Aħwa fi Kristu
Jalla aħna ngawdu aktar il-parentela spiritwali li teżisti bejnietna u napprezzaw il-kwalitajiet differenti u d-doni varjati li aħna lkoll għandna.
Għeżież ħbieb tiegħi, illum verament kellna sessjonijiet tal-konferenza mill-isbaħ. Ilkoll ħassejna l-Ispirtu tal-Mulej u l-imħabba tiegħu permezz tal-messaġġi mill-isbaħ li qasmu magħna l-mexxejja tagħna. Inħoss li hu privileġġ għalija li nindirizzakom illejla bħala l-aħħar kelliem ta’ din is-sessjoni. Nitlob li l-Ispirtu tal-Mulej ikompli jgħammar magħna hekk kif aħna nithennew flimkien bħala aħwa fi Kristu.
Il-maħbub profeta tagħna, Russell M. Nelson, iddikjara: “Jiena nsejjaħ lill-membri kollha ma’ kullimkien biex jagħtu eżempju billi jabbandunaw kwalunkwe attitudni jew għemil ta’ preġudizzju. Nitlobkom tippromwovu r-rispett lejn l-ulied kollha ta’ Alla.”1 Bħala Knisja globali li dejjem qed tikber, li aħna nimxu wara din l-istedina mingħand il-profeta tagħna hija ħtieġa mill-aktar importanti biex aħna nibnu s-saltna tas-Salvatur f’kull ġens tad-dinja.
L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jgħallem li aħna lkoll ulied spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet li verament iħobbuna2 u li aħna għexna bħala familja fil-preżenza ta’ Alla qabel ma twelidna f’din id-dinja. L-evanġelju jgħallem ukoll li aħna lkoll inħlaqna fuq ix-xbieha u s-sura ta’ Alla.3 Għalhekk, aħna kollha ndaqs quddiemu,4 għax Hu “minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin.”5 Għalhekk, aħna lkoll għandna natura divina, u wirt u potenzjal divin, għax hemm “Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.”6
Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna mistiedna biex inkabbru l-fidi tagħna, u l-imħabba tagħna lejn ħuna spiritwali u lejn il-sworellanza billi ġenwinament ngħaqqdu qlubna flimkien f’għaqda u mħabba, minkejja d-differenzi tagħna, u b’hekk inkabbru l-abbiltà tagħna li nippromwovu r-rispett għad-dinjità tal-ulied kollha ta’ Alla.7
Ma kenitx din il-kundizzjoni li esperjenzaw in-nies ta’ Nefi għal kważi mitejn sena wara li Ġesù mar jimministra fosthom?
“U verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqa minn id Alla. …
“La kien hemm Lamaniti, u lanqas xi forma ta’ -iti; iżda kienu kollha ħaġa waħda, ulied Kristu, u werrieta tas-saltna ta’ Alla.
“U O, kemm kienu mberkin!”8
Il-President Nelson kompla jenfasizza dwar l-importanza li nxerrdu d-dinjità u r-rispett fost għajrna meta huwa ddikjara: “Il-Ħallieq tagħna lkoll qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex nabbandunaw ċerta attitudni ta’ preġudizzju kontra xi grupp partikolari minn fost l-ulied kollha ta’ Alla. Jekk xi ħadd minna għandu xi preġudizzju lejn xi razza oħra jeħtieġ li jindem! … Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu fl-isfera li aħna ninfluwenzaw biex nippreservaw id-dinjità u r-rispett li l-ulied kollha ta’ Alla jixirqilhom.”9 Fir-realtà, id-dinjità umana tistenna minna li nirrispettaw id-differenzi ta’ bejnietna.10
Meta nikkunsidraw ir-rabta sagra li tgħaqqadna ma’ Alla bħala wliedu, din id-direzzjoni profetika mogħtija lilna mill-President Nelson hija bla dubju pass fundamentali lejn li aħna nibnu l-pontijiet biex inkunu nistgħu nifthiemu bejnietna minflok ma noħolqu fostna ħitan ta’ preġudizzju u segregazzjoni.11 Madankollu, kif Pawlu widdeb lill-Efesin, jeħtieġ li aħna nagħrfu li biex niksbu dan il-għan, jeħtieġ li nagħmlu sforz individwali u kollettiv biex naġixxu b’umiltà, bil-ħlewwa, u bis-sabar bejnietna.12
Naf bi storja dwar ċertu rabbi Lhudi li kien qed igawdi tlugħ ix-xemx flimkien ma’ tnejn minn sħabu. Huwa staqsiehom, “Kif tkunu tafu meta jkun għadda l-lejl u sebaħ jum ġdid?”
