Konferenza Ġenerali
Aħna Nitkellmu dwar Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Aħna Nitkellmu dwar Kristu

Hekk kif id-dinja titkellem anqas dwar Ġesù Kristu, ejjew aħna nitkellmu aktar dwaru.

Nibda billi nesprimi mħabbti lejkom, għeżież ħbieb u qaddisin kollegi tiegħi. Tul dawn l-aħħar xhur jien ammirajt il-fidi u l-kuraġġ tagħkom, hekk kif din il-pandemija dinjija ħarbtet ħajjitna u serqet il-ħajja ta’ numru ta’ membri tal-familja prezzjużi u ħbieb għeżież.

Waqt dan il-perjodu ta’ inċertezza, ħassejt fija gratitudni mhux tas-soltu għall-għarfien ċert tiegħi li Ġesù hu l-Kristu. Intom ħassejtukom l-istess? Hemm ċerti diffikultajiet li jtaqqlu lilna lkoll, iżda dejjem quddiemna jinsab Hu li b’umiltà ddikjara, “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja.”1 Filwaqt li qed ikollna ngħaddu minn żmien fejn ikollna nżommu ċerta distanza fiżika minn ħaddieħor, m’għandna qatt ngħaddu minn żmien li fih inżommu spiritwalment id-distanza minn Dak li b’imħabba qed isejħilna, “Ejjew għandi.”2

Bħal kewkba li tiggwidana f’sema ċar u mudlam, Ġesù Kristu jdawwal triqtna. Hu ġie fid-dinja fi stalla umli. Huwa għex ħajja perfetta. Hu fejjaq lill-morda u qajjem lill-mejtin. Hu kien ħabib ta’ min kien minsi. Hu għallimna biex nagħmlu t-tajjeb, nobdu u nħobbu lil xulxin. Hu ġie msallab fuq salib, imma tlett ijiem wara qam mill-mewt b’mod majestuż, fejn ta ċ-ċans lilna u lil dawk li nħobbu biex ngħixu lil hinn mill-qabar. Bil-ħniena u l-grazzja inkomparabbli tiegħu, Hu ħa fuqu dnubietna u t-tbatijiet tagħna, ġabilna l-maħfra, hekk kif aħna nindmu, kif ukoll il-paċi fil-maltemp tal-ħajja. Aħna nħobbuh. Aħna nqimuh. Aħna nimxu warajh. Huwa l-ankra ta’ ruħna.

Interessanti l-fatt li waqt li din il-konvinzjoni spiritwali qed tikber ġewwa fina, hawn ħafna fid-dinja li ftit jafu dwar Ġesù Kristu, u f’xi partijiet tad-dinja fejn ismu ilu jiġi mxandar għal sekli sħaħ, il-fidi f’Ġesù Kristu qed tonqos. Il-Qaddisin qalbiena fl-Ewropa raw it-twemmin jonqos f’pajjiżhom tul dawn l-aħħar diċenji.3 Sfortunatament, hawn fl-Istati Uniti, il-fidi wkoll qed tonqos. Studju riċenti żvela li fl-aħħar 10 snin, 30 miljun ruħ fl-Istati Uniti ma baqgħux jemmnu aktar fid-divinità ta’ Ġesù Kristu.4 Jekk inħarsu lejn id-dinja, studju ieħor ibassar li fid-diċenji li ġejjin in-numru ta’ nies li jħallu l-Kristjanità se jkun aktar mid-doppju li se jħaddnuha.5

Aħna, bla dubju, nirrispettaw id-dritt ta’ kulħadd li jagħżel, madankollu Missierna fis-Smewwiet iddikjara, “Dan hu Ibni l-Għażiż: isimgħuh.”6 Jien nixhed li għad jasal il-jum meta kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr li Ġesù hu l-Kristu.7

Aħna kif għandna nwieġbu għad-dinja dejjem tinbidel li ngħixu fiha? Filwaqt li xi wħud qed iwarrbu l-fidi tagħhom, oħrajn qed ifittxu l-verità. Aħna ħadna fuqna l-isem tas-Salvatur. X’suppost nagħmlu aktar?

