Konferenza Ġenerali
Il-Verità Eterna
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Il-Verità Eterna

Il-ħtieġa tagħna li nagħrfu l-verità qatt ma kienet aktar importanti.

Ħuti, grazzi għad-devozzjoni tagħkom lejn Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, u grazzi għall-imħabba u s-servizz tagħkom lejn xulxin. Intom verament nies meraviljużi!

Introduzzjoni

Wara li jien u marti, Anne, irċevejna sejħa biex inservu bħala mexxejja tal-missjoni full-time, il-familja tagħna konna determinati li nitgħallmu l-isem ta’ kull missjunarju qabel naslu fl-għalqa tal-missjoni. Aħna ksibna ritratti, ħloqna flashcards, u bdejna nistudjaw l-uċuħ u nimmemorizzaw l-ismijiet.

Meta wasalna, aħna għamilna numru ta’ konferenzi introduttorji mal-missjunarji. Hekk kif bdejna niltaqgħu magħhom, smajt lit-tifel tagħna ta’ disa’ snin jgħid:

“Qed nieħu gost niltaqa’ miegħek Sam!”

“Minn fejn inti Rachel?”

“Mamma mija, David, kemm int twil!”

Xi ftit allarmat, mort fuq ibni u minn taħt l-ilsien għidtlu, “Isma’, tajjeb niftakru għandna nirreferu għall-missjunarji bħala Presbiteru jew Sister.”

Huwa ħares lejja xi ftit konfuż u qal, “Pa, ħsibt li suppost kellna nimmemorizzaw isimhom.” It-tifel tagħna għamel dak li ħaseb li kellu jagħmel skont kif fehem hu.

Għalhekk, x’inhu l-għarfien tal-verità fid-dinja tal-lum? Aħna kontinwament ninsabu bbumbardjati b’opinjonijiet qawwija, b’rappurtar preġudikat, u dejta mhux kompluta. Fl-istess ħin, il-volum u s-sorsi ta’ din l-informazzjoni jipproliferaw. Il-ħtieġa tagħna li nagħrfu l-verità qatt ma kienet aktar importanti.

Il-verità hi mill-aktar importanti biex aħna nistabbilixxu u nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, insibu l-paċi u l-hena, u nilħqu l-potenzjal divin tagħna. Illum, ejjew nikkunsidraw il-mistoqsijiet li ġejjin:

  • X’inhi l-verità, u għalfejn hi importanti?

  • Kif nistgħu nsibu l-verità?

  • Meta nsibu l-verità, kif nistgħu naqsmuha ma’ ħaddieħor?

Il-Verità Hija Eterna

Il-Mulej għallimna fl-iskrittura li “il-verità hija l-għarfien tal-ħwejjeġ kif verament huma, kif kienu u kif se jkunu” (Doctrine and Covenants 93:24). Ma “ġietx maħluqa jew magħmula” (Doctrine and Covenants 93:29) u “m’għandiex tmiem” (Doctrine and Covenants 88:66).1 Il-verità hija assoluta, ma tinbidilx, u immutabbli. Fi kliem ieħor, il-verità hija eterna.2

Il-verità tgħinna nevitaw il-qerq,3 nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin,4 nirċievu l-protezzjoni,5 u nsibu l-faraġ u l-fejqan.6 Il-verità tista’ wkoll tiggwida għemilna,7 twassalna biex inkunu ħielsa,8 tqaddisna,9 u tmexxina lejn il-ħajja ta’ dejjem.10

Alla Jiżvela l-Verità Eterna

Alla jiżvelalna l-verità eterna permezz ta’ network ta’ relazzjonijiet rivelatorji li tinvolvi lilu nnifsu, lil Ġesù Kristu, l-Ispirtu s-Santu, lill-profeti, u lilna. Ejjew niddiskutu l-irwoli distinti madankollu interkonnessi li kull parteċipant għandu f’dan il-proċess.

L-ewwel, Alla hu is-sors tal-verità eterna.11 Hu u Ibnu, Ġesù Kristu,12 għandhom għarfien perfett tal-verità u dejjem jaġixxu f’armonija ma’ prinċipji u liġijiet vera.13 Din il-qawwa tagħtihom iċ-ċans li joħolqu u jiggvernaw id-dinjiet14 kif ukoll li jħobbu, jiggwidaw, u jieħdu ħsieb lil kull wieħed u waħda minna b’mod perfett.15 Huma jridu li aħna nifhmu u napplikaw il-verità ħalli aħna nkunu nistgħu ngawdu l-barkiet li jgawdu Huma.16 Huma jafu jgħaddulna l-verità wiċċ imb wiċċ jew, b’mod aktar tipiku, permezz tal-Ispirtu s-Santu, tal-anġli, jew tal-profeti ħajjin.