Wieħed minnhom wieġeb, “Meta tkun tista’ tħares lejn il-lvant u tkun tista’ tiddistingwi nagħġa minn mogħża.”
L-ieħor imbagħad wieġeb, “Meta tkun tista’ tħares fl-orizzont u tista’ tiddistingwi siġra minn siġra tat-tin.”
Imbagħad huma daru lejn ir-rabbi għaref u staqsewh l-istess mistoqsija. Wara li dam jirrifletti ftit, huwa wieġeb, “Meta tkun tista’ tħares lejn il-lvantu tara wiċċ xi mara jew wiċċ xi raġel u tkun tista’ tgħid, ‘Dik oħti; dak ħija.’”13
Għeżież ħbieb tiegħi, nassigurakom li d-dawl ta’ jum ġdid jiddi b’aktar qawwa f’ħajjitna meta aħna nħarsu lejn għajrna u nittrattawhom b’rispett u dinjità u bħala vera aħwa fi Kristu.
Waqt il-ministeru tiegħu fid-dinja, Ġesù tana eżempju perfett ta’ dan il-prinċipju hekk kif Huwa “għadda jagħmel il-ġid”14 lin-nies kollha, u jistedinhom biex jiġu għandu u jgawdu minn tjubitu, irrispettivament l-oriġni, il-klassi soċjali, jew il-karatteristiċi kulturali tagħhom. Huwa serva, fejjaq, u dejjem kien attent għall-bżonnijiet ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk li dak iż-żmien kienu kkunsidrati bħala nies differenti, imwarrba, jew li huma anqas minn ħaddieħor. Hu ma kien jibgħat ’l hemm lil ħadd iżda kien jittrattahom indaqs u bi mħabba, għax kien iħares lejhom bħala ħutu, ulied l-istess Missier.15
Waħda mill-okkażjonijiet l-aktar impressjonanti kienet meta s-Salvatur telaq lejn il-Galilija, fejn hu apposta għadda minn triq li kienet tgħaddi minn Samarija.16 Ġesù mbagħad iddeċieda li jpoġġi bilqiegħda ħdejn il-bir ta’ Ġakobb biex jistrieħ. Waqt li kien hemm, waħda mara Samaritana marret ħdejh biex timla l-barmil bl-ilma. Fl-omnixxenza tiegħui, Ġesù qabad ikellimha u qalilha, “Agħtini nixrob.”17
Din il-mara baqgħet mistagħġba li xi ħadd Lhudi jitlob mara Samaritana għall-għajnuna u esprimiet l-istagħġib billi qalet, “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob? Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.”18
Iżda Ġesù, warrab id-drawwiet antiki ta’ animosità bejn is-Samaritani u l-Lhud, u b’imħabba serva lil din il-mara, billi għenha tifhem min kien verament—jiġifieri li kien il-Messija, li kien jaf b’kollox u li hija kienet qed tistenna l-miġja tiegħu.19 L-impatt ta’ dak il-ministeru mill-aktar ħelu wassal biex din il-mara titlaq tiġri fil-belt biex tħabbar lin-nies dak li kien ġara, fejn qalet, “Tgħid, dan il-Messija?”20
Jiena nħoss sens kbir ta’ kompassjoni lejn dawk li ġew trattati ħażin, imkasbra, jew ippersegwitati minn nies bla qalb u bla ħsieb, għaliex, f’ħajti, jiena rajt mill-qrib it-tbatija li jsofru nies twajbin għaliex jiġu ġġudikati jew disprezzanti minħabba li jitkellmu, jidhru, jew jgħixu differenti minn oħrajn. Inħoss f’qalbi niket tassew għal dawk li moħħhom għadu fid-dlam, li l-viżjoni tagħhom hi waħda limitata, u li qalbhom tibqa’ mwebbsa għax jemmnu fl-inferjorità ta’ dawk li huma differenti minnhom. Il-perspettiva limitata tagħhom fejn jidħol ħaddieħor fil-fatt tostakola l-abbiltà tagħhom li jagħrfu li huma wlied Alla.