Il-Preparazzjoni tal-President Russell M. Nelson

Parti mit-tweġiba tagħna nistgħu niksbuha hekk kif niftakru kif il-Mulej ħejja lill-President Russell M. Nelson fix-xhur qabel ma ssejjaħ bħala l-President tal-Knisja. Waqt li kien qed jitkellem sena qabel is-sejħa tiegħu, il-President Nelson stedinna biex nistudjaw b’aktar profondità l-2,200 referenza għall-isem ta’ Ġesù Kristu li hemm fil-Gwida tas-Suġġetti.8

Il-President Nelson jistudja l-iskrittura

Tliet xhur wara fil-konferenza ġenerali ta’ April, hu tkellem kif, anke wara għexieren ta’ snin bħala dixxiplu devot, dan l-istudju aktar profond dwar Ġesù Kristu affettwah bil-kbir. Sister Wendy Nelson staqsietu dwar dan l-impatt. Hu wieġeb, “Inħossni bniedem differenti!” Kien sar bniedem differenti? Ta’ 92 sena, bniedem differenti? Il-President Nelson spjega:

“Hekk kif ninvestu ħina biex nitgħallmu dwar is-Salvatur u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tiegħu, aħna nħossuna inklinati lejh. …

“… Aħna nibdew niffokaw aktar fuq is-Salvatur u l-evanġelju tiegħu.”9

Is-Salvatur qal, “Ħarsu lejja f’kull ħsieb.”10

F’dinja ta’ xogħol, ħsibijiet, u attivitajiet xierqa, aħna nżommu qalbna, moħħna, u ħsibijietna fuq Dak li hu t-tama u s-salvazzjoni tagħna.

Jekk studju mill-ġdid u aktar profond dwar is-Salvatur għen iħejji lill-President Nelson, mhux se jgħin iħejji lilna wkoll?

Il-President Russell M. Nelson

Meta kien qed jenfasizza l-isem tal-Knisja, il-President Nelson għallem, “Jekk aħna … irridu li jkollna aċċess għall-qawwa tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu—liema qawwa tkun tista’ tnaddafna u tfejjaqna, issaħħaħna u tkabbarna, u ultimament teżaltana—aħna lilu għandna nagħrfuh b’mod ċar bħala s-sors ta’ dik il-qawwa.”11 Il-President Nelson għallem li jekk konsistentement nużaw l-isem korrett tal-Knisja, xi ħaġa li taf tidher bħala xi ħaġa żgħira, din fil-fatt mhi ħaġa żgħira xejn, u tista’ tfassal il-futur tad-dinja.

Wegħda għall-Preparazzjoni Tagħkom

Inwegħidkom li hekk kif tħejju lilkom infuskom, kif għamel il-President Nelson, intom ukoll issiru differenti, taħsbu aktar dwar is-Salvatur, u titkellmu dwaru aktar ta’ spiss u b’anqas eżitazzjoni. Hekk kif issiru tafuh u tħobbuh b’aktar profondità, intom tibdew titkellmu b’aktar fluwidità, kif tagħmlu meta titkellmu dwarma’ xi ħadd minn uliedkom jew dwar xi ħabib għażiż. Dawk li jisimgħukom iħossuhom anqas li għandhom joqogħdu jiddibattu magħkom jew jinjorawkom u jħossuhom aktar li għandhom jitgħallmu minnkom.

Jien u intom nitkellmu dwar Ġesù Kristu, iżda forsi nistgħu nagħmlu xi ftit aħjar. Jekk id-dinja se titkellem anqas dwaru, min se jitkellem aktar dwaru? Aħna! Flimkien ma’ Kristjani oħra devoti!

Nitkellmu dwar Kristu fi Djarna

Fi djarna hemm ritratti tas-Salvatur? Nitkellmu ta’ spiss ma’ wliedna dwar il-parabboli ta’ Ġesù? “L-istejjer ta’ Ġesù jixbhu r-riħ jonfoħ fuq l-irmied ta’ fidi fi qlub uliedna.”12 Meta wliedkom jistaqsukom xi mistoqsijiet, kuxjenzjożament aħsbu dwar xi tagħlim li għallem is-Salvatur. Per eżempju, jekk xi ħadd minn uliedkom jistaqsikom, “Pà, għalfejn nitolbu?” Intom tistgħu twieġbu, “Din mistoqsija vera tajba. Tiftakar meta Ġesù talab? Ejja nitkellmu għalfejn Hu talab u kif talab.”

“Aħna nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fi Kristu, … sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għal maħfra ta’ dnubiethom.”13

Nitkellmu dwar Kristu fil-Knisja

Din l-istess skrittura żżid ukoll li “aħna nxandru lil Kristu.”14 Fis-servizzi ta’ qima tagħna, ejjew niffokaw fuq is-Salvatur Ġesù Kristu u d-don tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu. Dan ma jfissirx li ma nistgħux naqsmu xi esperjenza minn ħajjitna jew xi ħsibijiet mingħand ħaddieħor. Filwaqt li s-suġġett tagħna jaf ikun dwar il-familji jew is-servizz jew it-tempji jew xi missjoni riċenti, kull ħaġa fil-qima tagħna għandha tkun iffokata fuq il-Mulej Ġesù Kristu.

Tletin sena ilu, il-President Dallin H. Oaks tkellem dwar ittra li hu rċieva “mingħand raġel li qal li kien attenda laqgħa tas-sagrament u sema’ sbatax-il testimonjanza mingħajr ma sema’ darba isem is-Salvatur.”15 Imbagħad il-President Oaks innota, “Jista’ jkun li dik id-deskrizzjoni hi xi ftit esaġerata iżda qed nikkwotaha għax tfakkarna lkoll f’xi ħaġa importanti.”16 Hu mbagħad stedinna biex nitkellmu aktar dwar Ġesù Kristu fid-diskors u d-diskussjonijiet tagħna fil-klassi. Jien osservajt li aħna qed niffokaw ferm aktar fuq Kristu fil-laqgħat tagħna tal-Knisja. Ejjew kuxjenzjożament inkomplu b’dawn l-isforzi mill-aktar pożittivi.

Nitkellmu dwar Kristu ma’ Ħaddieħor

Ejjew inkunu aktar ċari u aktar lesti li nitkellmu dwar Kristu ma’ dawk ta’ madwarna. Il-President Nelson qal, “Il-vera dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma lesti li jkunu differenti min-nies l-oħra tad-dinja u ma jiddejqux jgħidu fiex jemmnu.”17

Xi kultant naħsbu li kull konverżazzjoni li jkollna ma’ xi ħadd hemm bżonn twassal biex huma jiġu l-knisja jew jiltaqgħu mal-missjunarji. Ejja nħallu l-Mulej jiggwidahom hekk kif huma jkunu lesti, filwaqt li naħsbu aktar dwar ir-responsabbiltà tagħna li nkunu vuċi għalih, ippreparati biex nitkellmu b’mod miftuħ dwar il-fidi tagħna. Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf għallimna li meta xi ħadd jistaqsina dwar kif kienet tmiem il-ġimgħa, għandna nkunu lesti li nwieġbu bi tbissima li aħna vera ħadna gost nisimgħu lit-tfal tal-Primarja jkantaw, “Qed nipprova nkun bħal Ġesù.”18 Ejjew bil-ħlewwa nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fi Kristu. Jekk xi wħud jaqsmu magħna xi problema li għandhom fil-ħajja tagħhom, nistgħu ngħidu, “John, Mary, taf li jien nemmen f’Ġesù Kristu. Kont qed naħseb dwar xi ħaġa li Hu qal li taf tgħinek.”

Kunu aktar diretti fuq il-midja soċjali meta titkellmu dwar il-fiduċja tagħkom fi Kristu. Ħafna jirrispettaw il-fidi tagħkom, iżda jekk xi ħadd ma jkunx qed jagħti kaskom meta titkellmu dwar is-Salvatur, agħmlu kuraġġ fil-wegħda tiegħu: “Henjin intom, meta jgħajjrukom … minħabba fija. … Għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.”19 Għandu jimpurtana aktar li nkunu d-dixxipli tiegħu milli “ningħoġbu” mid-dixxipli tagħna. Pietru għallem, “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom.”20 Ejjew nitkellmu dwar Kristu.

Il-Ktieb ta’ Mormon huwa xhud qawwi ta’ Ġesù Kristu. Prattikament kull paġna tixhed dwar is-Salvatur u l-missjoni divina tiegħu.21 Għarfien tal-Espjazzjoni u l-grazzja tiegħu jinsab fil-paġni kollha tiegħu. Bħala ktieb li jakkumpanja lit-Testment il-Ġdid, il-Ktieb ta’ Mormon jgħinna nifhmu aħjar għalfejn is-Salvatur ġie biex jeħlisna u kif aħna nistgħu b’mod aktar profond nersqu lejh.

Xi wħud minn sħabna l-Kristjani, xi kultant, mhumiex daqstant ċerti dwar it-twemmin u l-mottivi tagħna. Ejjew ġenwinament nifirħu magħhom fil-fidi komuni tagħna f’Ġesù Kristu u fl-iskrittura tat-Testment il-Ġdid li lkoll inħobbu. Fiż-żmien li ġej, dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu se jkollhom bżonn il-ħbiberija u s-sapport ta’ xulxin.22

Id-Dawl tad-Dinja

Hekk kif id-dinja titkellem anqas dwar Ġesù Kristu, ejjew nitkellmu aktar dwaru. Hekk kif bħala dixxipli tiegħu nuru min verament aħna, dawk ta’ madwarna jkunu lesti biex jisimgħuna. Hekk kif naqsmu magħhom id-dawl li rċevejna mingħandu, id-dawl u l-qawwa traxxendenti li ssalvana tiegħu jibdew jiddu fuq dawk li huma lesti biex jiftħu qalbhom. Ġesù qal, “Jien … niġi bħal dawl fid-dinja.”23

Insaħħu x-Xewqa Tagħna li Nitkellmu dwar Kristu

Xejn ma jqawwili x-xewqa tiegħi li nitkellem dwar Kristu minn meta nimmaġina r-ritorn tiegħu. Minkejja li ma nafux meta Hu se jiġi, il-ġrajjiet tar-ritorn tiegħu se jkunu tal-għaġeb! Hu se jiġi fis-sħab tas-smewwiet f’majestà u glorja flimkien mal-anġli mqaddsa tiegħu. Mhux xi ftit mill-anġli, iżda l-anġli mqaddsa kollha tiegħu. Dawn mhumiex il-kerubin b’ħaddejh ruxxana li pitter Raffaello li nsibu fuq il-kartolini ta’ jum San Valentino. Dawn huma l-anġli tas-sekli, l-anġli mibgħuta biex jagħlqu ħalq l-iljuni,24 biex jiftħu l-bibien tal-ħabs,25 biex iħabbru t-twelid imbassar tiegħu,26 biex ifarrġuh fil-Ġetsemani,27 biex jaċċertaw lid-dixxipli tiegħu fit-Tlugħ tiegħu fis-Sema,28 u biex jiftħu r-Restawrazzjoni glorjuża tal-evanġelju.29

It-Tieni Miġja

Tistgħu timmaġinawkom tinħatfu biex tiltaqgħu miegħu kemm jekk minn fuq din in-naħa jew inkella minn fuq in-naħa l-oħra tal-velu?30 Dik hi l-wegħda tiegħu lit-twajbin. Din l-esperjenza meraviljuża se tħalli influwenza mill-aktar qawwija fuqna.

Kemm aħna grati għall-maħbub profeta tagħna, l-President Russell M. Nelson, li ħeġġeġ fina x-xewqa tagħna li nħobbu lis-Salvatur u nxandru d-divinità tiegħu. Jiena xhud tal-influwenza tal-Mulej fuqu u tad-don tar-rivelazzjoni li jiggwidah. President Nelson, aħna qed nistennew bil-ħerqa x’għandek xi tgħidilna.

Għeżież ħbieb tiegħi madwar id-dinja, ejjew nitkellmu dwar Kristu, nantiċipaw il-wegħda glorjuża tiegħu: “Kull min … jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu … quddiem Missieri.”31 Jiena nixhed li Hu Iben Alla. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġwanni 14:6

  2. Mattew 11:28.

  3. Ara Niztan Peri-Rotem, “Religion and Fertility in Western Europe: Trends across Cohorts in Britain, France and the Netherlands,” European Journal of Population, Mejju 2016, 231–65, ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC4875064.

  4. “Ħamsa u sittin fil-mija tal-adulti Amerikani ddeskrivew lilhom infushom bħala Kristjani meta ġew mistoqsijin dwar ir-reliġjon tagħhom, 12-il punt perċentwali anqas minn għaxar snin ilu. Sadattant, dawk fost il-popolazzjoni li mhumiex affiljati mal-ebda reliġjon, li jikkonsistu minn nies li jiddeskrivu l-identità reliġjuża tagħhom bħala atei, agnostiċi jew ‘xejn partikolari,’ issa telgħu għal 26%, minn 17% fl-2009” (Pew Research Center, “In U.S., Decline of Christianity Continues at Rapid Pace,” 17 ta’ Ott., 2019, pewforum.org).

  5. Ara Pew Research Center, “The Future of World Religions: Population Growth Projections, 2010–2050,” 2 ta’ Apr., 2015, pewforum.org.

  6. Mark 9:7; Luqa 9:35; ara wkoll Mattew 3:17; Joseph Smith—History 1:17.

  7. Ara Filippin 2:9–11.

  8. Ara Russell M. Nelson, “Prophets, Leadership, and Divine Law” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 8 ta’ Jan., 2017), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  9. Russell M. Nelson, “Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2017, 40–41.

  10. Doctrine and Covenants 6:36.

  11. Russell M. Nelson, “L-Isem Korrett tal-Knisja,” Liahona, Nov. 2018, 88.

  12. Neil L. Andersen, “Tell Me the Stories of Jesus,” Liahona, Mejju 2010, 108.

  13. 2 Nephi 25:26.

  14. 2 Nephi 25:26.

  15. Dallin H. Oaks, “Another Testament of Jesus Christ” (serata ta’ tagħlim fl-Università ta’ Brigham Young, 6 ta’ Ġunju, 1993), 7, speeches.byu.edu.

  16. Dallin H. Oaks, “Witnesses of Christ,” Ensign, Nov. 1990, 30.

  17. Russell M. Nelson, “Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’Ħajjitna,” 40.

  18. Ara Dieter F. Uchtdorf, “Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’Qalbkom,” Liahona, Mejju 2019, 17; “I’m Trying to Be like Jesus,” Children’s Songbook, 78.

  19. Mattew 5:11–12.

  20. 1 Pietru 3:15.

  21. Hekk kif il-kittieba profetiċi tal-Ktieb ta’ Mormon kitbu t-testimonjanzi tagħhom dwar il-Messija mwiegħed, huma semmew xi forma jew oħra ta’ ismu bejn wieħed u ieħor kull 1.7 versi. Huma rreferew għal Ġesù Kristu, letteralment, b’101 isem differenti. … Meta tirrealizza li vers ta’ skrittura normalment jikkonsisti f’sentenza waħda, jidher li diffiċli naqraw żewġ sentenzi fil-Ktieb ta’ Mormon mingħajr ma niltaqgħu ma’ waħda mill-forom tal-isem ta’ Kristu” (Susan Easton Black, Finding Christ through the Book of Mormon [1987], 5, 15).

    “Filwaqt li l-kliem patta jew espjazzjoni, bil-forom kollha tagħhom, jidhru darba biss fit-traduzzjoni ta’ King James tat-Testment il-Ġdid, dawn jidhru 35 darba fil-Ktieb ta’ Mormon. Bħala testment ieħor ta’ Ġesù Kristu, jagħtina dawl prezzjuż dwar l-Espjazzjoni tiegħu” (Russell M. Nelson, “The Atonement,” Ensign, Nov. 1996, 35).

  22. Dawk li qed iħallu l-Kristjanità fl-Istati Uniti huma ta’ età iżgħar. “Aktar minn tmienja minn għaxra mill-Ġenerazzjoni Siekta (dawk imwielda bejn l-1928 u l-1945) jiddeskrivu lilhom infushom bħala Kristjani (84%), kif jagħmlu wkoll tliet kwarti tal-Baby Boomers (76%). B’kuntrast qawwi għal dan, nofs biss tal-Millennials (49%) jiddeskrivu lilhom infushom bħala Kristjani; erbgħa minn għaxra huma ‘nones’ reliġjużi, u wieħed minn għaxra fost il-Millennials jidentifikaw ruħhom ma’ reliġjonijiet mhux Kristjani” (“In U.S., Decline of Christianity Continues,” pewforum.org).

  23. Ġwanni 12:46.

  24. Ara Danjel 6:22.

  25. Ara Atti 5:19.

  26. Ara Luqa 2:2–14.

  27. Ara Luqa 22:42–43.

  28. Ara Atti 1:9–11.

  29. Ara Doctrine and Covenants 13; 27:12–13; 110:11–16; Joseph Smith—History 1:27–54.

  30. Ara 1 Tessalonikin 4:16–17; Doctrine and Covenants 88:96–98.

  31. Mattew 10:32.