Tifħir lir-Raġel
Kemm aħna mberkin bil-kotra li nafu dak kollu li nafu għax għandna lil Joseph Smith, il-profeta tal-aħħar dispensazzjoni taż-żmien.
Għeżież ħuti, inħossni onorat li ninsab magħkom hawn dalgħodu. Nitlob li l-Mulej iberikni.
Għajnejja m’għadhomx li kienu. Jien mort u rajt tabiba, u għidtilha, “Ma nistax nara t-teleprompter.”
Hi qaltli, “Ħeq, għajnejk mhux żgħar fiż-żmien. Mhumiex se jinbidlu.”
Għalhekk se nagħmel l-aħjar li nista’.
Nixtieq naqsam magħkom xi ħwejjeġ li ilhom jgħarblu ġo moħħi. F’dawn l-aħħar xhur bħal qisu l-Profeta Joseph kien dejjem ġo moħħi. Jien poġġejt bilqiegħda u bdejt nikkontempla dwar ir-responsabbiltà glorjuża tiegħu hekk kif huwa sar il-profeta ta’ din id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.
Bdejt naħseb kemm aħna grati bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li Joseph Smith, tfajjel li xtaq ikun jaf x’kellu jagħmel biex dnubietu jinħafru, għamel il-kuraġġ u mar f’masġar ħdejn id-dar tiegħu ġo Palmyra, New York, u hemmhekk niżel għarkupptejh jitlob u—skont dak li stqarr hu—talab għall-ewwel darba b’leħen għoli (ara Joseph Smith—History 1:14).
F’dik l-okkażjoni, hekk kif Joseph niżel għarrkupptejh f’dak li nsejħulu l-Masġar Sagru, is-smewwiet infetħu. Żewġ personaġġi, li bdew jiddu aktar mix-xemx ta’ nofsinhar, dehru quddiemu. Wieħed minnhom kellmu u qal, “Joseph dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!” (Joseph Smith—History 1:17). B’hekk ingħata bidu għar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Għax Ġesù, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, kellem lit-tfajjel Joseph u fetaħ din id-dispensazzjoni taż-żmien li issa qed ngħixu fiha, aħna nkantaw, “Tifħir lir-raġel illi tkellem ma’ Jaħweh!” (“Tifħir lir-Raġel,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 50). Aħna nirringrazzjaw lill-Mulej għal Joseph Smith u għall-kuraġġ tiegħu li jmur f’dak il-masġar fl-1820, ħdejn id-dar tiegħu f’Palmyra, New York.
Bdejt naħseb dwar il-ħwejjeġ kollha tal-għaġeb li aħna nafu u dak kollu li għandna. Għeżież ħuti, it-testimonjanza li se naqsam magħkom dalgħodu hi dwar kemm aħna mberkin bil-kotra li nafu dak kollu li nafu għax għandna lil Joseph Smith, il-profeta tal-aħħar dispensazzjoni taż-żmien.
Aħna għandna għarfien tal-għan tal-ħajja, ta’ min aħna.
Aħna nafu min hu Alla; nafu min hu s-Salvatur, għax għandna lil Joseph, li mar ġo masġar meta kien għadu tfajjel, ifittex il-maħfra għal dnubietu.
Naħseb li hija waħda mill-aktar ħwejjeġ glorjużi u tal-għaġeb li bniedem, hu min hu, jista’ jkun jaf f’din id-dinja—li Missierna fis-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu żvelaw lilhom infushom f’dan l-aħħar żmien u li Joseph ġie mrobbi sabiex jirrestawra l-milja tal-evanġelju ta’ dejjem ta’ Ġesù Kristu.
Aħna għandna l-Ktieb ta’ Mormon. X’rigal meraviljuż u tal-għaġeb huwa l-Ktieb ta’ Mormon għall-membri tal-Knisja. Huwa xhieda oħra, testment ieħor li Ġesù hu l-Kristu. Aħna għandna dan il-ktieb għaliex Joseph kien denn li jmur iġib il-pjanċi, kien ispirat mis-smewwiet biex jittraduċihom permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla u li jagħti dan il-ktieb lid-dinja.
