Ħaddnu l-Futur b’Fidi
Il-futur se jkun wieħed glorjuż għal dawk li huma preparati u li jkomplu jitħejjew biex ikunu strumenti f’idejn il-Mulej.
Din kienet serata li m’aħniex se ninsew. Għeżież ħuti, inħossni onorat li ninsab hawn magħkom. Ħsibt fuqkom ta’ spiss f’dawn l-aħħar xhur. Intom grupp ta’ ’l fuq minn tmien miljun mara. Intom m’intomx biss numru kbir iżda għandkom fikom il- qawwa spiritwali li tibdlu lid-dinja. Jien fil-fatt rajtkom tagħmlu dan waqt il-pandemija.
Xi wħud minnkom f’daqqa waħda spiċċajtu tfittxu biex taraw issibux ċerti provvisti skarsi jew xi impjieg ġdid. Ħafna għallimtu lit-tfal u ħadtu ħsieb lill-ġirien tagħkom. Oħrajn ilqajtu f’darkom l-uliedkom missjunarji qabel iż-żmien mistenni, filwaqt li oħrajn ittrasformajtu djarkom f’ċentri għat-taħriġ missjunarju. Intom użajtu t-teknoloġija biex tingħaqdu mal-familja u l-ħbieb, biex timministraw lil dawk li ħassewhom iżolati, u biex tistudjaw Come, Follow Me ma’ ħaddieħor. Intom sibtu modi ġodda kif tagħmlu Jum il-Mulej l-għaxqa tagħkom. U intom għamiltu bosta maskri protettivi—miljuni!
B’qalb mimlija kompassjoni u mħabba, nixtieq nuri s-simpatija tiegħi lil ħafna nisa madwar id-dinja li tliftu xi maħbubin tagħkom. Aħna nibku magħkom. Aħna nitolbu għalikom. Aħna kburin bikom u nitolbu għalikom kollha li ħdimtu bla heda biex tissalvagwardjaw is-saħħa ta’ ħaddieħor.
Intom it-tfajliet ukoll kontu verament meraviljużi. Minkejja li l-midja soċjali kienet mimlija kliem ta’ firda, ħafna minnkom sibtu modi kif tħeġġu lil ħaddieħor u taqsmu magħhom id-dawl tas-Salvatur tagħna.
Ħuti, intom kontu assolutament erojċi! Nimmeravilja ruħi bl-abbiltà u l-fidi tagħkom. Urejtu li f’ċirkustanzi diffiċli, intom tibqgħu għaddejjin b’kuraġġ. Jien inħobbkom, u nassigurakom li l-Mulej iħobbkom u konxju mill-ħidma kbira li qed twettqu. Grazzi! Għal darb’oħra, urejtu li intom letteralment it-tama ta’ Iżrael!
Intom tirrappreżentaw it-tamiet li l-President Gordon B. Hinckley kellu għalikom meta 25 sena ilu introduċa “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” fil-laqgħa ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna ta’ Settembru 1995.1 Hi ħaġa mill-aktar sinifikanti li hu għażel li jintroduċi din il-proklamazzjoni importanti lill-aħwa nisa tal-Knisja. Permezz ta’ dan, il-President Hinckley enfasizza l-influwenza insostitwibbli tan-nisa fil-pjan tal-Mulej.
Issa, nixtieq inkun naf x’tgħallimtu din is-sena. Ersaqtu aktar viċin il-Mulej, jew tħossukom aktar imbegħdin minnu? U kif qed tħossukom dwar il-ġejjieni minħabba l-ġrajjiet kurrenti?
Ċertament, il-Mulej tkellem dwar żmienna b’mod mill-aktar serju. