiġbduni mat-toroq ta’ Ġerusalemm.35 Riedu jkunu ċerti li jien ma nimmissja xejn mill-istejjer ta’ Ġesù. Huma fakkruni fil-qawwa tal-ġenerazzjoni li tielgħa. Aħna nistgħu nitgħallmu minnkom. Intom għandkom xewqa ġenwina li tkunu tafu lill-gwida, Ġesù Kristu. Intom tafdaw fis-saħħa tal-ħabel li jmexxina lejh. Intom għandkom kapaċità mhux tas-soltu li tiġbru flimkien lil ħaddieħor ħdejh.36
Fortunatament, aħna ninsabu nimxu din it-triq flimkien, u tul it-triq ninsabu nħeġġu lil xulxin.37 Hekk kif naqsmu ma’ ħaddieħor l-esperjenza personali tagħna ma’ Kristu, aħna nsaħħu l-qima personali. Dwar dan jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, ammen.