Minkejja li l-messaġġ tiegħi dalgħodu hu wieħed sempliċi, huwa messaġġ profond, u kollu mħabba lejn il-Profeta Joseph Smith u lejn dawk kollha, ħuti, li sostnewh u li kienu lesti li jsostnuh fiż-żgħożija tiegħu.
Dalgħodu nixtieq nagħtu ġieħ lil ommu. Dejjem ħsibt kemm kienet ħaġa tal-għaġeb li meta Joseph wasal id-dar minn dik l-esperjenza fil-Masġar Sagru u qal lil ommu x’kien ġara, Lucy Mack Smith emmnitu.
Jiena grat għal missieru u għal ħutu u l-familja tiegħu, li sostnewh f’din ir-responsabbiltà tremenda li l-Mulej poġġa fuqu biex isir il-profeta li jirrestawra għal darb’oħra l-milja tal-evanġelju ta’ dejjem ta’ Ġesù Kristu fuq l-art.
Għalhekk it-testimonjanza tiegħi dalgħodu hi li jiena naf li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u Feddej tad-dinja. Naf ukoll li Missierna fis-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu dehru u tkellmu ma’ Joseph u ħejjewh biex isir profeta.
Jien nimmeravilja ruħi, u ċert li ħafna minnkom tagħmlu l-istess, dwar kemm aħna mberkin li nafu dak li nafu dwar l-għan tagħna fil-ħajja, għalfejn ninsabu hawn, u x’għandna nippruvaw nagħmlu u nwettqu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Aħna ninsabu fil-proċess li nippruvaw inħejju lilna nfusna, jum wara jum, biex inkunu daqsxejn aħjar, daqsxejn aktar ġentili, daqsxejn aktar preparati għal dak il-jum, li żgur se jasal, meta aħna sejrin ngħaddu lura fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet u tal-Mulej Ġesù Kristu.
Għalija dak iż-żmien aktar ma jmur aktar qed joqrob. Dalwaqt nagħlaq 95. Uliedi jgħiduli li huma jaħsbu li xi kultant inkun ferm ixjeħ minn hekk, iżda ma jimpurtax. Qed nagħmel l-aħjar li nista’.
Iżda għal kważi 50 sena, ħuti, kelli l-privileġġ li ndur id-dinja fil-ħidma tiegħi bħala Awtorità Ġenerali tal-Knisja. Kienet barka tal-għaġeb. Naħseb li kważi dort kull naħa tad-dinja. Iltqajt ma’ membri tal-Knisja madwar id-dinja kollha.
O, kemm inħobbkom. Kemm kienet esperjenza mill-aktar glorjuża—li nħares f’wiċċkom, inkun fil-preżenza tagħkom, u nħoss l-imħabba li intom għandkom għall-Mulej u għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Jalla Missierna fis-Smewwiet issa jħarisna u jbierek dak kollu li se jseħħ waqt il-konferenza. U jalla jkollna f’qalbna l-Ispirtu tal-Mulej, u jalla mħabbitna lejn l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—is-Salvatur maħbub tagħna, il-Mulej Ġesù Kristu—tikber hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inservuh u nħarsu l-kmandamenti tiegħu u nkunu aktar bħalu b’riżultat tal-attendenza tagħna waqt din il-konferenza ġenerali. Tinsabu fejn tinsabu f’din id-dinja, jalla Alla jberikkom. Jalla l-Ispirtu tal-Mulej ikun magħna. Jalla aħna nħossu l-qawwa tas-smewwiet hekk kif aħna nqimu flimkien f’din is-sessjoni tal-konferenza.
Inħallikom bix-xhieda u t-testimonjanza tiegħi li jiena naf li Ġesù hu l-Kristu. Huwa s-Salvatur tagħna, il-Feddej tagħna. Huwa l-aktar ħabib li għandna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.