Kif kien imbassar mill-profeti, aħna qed ngħixu fi żminijiet perikolużi li jwasslu għat-Tieni Miġja tas-Salvatur.21 Id-dinja in ġenerali hija polarizzata permezz ta’ firda kbira, aċċentwata minn diviżjoni razzjali, politika, u soċjoekonomika. Din it-tip ta’ diviżjoni xi kultant twassal biex tinfluwenza l-mod kif jaħsbuha u jaġixxu n-nies b’relazzjoni ma’ sħabhom il-bnedmin. Għal din ir-raġuni, mhijiex xi ħaġa rari li tara nies jikkaratterizzaw il-mod kif jaħsbuha, kif jaġixxu, u kif jitkellmu dwar kulturi, razez, u etniċitajiet oħra bħala nies inferjuri, u jadottaw ideat prekonċeputi, żbaljati, u ħafna drabi sarkastiċi, li jiġġeneraw ċerta attitudni ta’ disprezz, indifferenza, disrispett, u saħansitra ta’ preġudizzju kontrihom. Din it-tip ta’ attitudni għandha l-għeruq tagħha fil-kburija, fl-arroganza, u fl-għira, karatteristiċi tan-natura karnali,22 li jmorru għal kollox kontra l-attributi Kristjani. Din żgur mhijiex imġiba xierqa għal dawk li qed jippruvaw ikunu dixxipli vera tiegħu.23 Fil-fatt, għeżież ħuti, m’hemmx lok għal ħsibijiet jew għemejjel preġudikati fil-komunità tal-Qaddisin.
Bħala wlied tal-patt, aħna nistgħu ngħinu biex tiġi eliminata din it-tip ta’ mġiba billi nħarsu lejn id-differenzi apparenti li jeżistu bejnietna mil-lenti tas-Salvatur24 u nibbażaw dan fuq dak li hemm komuni bejnietna—l-identità u l-parentela divina tagħna. Barra minn hekk, aħna nistgħu nagħmlu li nistgħu biex naraw lilna nfusna fir-riflessjoni tal-ħolm, tat-tama, tan-niket u tal-uġigħ ta’ għajrna. Aħna lkoll vjaġġaturi bħala wlied Alla, ilkoll indaqs fl-istat imperfett tagħna u fl-abbiltà tagħna li nikbru. Aħna lkoll mistiedna nimxu flimkien, fil-paċi, b’qalbna mimlija mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha—jew, kif innota Abraham Lincoln, “bl-ebda malizzja lejn ħadd; u karità lejn kulħadd.”25
Qatt xtarrejtu dwar kif aħna nistgħu naraw il-prinċipju tar-rispett għad-dinjità u l-ugwaljanza mill-mod sempliċi kif aħna nilbsu fid-dar tal-Mulej? Aħna lkoll niġu fit-tempju. Magħqudin b’għan wieħed u b’xewqa kbira li nkunu safja u qaddisa fil-preżenza mqaddsa tiegħu. Lebsin l-abjad, ilkoll kemm aħna niġu milqugħin mill-Mulej innifsu bħala l-ulied maħbuba tiegħu, irġiel u nisa ta’ Alla, li ġejjin min-nisel ta’ Kristu.26 Xi privileġġ kbir li aħna nistgħu nwettqu l-istess ordinanzi, nagħmlu l-istess patti, u nikkommettu ruħna li ngħixu ħajja ogħla u aktar qaddisa, u nirċievu l-istess wegħdiet eterni. Magħqudin f’għan wieħed, aħna nħarsu lejn xulxin minn lenti ġdida, u fl-unità tagħna, aħna niċċelebraw id-differenzi tagħna bħala wlied divini ta’ Alla.