It-tieni, l-Ispirtu s-Santu jagħti xhieda tal-verità kollha.17 Huwa jiżvelalna ċerti veritajiet b’mod dirett u jixhed dwar verità mgħallma minn ħaddieħor. Is-suġġerimenti mingħand l-Ispirtu tipikament jaslu bħala ħsibijiet f’moħħna u sentimenti f’qalbna18

It-tielet, il-profeti jirċievu l-verità mingħand Alla u jaqsmu dik il-verità magħna.19 Aħna nitgħallmu l-verità mill-profeti tal-passat fl-iskrittura20 u mill-profeti ħajjin waqt il-konferenza ġenerali u permezz ta’ mezzi uffiċjali oħra.

Finalment, jien u intom għanda rwol kruċjali x’nilagħbu f’dan il-proċess. Alla jistenna li aħna nfittxu, nagħrfu, u naġixxu skont il-verità. L-abbiltà tagħna li nirċievu u napplikaw il-verità tiddependi fuq il-qawwa tar-relazzjoni tagħna mal-Missier u mal-Iben, ir-rispons tagħna għall-influwenza tal-Ispirtu s-Santu, u l-allenjament tagħna mal-profeti tal-aħħar żmien.

Jeħtieġ li niftakru li Satana jaħdem biex iżommna ’l bogħod mill-verità. Huwa jaf li mingħajr il-verità, ma nistgħux niksbu l-ħajja ta’ dejjem. Huwa jinseġ ċerti veritajiet mal-filosofiji tad-dinja biex iħawwadna u jaljenana minn dak li Alla qed jipprova jikkomunika magħna.21

Infittxxu, Nagħrfu, u Napplikaw il-Verità Eterna

Hekk kif infittxu l-verità eterna,22 iż-żewġ mistoqsijiet li ġejjin jistgħu jgħinuna nagħrfu jekk xi kunċett ġej minn Alla jew minn xi sors ieħor:

  • Il-kunċett li qed jiġi mgħallem huwa konsistenti mal-iskrittura u mal-profeti ħajjin?

  • Qed ikolli konferma mingħand l-Ispirtu s-Santu dwar dan il-kunċett?

Alla jiżvela l-veritajiet duttrinali permezz tal-profeti, u l-Ispirtu s-Santu jikkonferma dawk il-veritajiet u jgħinna napplikawhom.23 Jeħtieġ li nfittxu u nkunu preparati biex nirċievu dwar is-suġġerimenti spiritwali meta jiġu.24 Aħna l-aktar li aħna riċettivi għax-xhieda tal-Ispirtu meta nkunu umli,25 nitlobu b’mod sinċier u nistudjaw il-kliem ta’ Alla,26 u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.27

Ladarba l-Ispirtu s-Santu jikkonfermalna xi verità speċifika, l-għarfien tagħna jikber hekk kif inpoġġu dak il-prinċipju fil-prattika. Maż-żmien, hekk kif ngħixu b’mod konsistenti dak il-prinċipju, aħna niksbu għarfien ċert ta’ dik il-verità.28

Per eżempju, jiena għamilt ċerti żbalji u ħassejt fija rimors għall-għażliet xejn tajbin. Iżda permezz tat-talb, tal-istudju, u l-fidi f’Ġesù Kristu, jiena rċevejt xhieda tal-prinċipju tal-indiema.29 Hekk kif jien komplejt nindem, l-għarfien tiegħi tal-indiema spiċċa ssaħħaħ. Jien ħassejtni eqreb ta’ Alla u Ibnu. Issa jien naf li d-dnub jista’ jinħafer permezz ta’ Ġesù Kristu, għaliex nesperjenza l-barkiet tal-indiema kuljum.30

Nafdaw f’Alla Meta l-Verità Għadha Mhux Żvelata

Għalhekk, x’għandna nagħmlu meta nfittxu sinċerament il-verità li għadha mhux żvelata? Jien għandu empatija lejn dawk fostna li jixtiequ tweġiba li qisha mhu se tasal qatt.

Lil Joseph Smith, il-Mulej qallu, “Iskot sakemm jien nara li kollox jiġi żvelat … dwar din il-ħaġa” (Doctrine and Covenants 10:37).

U lil Emma Smith, spjegalha, “Toqgħodx tgerger minħabba dak li għadek ma tistax tara, għax għalissa għadu mhux żvelat lilek u lid-dinja, u fl-għerf tiegħi jiġi żvelat skont l-orarju tiegħi” (Doctrine and Covenants 25:4).

Jien ukoll fittixt tweġiba għal mistoqsijiet sinċiera. Ċerti misoqsijiet ġew imwieġba; oħrajn le.31 Hekk kif nibqgħu sodi—nafdaw fl-għerf u fl-imħabba ta’ Alla, inħarsu l-kmandamenti tiegħu, u nafdaw f’dal li aħna nafu—Huwa jgħinna nsibu l-paċi sakemm Huwa jiżvela l-verità ta’ kollox.32

Nifhmu d-Duttrina u l-Polisi

Meta nkunu qed infittxu l-verità, jgħin li aħna nifhmu d-differenza bejn duttrina u polisi. Duttrina tirreferi għall-veritajiet eterni, bħan-natura tad-Divinità, il-pjan tas-salvazzjoni, u -sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu. Polisi hija l-applikazzjoni tad-duttrina ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi kurrenti. Polisi tgħinna namministraw il-Knisja f’mod ordnat.

