Iktar Minn Eroj
Jien nixhed li Ġesù Kristu mhux biss l-uniku eroj tagħna; huwa l-Mulej u s-Sutan tagħna, is-Salvatur u l-Feddej tad-dinja.
Mill-1856 sal-1860, eluf ta’ pijunieri Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġarrew kull ma kellhom f’karrijiet tal-idejn għal iktar minn 1,000 mil (1,600 km) biex jivvjaġġaw sal-Wied ta’ Salt Lake. Bħal dil-ġimgħa ta’ mija u seba’ u sittin sena ilu, fl-4 ta’ Ottubru, 1856, il-President Brigham Young kien mistagħġeb meta sar jaf li żewġ gruppi ta’ karrijiet tal-idejn, immexxija minn Edward Martin u James Willie, kienu għadhom mijiet ta’ mili ’l bogħod minn Salt Lake, meta x-xitwa kienet qed toqrob ġmielha.1 L-għada stess, il-President Young waqaf quddiem il-Qaddisin u ddikjara, “Ħafna minn ħutna jinsabu fil-pjanuri bil-karrijiet tal-idejn, u jeħtieġ li jinġiebu hawn. … Morru u ġibu dawk in-nies li issa jinsabu fil-pjanuri.”2
Jumejn biss wara, l-ewwel ġgajta ta’ salvataġġ telqet tfittex il-pijunieri tal-karrijiet tal-idejn.
Membru tal-kumpanija Willie ddeskriva s-sitwazzjoni ddisprata qabel ma wasal il-grupp ewlieni ta’ salvataġġ. Huwa rrakkonta, “U meta kien jidher li kollox kien se jintilef, u ma kienx jidher li hemm wisq skop li wieħed jibqa’ ħaj, … bħal sajjetta fil-bnazzi, Alla wieġeb it-talb tagħna. Ġgajta ta’ salvataġġ, b’ikel u provvisti … , dehret riesqa mill-bogħod. … Ma stajniex nieqfu nirringrazzjaw lil Alla talli kien ħelisna.”3
Dawn in-nies ta’ salvataġġ kienu eroj għall-pijunieri, għax poġġew lil ħajjithom stess f’kundizzjonijiet estremi ta’ temp sabiex iġibu fis-sigurtà tad-dar kemm jista’ jkun minnhom. Wieħed fost dawn l-eroj kien Ephraim Hanks.
F’nofs Ottubru, u bla ma jaf xejn dwar is-sitwazzjoni mwiegħra tal-karrijiet tal-idejn, Hanks kien qed jirritorna d-dar f’Salt Lake minn vjaġġ meta, matul il-lejl, sefa mqajjem minn leħen, li qallu, “In-nies tal-karrijiet tal-idejn jinsabu fil-periklu, u hemm il-ħtieġa tiegħek; ħa tmur u tgħinhom?”
B’dik il-mistoqsija tidwi f’widnejh, huwa telaq bilġri lura lejn il-Belt ta’ Salt Lake. U malli sema’ lill-President Heber C. Kimball isejjaħ iktar voluntiera, Hanks telaq l-għada stess, waħdu, biex isalva. Fil-ħeffa tiegħu, huwa qabeż lil oħrajn fi triqithom għas-salvataġġ u, malli wasal sal-kumpanija Martin, Hanks ftakar: “Ix-xena li rajt hekk kif dħalt fil-kamp tagħhom qatt ma tista’ titħassar mill-memorja tiegħi … [u] kienet qawwija biżżejjed biex tmiss l-eħrex qalb.”4
Ephraim qatta’ jiem sħaħ jaqsam minn tinda għal oħra jbierek lill-morda. Huwa rrakonta li, “f’għexieren ta’ drabi, meta aħna amministrajna lill-morda, u ċanfarna lill-mard f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, dawk li kienu qed ibatu kienu jistejqru minnufih; kienu jfiequ kważi mill-ewwwel.”5 Ephraim Hanks jibqa’ għal dejjem eroj għal dawk il-pijunieri bil-karrijiet tal-idejn.
B’mod simili għal dak il-ġrajja kbira ta’ salvataġġ, l-avvenimenti li jħallu impatt fuq ħajjitna u anki fuq il-korsa tal-istorja huma ta’ spiss ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet u kisbiet ta’ rġiel u nisa individwali—artisti kbar, xjenzati, mexxejja negozjanti, u politiċi. Dawn l-individwi straordinarji ta’ sikwit jissejħu “eroj”, u bħala kommemorazzjoni għal dak li jkunu għamlu f’ħajjithom jittellgħu monumenti u tifkiriet oħra.