M’ilux jiena għent niggwida lil numru ta’ dinjitarji u uffiċjali tal-gvern waqt il-ftuħ għall-pubbliku tat-Tempju ta’ Brasília, fil-Brażil. Jien u l-viċi president tal-Brażil waqafna għal ftit fil-kamra fejn inbiddlu u aħna tkellimna dwar l-ilbies abjad li kulħadd jilbes ġewwa t-tempju. Jiena spjegajtlu li dan l-użu universali tal-ilbies abjad jissimbolizza li aħna lkoll l-istess għal Alla u li fit-tempju, l-identità tagħna mhijiex ta’ viċi president ta’ xi pajjiż jew ta’ xi mexxej tal-knisja iżda hija l-identità eterna tagħna bħala wlied Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba.
Ix-Xmara Iguaçú tgħaddi min-nofsinhar tal-Brażil u titbattal f’medda art miftuħa li tifforma sistema ta’ kaskati magħrufa mad-dinja bħala l-Kaskati Iguaçú—wieħed mill-aktar postijiet sbieħ u impressjonanti li Alla ħoloq fid-dinja, li huma kkunsidrati bħala wieħed mis-seba’ għeġubijiet tad-dinja. Volum kolossali ta’ ilma jispiċċa kollu fi xmara waħda u mbagħad jissepara ruħu, u jifforma mijiet ta’ kaskati bla paragun. Jekk nitkellmu b’mod metaforiku, din is-sistema fenomenali ta’ kaskati hija riflessjoni tal-familja ta’ Alla fid-dinja, għax aħna għandna l-istess oriġni u sustanza spiritwali, li ġejjin mill-wirt divin u l-parentela divina tagħna. Madankollu, ilkoll kemm aħna ġejjin minn kulturi, etniċitajiet, u ġnus differenti, b’opinjonijiet, esperjenzi, u sentimenti differenti. Minkejja dan, aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem bħala wlied Alla u bħala aħwa fi Kristu, mingħajr ma nitilfu r-rabta divina tagħna, li tagħmilna poplu uniku u komunità għażiża.27
Għeżież ħuti, jalla aħna nallinjaw qalbna u moħħna bl-għarfien u t-testimonjanza li aħna lkoll ugwali quddiem Alla, li aħna lkoll iddotati bl-istess potenzjal u wirt etern. Jalla aħna ngawdu aktar il-parentela spiritwali li teżisti bejnietna u napprezzaw il-kwalitajiet differenti u d-doni varjati li aħna lkoll għandna. Jekk nagħmlu dan, inwegħidkom li aħna ngħaddu mit-triq li jeħtieġ ngħaddu minnha, kif jagħmel l-ilma tal-Kaskati Iguaçú, mingħajr ma nitilfu r-rabta divina tagħna li tidentifikana bħala nies partikulari, “ulied Kristu, u werrieta tas-saltna ta’ Alla.”28
Jiena nixhed li hekk kif aħna nkomplu għaddejjin b’dan il-mod f’din il-ħajja mortali tagħna, għad ifeġġ jum ġdid b’dawl ġdid li jdawwal ħajjitna u jillumina opportunitajiet mill-isbaħ biex napprezzaw aktar id-diversità li ħoloq Alla fost uliedu, u nitbierku iktar biha.29 Aħna żgur li nsiru strumenti f’idejh li nippromwovu r-rispett u d-dinjità fost uliedu kollha. Alla jgħix. Ġesù huwa s-Salvatur tad-dinja. Il-President Nelson huwa l-profeta ta’ Alla fi żmienna. Jiena nixhed dwar dawn il-veritajiet fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.