Konferenza Ġenerali
Araw li Ħsibijietkom Ikunu Ċelestjali!
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Araw li Ħsibijietkom Ikunu Ċelestjali!

L-għażliet tagħkom sejrin jiddeterminaw fejn se tgħixu tul l-eternità, x’tip ta’ ġisem se jkollkom waqt il-qawmien, u ma’ min se tgħixu għal dejjem.

Għeżież ħuti, jiena nħossni grat li qed nitkellem magħkom illum. Fl-età tiegħi, kull jum ġdid iġib miegħu sorpiżi mill-isbaħ kif ukoll diffiċli. Tliet ġimgħat ilu, jien weġġajt il-muskoli ta’ dahri. Għalhekk, filwaqt li jiena tajt aktar minn 100 diskors waqt il-konferenza ġenerali bilwieqfa, illum ħsibt li nagħmel dan bilqiegħda. Nitlob biex illum l-Ispirtu s-Santu jgħaddi l-messaġġ tiegħi f’qalbkom.

M’ilux jiena ċċelebrajt għeluq id-99 sena tiegħi u b’hekk bdejt ngħix il-100 sena tiegħi. Kemm-il darba niġi mistoqsi x’inhu s-sigriet biex tgħix daqshekk. Mistoqsija aħjar kieku tkun “X’tgħallimt fi kważi mitt sena ta’ ħajja?”

Il-ħin li għandi llum mhux se jippermettili li nwieġeb dik il-mistoqsija kompletament, iżda ppermettuli naqsam magħkom waħda mill-aktar lezzjonijiet importanti li jiena tgħallimt.

Tgħallimt li l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina huwa wieħed favoluż, li dak li nagħmlu f’din il-ħajja jagħmel verament differenza, u li l-Espjazzjoni tas-Salvatur hija dik li tagħmel il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet possibbli.1

Hekk kif bdejt nikkumbatti l-uġigħ enormi minħabba l-korriment riċenti, jiena ħassejt sewwasew apprezzament akbar għal Ġesù Kristu u r-rigal inkomprensibbli tal-Espjazzjoni tiegħu. Aħsbu ftit dwar dan! Is-Salvatur bata “kull tip ta’ wġigħ, tbatija u tiġrib”2 ħalli jkun jista’ jfarraġna, ifejjaqna, jeħlisna meta nkunu fil-bżonn.3 Ġesù Kristu ddeskriva l-esperjenza tiegħu fil-Ġetsemani u fuq il-Kalvarju: “Liema sofferenza wasslet biex jiena, l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, nirtriegħed minħabba l-uġigħ, u nxerred demmi mill-pori kollha tiegħi.”4 Il-korriment tiegħi wassalni biex nerġa’ nirrifletti għal darba tnejn dwar “il-kobor tal-Qaddis ta’ Iżrael.”5 Waqt il-fejqan tiegħi, il-Mulej wera l-qawwa divina tiegħu b’modi trankwilli u inkonfondibbli.

Grazzi għall-Espjazzjoni infinita ta’ Ġesù Kristu, il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet huwa pjan perfett! Għarfien tal-pjan favoluż ta’ Alla jneħħi l-misteru mill-ħajja u l-inċertezza mill-ġejjieni tagħna. Jagħti ċ-ċans lil kull wieħed u waħda minna li nagħżlu kif ngħixu hawn fid-dinja u fejn se ngħixu għal dejjem. Il-kunċett bla bażi li għandna “Kul, ixrob, u xxala, għax għada se mmutu; u kollox se jkun sew għalina”6 huwa waħda mill-aktar gidbiet assurdi fl-univers.

Din hi l-aħbar il-kbira tal-pjan ta’ Alla: l-istess ħwejjeġ li jagħmlu l-ħajja mortali tiegħek l-aqwa li tista’ tkun huma l-istess ħwejjeġ li jagħmlu l-ħajja tiegħek tul l-eternità l-aqwa li tista’ tkun! Illum, biex jgħinkom tikkwalifikaw għall-barkiet kbar li Missierna fis-Smewwiet għandu għalikom, nistedinkom tadottaw id-drawwa li “taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali!”7 Li taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali jfisser li tixtiequ ħwejjeġ spiritwali. Mill-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon Ġakobb nitgħallmu li “xewqat tal-ispirtu jwasslu għall-ħajja ta’ dejjem.”8

Il-mortalità hija klassi speċjalizzata biex nitgħallmu nagħżlu l-ħwejjeġ tal-akbar importanza eterna. Hawn wisq nies li jgħixu bħallikieku din il-ħajja hija kollox. Madankollu, l-għażliet tagħkom illum sejrin jiddeterminaw tliet ħwejjeġ: fejn se tgħixu tul l-eternità kollha, x’tip ta’ ġisem se jkollkom waqt il-qawmien, u ma’ min se tgħixu għal dejjem. Għalhekk, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali.

Fl-ewwel messaġġ tiegħi bħala President tal-Knisja, jien ħeġġiġtkom biex tibdew bl-għan aħħari f’moħħkom. Dan ifisser li l-għan etern tagħkom għandu jkun is-saltna ċelestjali u mbagħad ikkunsidraw bir-reqqa fejn kull waħda mid-deċiżjonijiet tagħkom waqt li tinsabu hawn fid-dinja se tpoġġikom fid-dinja li jmiss.9

Il-Mulej għallem b’mod ċar li huma biss dawk l-irġiel u n-nisa li huma ssiġillati bħala koppja miżżewġa fit-tempju, u li jħarsu l-patti tagħhom, li se jkunu flimkien tul l-eternitajiet. Huwa qal, “Il-patti, il-kuntratti, ir-rabtiet, l-obbligi, il-ġuramenti, il-wegħdi, il-prestazzjonijiet, il-konnessjonijiet, l-assoċjazzjonijiet jew l-aspettattivi kollha, li ma sarux u ma ġewx issiġillati permezz tal-Ispirtu s-Santu tal-wegħda … se jispiċċaw fix-xejn meta l-bnedmin imutu.”10

B’hekk, jekk aħna b’mod xejn għaqli nagħżlu li issa ngħixu liġijiet telestjali, aħna nkunu qed nagħżlu li nqumu mill-mewt b’ġisem telestjali . Aħna qed nagħżlu li ma ngħixux mal-familji tagħna għal dejjem.

Għalhekk, għeżież ħuti, kif u fejn u ma’ min tridu li intom tgħixu għal dejjem? L-għażla f’idejkom.11

Meta intom tagħżlu, nistedinkom biex tħarsu mill-perspettiva fit-tul— il-perspettiva eterna. Poġġu lil Ġesù Kristu l-ewwel, għax il-ħajja eterna tagħkom tiddependi fuq il-fidi tagħkom fih u fl-espjazzjoni tiegħu.12 Tiddependi wkoll fuq l-ubbidjenza tagħkom lejn il-liġijiet tiegħu. L-ubbidjenza tfassal it-triq għal ħajja mimlija hena għalikom illum u premju kbir u etern għal għada.

Meta intom tiffaċċjaw xi dilemma, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta tiġu mġarrba araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta l-ħajja jew xi maħbubin tagħkom jiddiżappuntawkom, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Meta xi ħadd imut qabel iż-żmien, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. Meta xi ħadd idum jitqabad ma’ xi marda kiefra, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. Meta l-pressjoni tal-ħajja tħossuha tgħejjikom, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali! Waqt li tkunu qed tirkupraw minn xi aċċident jew korriment, kif qed nagħmel jien bħalissa, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali!

Hekk kif intom tiffokaw fuq li taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, stennew li se tħabbtu wiċċkom mal-oppożizzjoni.13 Għexieren ta’ snin ilu, kollega professjonista tiegħi beda jikkritikani li fija kelli “wisq tempju”, u kien hemm aktar minn superviżer wieħed li ppenalizzani minħabba t-twemmin tiegħi. Jiena konvint, madankollu, li huwa għax rajt li ħsibijieti kienu ċelestjali li wassalni biex intejjeb il-karriera tiegħi.

Hekk kif taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, qalbkom ftit ftit tibda tinbidel. Tkunu tridu titolbu aktar ta’ spiss u b’mod aktar sinċier. Jekk jogħġobkom araw li talbkom ma jkunx jinstama’ qisu xi lista x’se tixtru. Il-perspettiva tal-Mulej tittraxxendi l-għerf mortali tagħkom. Ir-rispons tiegħu għal talbkom jaf jissorprendikom u jgħinkom taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali.

Ikkunsidraw ftit ir-rispons tal-Mulej lil Joseph Smith meta huwa talab għas-solliev fiċ-Ċella ta’ Liberty. Il-Mulej għallem lill-Profeta li t-trattament inuman tiegħu kien se jagħtih l-esperjenza u jkun għall-aħjar tiegħu.14 “Jekk inti tibqa’ tirreżisti,” wiegħed il-Mulej, “Alla jeżaltak fil-għoli.”15 Il-Mulej kien qed jgħallem lil Joseph biex jara li ħsibijietu jkunu ċelestjali u biex jiftakar fil-premju etern aktar milli jiffoka fuq id-diffikultajiet diffiċli tal-jum. Talbna jista’ jkun—u għandu jkun—diskussjoni ħajja ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Hekk kif intom taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, issibu lilkom infuskom tevitaw dak kollu li jisirqilkom il-volontà tagħkom. Kwalunkwe vizzju—kemm jekk hu logħob tal-azzard, self, drogi, alkoħol, rabja pornografija, sess, jew saħansitra ikel —joffendi lil Alla. Għalfejn? Għaliex l-ossessjoni tagħkom issir alla tagħkom. Intom tibdew tfittxu lilha minflok ma tfittxu lil Alla għall-faraġ. Jekk intom qed titqabdu ma’ xi vizzju, fittxu l-għajnuna spiritwali u professjonali li teħtieġu. Jekk jogħġobkom tħallux xi ossessjoni tisirqilkom il-ħelsien tagħkom li timxu wara l-pjan favoluż ta’ Alla.

Li taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali jgħinkom ukoll tobdu l-liġi tal-kastità. Ftit huma l-ħwejjeġ li jikkumplikaw ħajjitkom aktar malajr mill-ksur ta’ din il-liġi divina. Għal dawk fostkom li għamiltu patti ma’ Alla, l-immoralità hi wieħed mill-aktar modi kif tistgħu titilfu malajr it-testimonjanza tagħkom.

Bosta mit-tiġrib l-aktar persistenti tal-avversarju jinvolvi l-ksur tas-safà morali. Il-qawwa li wieħed joħloq il-ħajja huwa dak il-privileġġ tad-divinità li Missierna fis-Smewwiet jippermetti li l-ulied mortali tiegħu jeżerċitaw. B’hekk, Alla għamilha ċara x’inhuma l-linji gwida għall-użu ta’ din il-qawwa ħajja u divina. L-intimità fiżika qegħda biss għal raġel u mara li huma miżżewġin ma’ xulxin.

Il-biċċa l-kbira tad-dinja ma temminx dan, iżda l-opinjoni pubblika mhijiex l-arbitru tal-verità. Il-Mulej iddikjara li l-ebda persuna li mhijiex safja mhi se tikseb is-saltna ċelestjali. Għalhekk, meta tieħdu xi deċiżjonijiet rigward il-moralità, jekk jogħġobkom araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. U jekk intom m’intomx safja, nitlobkom biex tindmu. Ejjew għand Kristu u rċievu l-wegħda tiegħu ta’ maħfra sħiħa hekk kif intom tindmu għal kollox minn dnubietkom.16

Hekk kif taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, intom tibdew tħarsu lejn l-isfidi u l-oppożizzjoni minn dawl ġdid. Meta xi ħadd li tħobbu jattakka l-verità, araw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, u tiddubitawx it-testimonjanza tagħkom . L-Appostlu Pawlu ħabbar li “fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten.”17

Il-qerq tal-avversarju m’għandux limitu. Jekk jogħġobkom ħejju ruħkom. Qatt tieħdu xi parir mingħand dawk li ma jemmnux. Fittxu li tiksbu l-gwida minn ilħna li tistgħu tafdaw—minn profeti, veġġenti, u rivelaturi u mil-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu, li “jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.”18 Jekk jogħġobkom wettqu l-ħidma spiritwali biex tkabbru l-kapaċità tagħkom li tirċievu r-rivelazzjoni personali.19

Hekk kif taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali, il-fidi tagħkom tikber. Meta kont għadni apprendisti żagħżugħ, id-dħul tiegħi kien ta’ $15 fix-xahar. Lejla waħda, marti Dantzel staqsietni jew kontx qed inħallas id-dieċmi minn dak id-daqsxejn ta’ stipendju. Ma kontx. Jien indimt minnufih u bdejt inħallas $1.50 oħra fix-xahar dieċmi.

Għamlet xi differenza għall-Knisja li bdejna nħallsu ftit aktar dieċmi? Żgur li le. Madankollu, li bdejt inħallas dieċma sħiħa wassal għal bidla fija. Dan hu meta jien tgħallimt li l-ħlas tad-dieċmi m’għandux x’jaqsam mal-flus iżda mal-fidi. Hekk kif bdejt inħallas dieċma sħiħa, fuqi bdew jinfetħu t-twieqi tas-smewwiet. Jien nattribwixxi bosta opportunitajiet professjonali sussegwenti għall-ħlas tad-dieċmi fidila tagħna.20

Jeħtieġ li jkollna l-fidi biex inħallsu d-dieċmi, iżda dan iwassalna biex nibnu l-fidi tagħna f’Alla u f’Ibnu l-Maħbub.

Li nagħżlu li ngħixu ħajja virtuża f’dinja sesswalizzata u politiċizzata twassalna biex nibnu l-fidi.

Li nqattgħu aktar ħin fit-tempju jwassalna biex nibnu l-fidi. U s-servizz u l-qima tagħkom fit-tempju jgħinukom taraw li ħsibijietkom ikunu ċelestjali. It-tempju huwa post ta’ rivelazzjoni. Hemmhekk tiġu murija kif tistgħu tavvanzaw lejn ħajja ċelestjali. Hemmhekk intom tersqu aktar qrib is-Salvatur u tingħataw aċċess akbar għall-qawwa tiegħu. Hemmhekk tiġu ggwidati kif tistgħu ssolvu l-problemi f’’ħajjitkom, anke l-aktar problemi diffiċli tagħkom.

L-ordinanzi u l-patti tat-tempju huma ta’ sinifikat etern. Aħna nkomplu nibnu aktar tempji biex naraw li dawn il-possibiltajiet sagri jsiru realtà f’ħajjitna lkoll. Aħna grati li se nħabbru l-pjanijiet tagħna li nibnu tempju f’kull wieħed minn dawn l-20 post.

  • Savai’i, Samoa

  • Cancún, Messiku

  • Piura, Peru

  • Huancayo, Peru

  • Viña del Mar, Ċili

  • Goiânia, Brażil

  • João Pessoa, Brażil

  • Calabar, Niġerja

  • Cape Coast, Gana

  • Luanda, Angola

  • Mbuji-Mayi, Repubblika Demokratika tal-Kongo

  • Laoag, Filippini

  • Osaka, Ġappun

  • Kahului, Maui, Ħawaii

  • Fairbanks, Alaska

  • Vancouver, Washington

  • Colorado Springs, Colorado

  • Tulsa, Oklahoma

  • Roanoke, Virginia

  • Ulaanbaatar, Mongolia

Il-Mulej qed imexxina biex nibnu dawn it-tempji biex jgħinna naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali. Alla jgħix. Ġesù hu l-Kristu. Il-Knisja tiegħu ġiet irrestawrata biex tbierek lill-ulied kollha ta’ Alla. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Ġwanni 6:38.

  2. Alma 7:11.

  3. Ara Alma 7:12.

  4. Doctrine and Covenants 19:18.

  5. 2 Nefi 9:40.

  6. 2 Nefi 28:7.

  7. Nafu nsibu li hu aktar faċli li nindmu u navvanzaw spiritwalment hawnhekk, waqt li l-ispirtu tagħna jinsab magħqud ma’ ġisimna, milli fid-dinja li jmiss bejn iż-żmien li fih immutu u l-qawmien tagħna. Kif Amuleki għallem liż-Żoramiti li waqgħu f’apostasija, “Dil-ħajja hija ż-żmien li fih … inħejju biex niltaqgħu ma’ Alla” (ara Alma 34:32–35).

  8. 2 Nefi 9:39.

  9. Ara Mosija 4:30, fejn is-Sultan Benjamin iwiddeb lill-poplu tiegħu, “Jekk intom ma tikkontrollawx lilkom infuskom, u ħsibijietkom, u kliemkom, u għemilkom, u ma tosservawx il-kmandamenti ta’ Alla, u ma tibqgħux fil-fidi … , intom tispiċċaw tintilfu.”

  10. Doctrine and Covenants 132:7; enfażi miżjuda.

  11. Bla dubju, il-volontà tagħkom ma tistax tirkeb fuq il-volontà ta’ ħaddieħor u l-konsegwenzi marbuta magħha. Kelli ħerqa kbira biex niġi ssiġillat mal-ġenituri tiegħi. Madankollu, kelli nistenna sakemm huma għażlu li jkunu ddotati meta kellhom aktar minn 80 sena. Imbagħad huma ġew issiġillati bħala koppja miżżewġa, u aħna t-tfal ġejna ssiġillati magħhom.

  12. L-iskrittura ripetutament tixhed li r-rigal tal-ħajja ta’ dejjem huwa possibbli biss permezz tal-merti, tal-ħniena, u tal-grazzja tas-Salvatur Ġesù Kristu (ara, per eżempju, Moroni 7:41; ara wkoll 2 Nefi 2:6–8, 27).

  13. Ara 2 Nefi 2:11.

  14. Ara Doctrine and Covenants 122:7.

  15. Doctrine and Covenants 121:8.

  16. Ara Isaija 1:16–18; Doctrine and Covenants 58:42–43.

  17. 1 Timotju 4:1. Il-vers ta’ wara jkompli, “Dawn jisfaw mqarrqa minn nies giddieba, li għandhom il-marka tal-ħażen fuq il-kuxjenza tagħhom” (vers 2). Pawlu ddikjara wkoll li dawk kollha li “jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni” (2 Timotju 3:12).

  18. 2 Nefi 32:5; enfażi miżjuda. Jekk aħna nitolbu, aħna nistgħu “nirċievu rivelazzjoni wara rivelazzjoni, għarfien wara għarfien” (Doctrine and Covenants 42:61).

  19. Ara Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96.

  20. Dan ma jimplikax relazzjoni ta’ kawża u effett. Xi wħud li qatt ma ħallsu d-dieċmi jiksbu ċerti opportunitajiet professjonali, waqt li xi wħud li jħallsu ma jiksbuhomx. Il-wegħda hi li t-twieqi tas-sema sejrin jinfetħu fuq dawk li jħallsu d-dieċmi. In-natura tal-barkiet tvarja.