Filwaqt li d-duttrina qatt ma tinbidel, il-polisi minn żmien għall-ieħor taġġusta ruħha. Il-Mulej jaħdem permezz tal-profeti tiegħu biex isostni d--duttrina tiegħu u biex jimmodifika l-polisis tal-Knisja skont il-ħtiġijiet ta’ wliedu.

Sfortunatament, aħna xi kultant inħawdu l-polisi mad-duttrina. Jekk aħna ma nifhmux id-differenza, nirriskjaw li nsuri disillużi meta jinbidlu l-polisis u nafu anke nibdew niddubitaw l-għerf ta’ Alla jew l-irwol rivelatorju tal-profeti.33

Ngħallmu Verità Eterna

Meta niksbu l-verità minn Alla, Hu jħeġġiġna biex naqsmu dak l-għarfien ma’ ħaddieħor.34 Aħna nagħmlu dan meta ngħallmu xi klassi, niggwidaw lil xi tifel, jew niddiskutu l-veritajiet tal-evanġelju ma’ xi ħbieb.

L-għan tagħna hu li ngħallmu l-verità b’mod li tistieden il-qawwa li tikkonverti tal-Ispirtu s-Santu.35 Ippermettuli naqsam magħkom ftit stediniet sempliċi mingħand il-Mulej u l-profeti tiegħu li jistgħu jgħinukom.36

  1. Iffokaw fuq Missierna fis-Smewwiet, Ġesù Kristu, u d-duttrina fundamentali tagħhom.37

  2. Araw li l-bażi tkun dejjem l-iskrittura u l-kliem tal-profeti tal-aħħar żmien.38

  3. Ibbażaw fuq duttrina stabbilita permezz ta’ diveri xhieda awtorevoli.39

  4. Evitaw l-ispekulazzjoni, l-opinjonijiet personali, jew l-ideat tad-dinja.40

  5. Il-punt tad-duttrina li tgħallmu għallmuh fil-kuntest tal-veritajiet tal-evanġelju relatati.41

  6. Użaw metodi ta’ tagħlim li jistiednu l-influwenza tal-Ispirtu.42

  7. Ikkomunikaw b’mod ċar biex tevitaw li tiġu mifhuma ħażin.43

Tkellmu l-Verità b’Imħabba

Kif ngħallmu l-verità jagħmel differenza. Pawlu jħeġġiġna nitkellmu “l-verità b’imħabba” (ara Efesin 4:14–15). Il-verità hija l-akbar ċans kif inbierku lil ħaddieħor meta naqsmuha magħhom b’imħabba Kristjana.44

Il-verità mgħallma mingħajr imħabba tista’ twassal għal sentimenti ta’ ġudizzju fuq ħaddieħor, skoraġġiment, u solitudni. Ħafna drabi twassal ukoll għal riżentiment u diviżjoni—anke għal kunflitt. Mill-banda l-oħra, l-imħabba mingħajr verità hija vojta u ma tantx hemm ċans li twassal għat-tkabbir.

Kemm il-verità kif ukoll l-imħabba huma essenzjali għall-iżvilupp spiritwali tagħna.45 Il-verità tipprovdi d-duttrina, il-prinċipji, u l-liġijiet neċessarji biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem, filwaqt li l-imħabba timmotivana biex inħaddnu dak li hu veru u naġixxu skont dik il-verità.

Jiena għal dejjem grat lejn dawk kollha li bil-paċenzja kollha għallmuni b’imħabba l-verità eterna.

Konklużjoni

Biex nikkonkludi, ippermettuli naqsam magħkom veritajiet eterni li saru ankra għal ruħna. Jiena sirt naf dawn il-veritajiet billi mxejt wara l-prinċipji li ddiskutejna llum.

Jiena naf li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet.46 Huwa għandu kull għarfien ,47 kull qawwa,48 u jaf iħobb b’mod perfett.49 Huwa ħoloq pjan għalina biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem u nsiru bħalu.50

Bħala parti minn dak il-pjan, Huwa bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex jgħinna.51 Ġesù għallimna biex nagħmlu r-rieda tal-Missier52 u nħobbu lil xulxin.53 Huwa patta għal dnubietna54 u ta ħajtu għalina fuq is-salib.55 Huwa qam mill-mewt wara tlett ijiem.56 Permezz ta’ Kristu u l-grazzja tiegħu, aħna se nqumu mill-mewt,57 nistgħu niksbu l-maħfra,58 u nistgħu nsibu l-qawwa fil-hemm.59

Tul il-ministeru tiegħu fid-dinja, Ġesù waqqaf il-Knisja tiegħu.60 Maż-żmien, dik il-Knisja nbidlet, u ħafna veritajiet spiċċaw intilfu.61 Ġesù Kristu rrestawra l-Knisja tiegħu u l-veritajiet tal-evanġelju permezz tal-Profeta Joseph Smith.62 U llum, Kristu jkompli jmexxi l-Knisja tiegħu permezz tal-profeti u l-appostli ħajjin.63

Jien naf li hekk kif nersqu lejn Kristu, aħna nistgħu eventwalment “niġu pperfezzjonati fih” (Moroni 10:32), niksbu “milja ta’ hena” (Doctrine and Covenants 93:33), u nirċievu “dak kollu li għandu l-Missier” (Doctrine and Covenants 84:38). Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kistu, ammen.

Noti

  1. Ara wkoll Salm 117:2; Doctrine and Covenants 1:39.

  2. “Bil-kuntrarju għad-dubji ta’ xi wħud, verament jeżisti t-tajjeb u l-ħażin. Verament teżisti l-verità assoluta—verità eterna. Waħda mill-pjagi ta’ żmienna hi li ftit huma n-nies li jafu fuq min għandhom iduru” (Russell M. Nelson, “Verità Safja, Duttrina Safja, u Rivelazzjoni Safja,” Liahona, Nov. 2021, 6).

  3. Ara Joseph Smith—Matthew 1:37.

  4. Ara Moroni 7:19.

  5. Ara 2 Nefi 1:9; Doctrine and Covenants 17:8.

  6. Ara Ġakobb 2:8.

  7. Ara Salm 119:105; 2 Nefi 32:3.

  8. Ara Ġwanni 8:32; Doctrine and Covenants 98:8.

  9. Ara Ġwanni 17:17.

  10. Ara 2 Nefi 31:20.

  11. Ara Doctrine and Covenants 88:11–13; 93:36.

  12. Ara Ġwanni 5:19–20; 7:16; 8:26; 18:37; Moses 1:6.

  13. Ara Alma 42:12–26; Doctrine and Covenants 88:41.

  14. Ara Moses 1:30–39.

  15. Ara 2 Nefi 26:24.

  16. Ara Doctrine and Covenants 82:8–9.

  17. Ara Ġwanni 16:13; Ġakobb 4:13; Moroni 10:5; Doctrine and Covenants 50:14; 75:10; 76:12; 91:4; 124:97.

  18. Ara Doctrine and Covenants 6:22–23; 8:2–3.

  19. Ara Ġeremija 1:5, 7; Amos 3:7; Mattew 28:16–20; Moroni 7:31; Doctrine and Covenants 1:38; 21:1–6; 43:1–7. Profeta huwa “persuna imsejħa minn Alla u li titkellem f’isem Alla. Bħala messaġġier ta’ Alla, profeta jirċievi kmandamenti, profeziji u r-rivelazzjonijiet mingħand Alla. Ir-responsabbiltà tiegħu hi li jiżvela r-rieda u l-karattru veru ta’ Alla lill-umanità u li jfisser ir-rabta ta’ bejn Alla u l-bniedem. Profeta jikkundanna d-dnub u jgħid x’ konsegwenzi dan jista’ jġib miegħu. Huwa predikatur tas-sewwa. Kultant, il-profeti jistgħu jiġu spirati li jbassru l-futur għall-benefiċċju tal-umanità. Ir-responsabbiltà primarja tiegħu, madankollu, hi li jagħti xhieda ta’ Kristu. Il-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien huwa l-profeta magħżul minn Alla illum. Il-membri tal-Ewwel Presidenza u t-Tnax-il Appostlu huma sostnuti bħala profeti, veġġenti, u rivelaturi” (Guide to the Scriptures, “Prophet,” Gospel Library). Eżempji ta’ dawn il-prinċipji nsibuhom fil-ħajja ta’ Adam (ara Moses 6:51–62), Ħenok (ara Moses 6:26–36), Noè (ara Moses 8:19, 23–24), Abraham (ara Ġenesi 12:1–3; Abraham 2:8–9), Moses (ara Eżodu 3:1–15; Moses 1:1–6, 25–26), Pietru (see Mattew 16:13–19), u Joseph Smith (ara Doctrine and Covenants 5:6–10; 20:2; 21:4–6).

  20. Ara 2 Timotju 3:16.

  21. Ara Ġwanni 8:44; 2 Nefi 2:18; Doctrine and Covenants 93:39; Moses 4:4.

  22. Ara 1 Nefi 10:19. Il-President Dallin H. Oaks għallimna: “Hekk kif aħna nkunu qed nfittxu l-verità, jeħtieġ li noqogħdu attenti meta niġu biex nagħżlu s-sorsi tagħna f’dik it-tfittxija. Aħna m’għandniex nikkunsidraw ċerta prominenza jew awtorità sekulari bħala s-sors ikkwalifikaw tal-verità. … Meta aħna nfittxu biex inkunu nafu l-verità dwar xi reliġjon, aħna għandna nużaw metodi spiritwali li jagħtu ġieħ lil dik it-tfittxija: it-talb, ix-xhieda tal-Ispirtu s-Santu, u l-istudju tal-iskrittura u kliem il-profeti moderni” (“Il-Verità u l-Pjan,” Liahona, Nov. 2018, 25).

  23. Il-Presbiteru D. Todd christofferson għallem: “L-appostli u l-profeti … jiddikjaraw il-kelma ta’ Alla, iżda barra minn hekk, aħna nemmnu li l-irġiel u n-nisa u anke t-tfal jistgħu jitgħallmu mill-ispirazzjoni divina u jiġu ggwidati minnha b’rispons għat-talb u l-istudju tal-iskrittura. … Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu jingħataw id-don tal-Ispirtu s-Santu, li jiffaċilita l-komunikazzjoni ma taqta’ xejn ma’ Missierna fis-Smewwiet. … Dan mhux qed ngħidu li kull membru jitkellem għall-Knisja jew jista’ jfisser id-duttrina tagħha iżda li kull membru jista’ jirċievi l-gwida meta jiffaċċja l-isfidi u l-opportunitajiet f’ħajtu” (“The Doctrine of Christ,” Liahona, Mejju 2012, 89–90, note 2).

  24. Ara 2 Nefi 33:1–2.

  25. Ara Doctrine and Covenants 1:28.

  26. Ara Moroni 10:3–5; Doctrine and Covenants 9:7–9; 84:85.

  27. Ara Doctrine and Covenants 5:35; 63:23; 93:27–28. Minkejja l-isforzi ferventi tagħna, xi wħud minna xorta nafu nsibuha diffiċli nħossu l-Isfidi minħabba ċerti sfidi ta’ saħħa mentali. Id-dipressjoni, l-anzjetà, u kundizzjonijiet newrologiċi oħra jafu jagħmulha aktar diffiċli biex aħna nagħrfu l-Ispirtu s-Santu. F’każijiet bħal dawn, il-Mulej jistedinna biex inkomplu ngħixu l-evanġelju, u Huwa jberikna (ara Mosija 2:41). Aħna nistgħu nfittxu attivitajiet oħra—bħalli nisimgħu mużika sagra, ninvolvu ruħna fis-servizz, jew inqattgħu ħin fin-natura—li jgħinuna nħossu l-frott tal-Ispirtu (ara Galatin 5:22–23) u nsaħħu r-rabta tagħna ma’ Alla.

    Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland qal: “Għalhekk kif inhu l-aħjar mod li bih taġixxu jekk intom jew il-maħbubin tagħkom tħabbtu wiċċkom ma’ ċerti sfidi mentali jew emozzjonali? L-ewwel nett, qatt titilfu l-fidi f’Missierkom fis-Smewwiet, li jħobbkom aktar milli tistgħu timmaġinaw. Bil-fidi, wettqu dawk il-ħwejjeġ li ġew ippruvati maż-żmien, li jimlew ħajjitkom bl-Ispirtu tal-Mulej. Fittxu l-parir ta’ dawk li jħaddnu l-imfietaħ għall-benesseri spiritwali taøgħkom. Itolbu barkiet saċerdotali u għożżuhom. Ħudu s-sagrament kull ġimgħa, u żommu sodi mal-wegħdiet tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, wegħdiet li jwasslu biex jipperfezzjonawna. Emmnu fil-mirakli. Rajt bosta jseħħu quddiem għajnejja, u dan meta kull indikazzjoni kienet tgħid li ma kienx hemm aktar tama. It-tama qatt mhi mitlufa” (“Bħal Ġarra Mkissra,” Liahona, Nov. 2013, 40–41).

  28. Ara Ġwanni 7:17; Alma 32:26–34. Ultimament, Alla jixtieq li aħna niksbu l-verità “linja wara linja, preċett wara preċett,” sakemm naslu biex nifhmu kull ħaġa (ara Proverbji 28:5; 2 Nefi 28:30; Doctrine and Covenants 88:67; 93:28).

  29. Ara 1 Ġwanni 1:9–10; 2:1–2.

  30. Il-President Russell M. Nelson spjega: “Xejn ma jilliberana aktar, ma jirraffinana aktar, jew li hu aktar kruċjali għall-progressjoni individwali tagħna milli, b’mod regolari u ta’ kuljum, niffokaw fuq l-indiema. L-indiema mhijiex xi avveniment; hija proċess. Hija l-element ewlieni għall-ferħ u s-serħan il-moħħ. Meta tħaddimha flimkien mal-fidi, l-indiema tiftaħ l-aċċess tagħna għall-qawwa tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu” (“Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67).

  31. Ma nafx ir-raġunijiet kollha għalfejn Alla ma jiżvelalniex ċerti veritajiet eterni, iżda l-Presbiteru Orson F. Whitney jipprevdielna ċertu għarfien interessanti: “Hija barka li temmen mingħajr ma tara, peress li bit-tħaddim tal-fidi li niżviluppaw spiritwalment, waħda mill-akbar raġunijiet tal-eżistenza mortali tal-bniedem; filwaqt li l-għarfien, li jassorbi l-fidi, jipprevjeni t-tħaddim tagħha, u b’hekk iżomm lura l-iżvilupp tagħha. ‘L-għarfien huwa qawwa;’ u kollox se jkun magħruf fiil-ħin opportun. Iżda l-għarfien primatur—li tkun taf xi ħaġa fiż-żmien żbaljat—jaf ikun fatali għall-progress u għall-hena” (“The Divinity of Jesus Christ,” Improvement Era, Jan. 1926, 222; ara wkoll Liahona, Diċ. 2003, 14–15).

  32. Ara Doctrine and Covenants 76:5–10. Il-Mulej ta parir ukoll lil Hyrum Smith: “Tfittixx li tiddikjara l-kelma tiegħi, iżda l-ewwel fittex li tikseb il-kelma tiegħi. … Iskot u studja kelmti” (Doctrine and Covenants 11:21–22). Il-profeta Alma jipprovdi eżempju kif nistgħu nimmaniġġjaw mistoqsijiet mhux imwieġba: “Dawn il-misteri għadhom ma ġewx żvelati għalkollox lili; għalhekk m’iniex se nitkellem aktar dwarhom” (Alma 37:11). Huwa spjega wkoll lil ibnu Kurjantun li “hemm bosta misteri li għadhom mistura, li ħadd ma jafhom ħlief Alla nnifsu” (Alma 40:3). Jien sibt ukoll il-qawwa mit-tweġiba li ta Nefi meta ġie ppreżentat b’mistoqsija li ma kienx jaf kif iwieġeb: “Jiena naf li Alla jħobb lil uliedu; madankollu, ma nafx it-tifsira ta’ kull ħaġa” (1 Nefi 11:17).

  33. Bl-istess mod, it-tradizzjonijiet kulturali mhumiex duttrina jew polisi. Huma jistgħu jkunu bżonnjużi jekk jgħinuna nimxu wara d-duttrina u l-polisi, iżda jistgħu wkoll jimpedixxu t-tkabbir spiritwali tagħna jew ma jkunux ibbażati fuq prinċipji vera. Aħna għandna nevitaw drawwiet li ma jibnux il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu jew li ma jgħinuniex nimxu ’l quddiem lejn il-ħajja ta’ dejjem.

  34. Ara Doctrine and Covenants 15:5; 88:77–78.

  35. Ara Doctrine and Covenants 50:21–23.

  36. Adattat mid-dokument “Principles for Ensuring Doctrinal Purity,” approvat mill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu fi Frar 2023.

  37. Ara 1 Nefi 15:14. Il-Mulej mexxa lill-qaddejja tiegħu biex jevitaw li jiffokaw fuq ċerti prinċipji, jew kunċetti li mhumiex importanti għall-evanġelju tiegħu: “U m’għandkomx titkellmu dwar prinċipji iżda għandkom ixxandru l-indiema u l-fidi fis-Salvatur, u l-maħfra tad-dnubiet permezz tal-magħmudija, u permezz tan-nar, sewwasew, permezz tal-Ispirtu s-Santu” (Doctrine and Covenants 19:31).

    Il-Presbiteru Neil L. Andersen spjega: “Fis-servizzi ta’ qima tagħna, ejjew niffokaw fuq is-Salvatur Ġesù Kristu u d-don tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu. Dan ma jfissirx li ma nistgħux naqsmu xi esperjenza minn ħajjitna jew xi ħsibijiet mingħand ħaddieħor. Filwaqt li s-suġġett tagħna jaf ikun dwar il-familji jew is-servizz jew it-tempji jew xi missjoni riċenti, kull ħaġa … għandha tkun iffokata fuq il-Mulej Ġesù Kristu“ (“We Talk of Christ,” Liahona, Nov. 2020, 89–90).

  38. Ara Doctrine and Covenants 28:2–3, 8. Il-profeta Alma widdeb lil dawk li huma maħtura biex ixandru l-evanġelju li “m’għandhom jgħallmu xejn ħlief il-ħwejjeġ li huwa għallem, u li ġew imlissna minn fomm il-profeti qaddisa” (Mosija 18:19).

    Il-President Henry B. Eyring iddikjara, “Jeħtieġ li ngħallmu d-duttrina fundamentali tal-Knisja kif tinsab fil-kitbiet kanoniċi u fit-tagħlim tal-profeti, li tagħhom hija r-responsabbiltà li jiddikjaraw id-duttrina” (“The Lord Will Multiply the Harvest” [lejla ma’ Awtorità Ġenerali, 6 ta’ Frar., 1998], f’ Teaching Seminary: Preservice Readings [2004], 96).

    Il-Presbiteru D. Todd Christofferson xehed li “fil-Knisja llum, bħal żmien il-qedem, li tiġi stabbilita d-duttrina ta’ Kristu jew li li tikkoreġi xi devjazzjonijiet duttrinali huma kwistjoni ta’ rivelazzjoni divina mogħtija lil dawk li l-Mulej tahom l-awtorità appostolika” (“The Doctrine of Christ,” 86).

  39. Ara 2 Korintin 13:1; 2 Nefi 11:3; Għeter 5:4; Doctrine and Covenants 6:28. Il-Presbiteru Neil L. Andersen osserva: “Xi ftit jiddubitaw il-fidi tagħhom meta jsibu xi dikjarazzjoni li jkun għamel xi mexxej tal-Knisja għexieren ta’ snin ilu li tidher li tkun ingruwenti mad-duttrina tagħna. Hekk prinċipju importanti li jiggverna d-duttrina tal-Knisja. Id-duttrina hija mgħallma minn kull wieħed mill-15-il membru tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax. Mhijiex moħbija f’xi paragrafu oskur f’xi diskors partikolari. Il-prinċipji vera huma mgħallmin ta’ spiss u minn ħafna. Id-duttrina tagħna mhux diffiċli biex issibha” (“Trial of Your Faith,” Liahona, Nov. 2012, 41).

    Bl-istess mod il-Presbiteru Christofferson għallem: “Tajjeb niftakru li mhux kull dikjarazzjoni li saret minn xi mexxej tal-Knisja, fil-passat u fil-preżent, neċessarjament tfisser li hi duttrina. Fil-Knisja nifhmu bi qbil komuni li dikjarazzjoni li tkun saret minn xi mexxej f’okkażjoni partikolari ħafna drabi tirrappreżenta opinjoni personali, minkejja li tkun ġiet ikkunsidrata, u ma jkun hemm l-ebda ħsieb li tkun dikjarazzjoni uffiċjali jew li tgħodd għall-Knisja kollha” (“The Doctrine of Christ,” 88).

  40. Ara 3 Nefi 11:32, 40. Il-President Gordon B. Hinckley qal: Jien tkellimt qabel dwar l-importanza li nżommu d-duttrina tal-Knisja pura. … Din ħaġa li tinkwetani. Ċerti aberrazzjonijiet żgħar fit-tagħlim duttrinali jista’ jwassal għal qlajjiet kbar u kollha ħażen” (Teachings of Gordon B. Hinckley [1997], 620).

    Il-President Dallin H. Oaks widdeb li hawn xi wħud “li jagħżlu xi ftit sentenzzi mit-tagħlim ta’ xi profeta u jużawhom biex jissapportjaw l-aġenda politika jew għanijiet personali oħra tagħhom. … Li taqbad il-kliem ta’ xi profeta biex jissapportja xi aġenda privata, politika jew finanzjarja jew xi ħaġa oħra, hi li tipprova timmanipula lill-profeta, mhux timxi warajh” (“Our Strengths Can Become Our Downfall” [serata ta’ tagħlim fl-Università ta’ Brigham Young, 7 ta’ Ġunju, 1992], 7, speeches.byu.edu).

    Il-President Henry B. Eyring wissa: “Id-duttrina tikseb il-qawwa tagħha hekk kif l-Ispirtu s-Santu jikkonferma li hija vera. … Peress li neħtieġu l-Ispirtu s-Santu, jeħtieġ li noqogħdu attenti li ma mmorrux lil hinn milli ngħallmu duttrina vera. L-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu tal-Verità. Aħna nistiednu l-konferma tiegħu meta nevitaw l-ispekulazzjoni jew l-interpretazzjoni personali. Din taf tkun ħaġa diffiċli. … Taf tiġina t-tentazzjoni li nippruvaw xi ħaġa ġdida jew sensazzjonali. Iżda aħna nistiednu l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb tagħna meta noqogħdu attenti li ngħallmu biss duttrina vera. Wieħed mill-aktar modi ċerti biex nevitaw li nersqu saħansitra viċin duttrina falza hu li nagħżlu li nkunu sempliċi fit-tagħlim tagħna. Permezz ta’ dik is-sempliċità niksbu s-sigurtà, u ftit li xejn nitilfu” (“The Power of Teaching Doctrine,” Liahona, Lulju 1999, 86).

    Il-Presbiteru Dale G. Renlund għallem: “Li nfittxu għarfien akbar hija parti importanti tal-iżvilupp spiritwali tagħna, iżda jekk jogħġobkom oqogħdu attenti. Ir-raġuni ma tistax tieħu post ir-rivelazzjoni. L-ispekulazzjoni ma twassalx għal għarfien spiritwali akbar, iżda tista’ twassalna għall-qerq jew li tiddevja l-attenzjoni tagħna minn dak li ġie żvelat” (“In-Natura Divina u d-Destin Etern Tagħkom,” Liahona, Mejju 2022, 70).

  41. Ara Mattew 23:23. Il-President Joseph F. Smith widdeb: “Mhu għaqli xejn li naqbdu biċċa verità u nittrattawha bħallikieku hija xi ħaġa kompluta. … Il-prinċipji żvelati kollha tal-evanġelju ta’ Kristu huma neċessarji u essenzjali fil-pjan tas-salvazzjoni.” Huwa kompla jispjega: “La hija polisi tajba u lanqas duttrina ġusta li naqbdu waħda minn dawn, inħarsu lejha mingħajr ma nħarsu lejn il-pjan sħiħ tal-verità tal-evanġelju, nagħmlu minna passatemp speċjali, u niddependi fuqha għas-salvazzjoni u l-progress tagħna. … Kollha huma neċessarji” (Gospel Doctrine, 5 ed. [1939], 122).

    Il-Presbiteru Neal A. Maxwell spjega: “Il-prinċipji tal-evanġelju … jeħtieġu s-sinkronizazzjoni. Meta tisseparahom minn xulxin jew tiżolahom, l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-bniedem ta’ dik id-duttrina jafu ma jkunu xierqa xejn. L-imħabba, jekk ma tkunx regolata mis-seba’ kmandament, tista’ ssir karnali. L-enfażi ta’ min ifaħħarha fuq il-ħames kmandament li nonoraw il-ġenituri, sakemm ma npoġġuhiex mal-ewwel kmandament, taf tirriżulta f’lealtà bla kondizzjoni lejn ġenituri erranti minflok lejn Alla. … Anke s-sabar irid ikun bilanċjat ma’ ‘ċanfar kmieni bir-reqqa, meta tħoss li għandek tagħmel dan permezz tal-Ispirtu s-Santu’ [Doctrine and Covenants 121:43]” (“Behold, the Enemy Is Combined,” Ensign, Mejju 1993, 78–79).

    Il-President Marion G. Romney għallem, “Li nfittxu fl-iskrittura bil-għan li niskopru x’tgħallem skont kif ordna Ġesù hija ferm differenti milli nfittxu fiha bil-għan li nsibu xi passaġġi li nużawhom ħalli jissapportjaw is-servizz predeterminat tagħna” (“Records of Great Worth,” Ensign, Sett. 1980, 3).

  42. Ara 1 Korintin 2:4; Moroni 6:9. Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland enfasizza l-ħtieġa li nikkomunikaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu b’tali mod li jwassal għal edifikazzjoni spiritwali permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: “Il-Mulej qatt ma ta lill-Knisja parir aktar enfatiku milli li aħna għandna ngħallmu l-evanġelju ‘skont l-Ispirtu, sewwasew skont il-Farrâġ li ntbagħat biex jgħallem il-verità.’ Aħna ngħallmu l-evanġelju ‘permezz tal-Ispirtu tal-verità?’ Huwa qed jistaqsina. Jew qed ngħallmuh b’‘mod ieħor? U jekk qed ngħallmuh b’mod ieħor,’ Huwa jwiddeb, ‘mhux ġej minn Alla’ [Doctrine and Covenants 50:14, 17–18]. … L-ebda tagħlim etern ma jista’ jsir mingħajr dak it-tnebbiħ tal-Ispirtu mis-smewwiet. … Dan hu li l-membri tagħna jridu verament. … Huma jridu li l-fidi tagħhom tkun iffortifikata u t-tama tagħhom mġedda. Fi kliem ieħor huma jridu li jiġu mantnuti permezz tal-kelma t-tajba ta’ Alla, biex jissaħħu permezz tal-qawwiet tas-smewwiet” (“A Teacher Come from God,” Ensign, Mejju 1998, 26).

  43. Ara Alma 13:23. Meta kien qed jitkellem dwar Missierna fis-Smewwiet, il-President Russell M. Nelson xehed, “Hu jikkomunika b’mod sempliċi, sieket, u b’ċarezza mill-aktar notevoli li żgur ma nistgħux nifhmuh ħażin” (“Isimgħuh,” Liahona, Mejju 2020, 89).

  44. Ara Salm 26:3; Rumani 13:10; 1 Korintin 13:1–8; 1 Ġwanni 3:18.

  45. Ara Salm 40:11.

  46. Ara Rumani 8:16.

  47. Ara 1 Samwel 2:3; Mattew 6:8; 2 Nefi 2:24; 9:20.

  48. Ara Ġenesi 17:1; Ġeremija 32:17; 1 Nefi 7:12; Alma 26:35.

  49. Ara Ġeremija 31:3; 1 Ġwanni 4:7–10; Alma 26:37.

  50. Ara 2 Nefi 9; Doctrine and Covenants 20:17–31; Moses 6:52–62.

  51. Ara Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:9–10.

  52. Ara Ġwanni 8:29; 3 Nefi 27:13.

  53. Ara Ġwanni 15:12; 1 Ġwanni 3:11.

  54. Ara Luqa 22:39–46.

  55. Ara Ġwanni 19:16–30.

  56. Ara Ġwanni 20:1–18.

  57. Ara 1 Korintin 15:20–22; Mosija 15:20–24; 16:7–9; Doctrine and Covenants 76:16–17.

  58. Ara Atti 11:17–18; 1 Timotju 1:14–16; Alma 34:8–10; Moroni 6:2–3, 8; Doctrine and Covenants 19:13–19.

  59. Ara Mattew 11:28–30; 2 Korintin 12:7–10; Filippin 4:13; Alma 26:11–13.

  60. Ara Mattew 16:18–19; Efesin 2:20.

  61. Ara Mattew 24:24; Atti 20:28–30.

  62. Ara Doctrine and Covenants 20:1–4; 21:1–7; 27:12; 110; 135:3; Joseph Smith—History 1:1–20.

  63. Ara Doctrine and Covenants 1:14, 38; 43:1–7; 107:91–92.