Meta kont tifel, l-ewwel eroj tiegħi kienu atleti. L-iktar memorji bikrin tiegħi huma li nikkollezzjona l-kartolini tal-baseball b’ritratti u statistiċi tal-plejers tal-Major League Baseball. “Il-qima ta’ eroj” għal tifel hija ta’ pjaċir u innoċenza, bħal meta t-tfal jilbsu tas-supereroj favoriti tagħhom fil-Halloween. Għalkemm aħna nammiraw u nirrispettaw ħafna rġiel u nisa ta’ talent straordinarju għall-ħiliet u l-kontribuzzjonijiet tagħhom, il-livell ta’ kemm huma “miġjuħin,” jekk ikun eċċessiv, jista’ jkun ekwivalenti għal meta wlied Iżrael bdew iqimu l-għoġol tad-deheb fid-deżert tas-Sinaj.
Bħala adulti, dak li kien pjaċir innoċenti tat-tfal jaf isir tfixkil meta “l-qima tal-eroj” għal politiċi, bloggers, influensers, atleti, jew mużiċisti ġġegħilna nħarsu “lil hinn mill-mira”6 u nitilfu l-vista ta’ dak li tabilħaqq essenzjali.
Għal ulied Iżrael, l-isfida ma kienx id-deheb li ġabu magħhom fil-vjaġġ lejn l-art imwiegħda, iżda dak li ppermettew id-deheb li jsir: idolu, li mbagħad sar l-oġġett tal-qima tagħhom, u dawwar ħarsithom ’il bogħod minn Jaħweh, li kien fired il-Baħar tal-Qasab u ħelishom mill-jasar. Il-konċentrazzjoni tagħhom fuq l-għoġol għamel impatt fuq il-ħila tagħhom li jaduraw il-veru Alla.7
L-eroj—l-eroj tagħna, issa u dejjem—huwa Ġesù Kristu, u kull ħaġa, jew kull min, jiddistrattana mit-tagħlim tiegħu, kif misjub fl-iskrittura jew permezz ta’ kliem profeti ħajjin, tista’ jew jista’ tħalli jew iħalli impatt negattiv fuq il-progress tagħna fit-triq tal-patt. Ħafna qabel il-ħolqien ta’ din id-dinja, aħna ħarisna lejn Ġesù Kristu meta deher ċar li l-pjan propost mill-Missier fis-Smewwiet, li kien jinkludi l-opportunità tagħna li nagħmlu progress u nsiru bħalu, kien qed jiġi sfidat.
Ġesù Kristu mhux biss kien il-mexxej biex jiddefendi il-pjan ta’ Missierna, iżda huwa kellu wkoll jagħmel parti kruċjali fit-twettiq tiegħu. Huwa wieġeb lill-Missier u vvolontarja li joffri lilu nnifsu “bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd,”8 biex iħallas dejn li lkoll kemm aħna konna se nagħmlu permezz tad-dnub iżda li ma stajniex inħallsu aħna stess.
Il-President Dallin H. Oaks għallem, “Ġesù Kristu għamel dak kollu li hu essenzjali għall-vjaġġ tagħna f’din il-ħajja mortali lejn id-destin deskritt fil-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet.”9
Fil-Ġnien tal-Ġetsemani, meta kien iffaċċjat minn kompitu daqshekk tal-għaġeb, is-Salvatur iddikjara b’qlubija kbira, “Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” u kompla biex jieħu fuqu l-għadd kollu ta’ weġgħat, mard, u t-tbatija għad-dnubiet ta’ kull minn kellu xi darba jgħix.10 F’att perfett ta’ ubbidjenza u impenn, Ġesù Kristu wettaq l-att suprem, erojku fil-kreazzjoni kollha, li jsib il-qofol fil-Qawmien mill-Mewt glorjuż tiegħu.
Fl-iktar konferenza ġenerali riċenti tagħna, il-President Russell M. Nelson fakkarna: “Huma x’inhuma l-mistoqsijiet jew il-problemi li għandkom, it-tweġiba dejjem insibuha fil-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Tgħallem aktar dwar l-Espjazzjoni tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu, id-duttrina tiegħu, u l-evanġelju rrestawrat tiegħu li jfejjaqna u jgħinna fil-progressjoni tagħna. Duru Lejh! Isimgħu!”11 U nżid, “Agħżel lilu.”
Fid-dinja kumplessa tagħna, huwa ta’ tentazzjoni li ddur fuq l-eroj tas-soċjetà fi sforz biex tipprovdi tifsira jew kjarifika tal-ħajja meta tidher konfuża u skonvolġenti. Nixtru l-ħwejjeġ li jisponsorjaw, inħaddnu l-politika li jippridkaw, u nimxu wara r-rakkomandazzjonijiet tagħhom li jaqsmu magħna fuq il-midja soċjali. Dan jaf ikun aċċettabbli bħala divertiment temporanju, iżda għandna nkunu attenti ħafna li din it-tip ta’ qima tal-eroj ma ssirx l-għoġol tad-deheb tagħna. Li nagħżlu l-eroj “ġust” għandha konsegwenzi eterni.
Meta jien u l-familja tiegħi wasalna Spanja biex nibdew is-servizz tagħna bħala mexxejja tal-missjoni, sibna fi gwarniċ kwotazzjoni mill-Presbiteru Neal A. Maxwell li għandha relevanza għall-eroj li aħna nagħżlu li nimxu warajhom. Huwa ddikjara, “Jekk intom m’għażiltux is-saltna ta’ Alla, fl-aħħar mhix se tagħmel differenza x’għażiltu minflok.”12 Ħuti, huwa billi nagħżlu lil Ġesù Kristu, is-Sultan tas-Slaten, li aħna nagħżlu s-Saltna ta’ Alla. Kawlunkwe għażla oħra hija ekwivalenti għal meta nagħżlu d-driegħ tal-laħam, jew l-għoġol tad-deheb, u fl-aħħar mill-aħħar ħa tiddiżappuntana.
Fi-Ktieb ta’ Danjel fit-Testment il-Qadim, aħna naqraw ir-rakkont ta’ Sidrak, Mesak u Għabedneku, li b’mod ċar kienu jafu liema eroj kellhom jagħżlu—u ma kienx wieħed mill-allat tas-Sultan Nabukodonosor. Bil-kunfidenza huma ddikjaraw:
“Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jista’ jeħlisna minn idejk, O Sultan. …
“U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-istatwa tad-deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.”13
Kif għallem l-Appostlu Pawlu, “Hemm ħafna allat,”14 u, nista’ nżid, ħafna hekk imsejħa eroj, li aħna mistednin ninkinaw quddiemhom, inqimuhom, u nħaddnu. Iżda bħalma t-tlitt iħbieb ta’ Danjel kienu jafu, hemm biss wieħed li ta l-garanzija li jeħles—għaliex diġà għamel dan, u dejjem se jibqa’ jagħmel dan.
Għalina, li ninsabu fil-vjaġġ tagħna lura għall-preżenza ta’ Alla, lejn l-art imwiegħda tagħna, mhuwiex il-politiku, il-mużiċista, l-atleta, jew il-vlogger li huwa l-kwistjoni, iżda li nagħżlu li nippermettulhom isiru l-oġġetti primarji tal-attenzjoni u l-fokus tagħna, u hekk jieħdu post is-Salvatur u l-Feddej tagħna.
Nagħżlu lilu, lil Ġesù Kristu, meta nagħżlu li nonoraw il-jum tiegħu sew jekk qegħdin id-dar, sew jekk fuq btala. Nagħżlu lilu meta nagħżlu kliemu permezz tal-iskrittura u t-tagħlim ta’ profeti ħajjin. Nagħżlu lilu meta nagħżlu kliemu meta nagħżlu li nżommu rakkomandazzjoni tat-tempju u ngħixu b’mod denn tagħha. Nagħżlu lilu meta nagħżlu meta nfittxu li nġibu l-paċi u nirrifjutaw li nkunu polemikużi, “speċjalment meta jkollna opinjoni differenti.”15
L-ebda mexxej ma wera daqshekk kuraġġ, l-ebda umanitarju ma wera daqshekk tjubija, l-ebda tabib ma fejjaq daqshekk mard, l-ebda artist ma kien daqshekk kreattiv daqs kemm kien Ġesù Kristu.
F’dinja ta’ eroj, b’monumenti u mużej iddedikati għall-kisbiet ta’ rġiel u nisa mortali, hemm wieħed li jieqaf fuqhom ilkoll. Jien nixhed li Ġesù Kristu mhux biss l-uniku eroj tagħna, huwa l-Mulej u s-Sultan tagħna, is-Salvatur u l-Feddej tad-dinja. F’isem Ġesù Kristu, ammen.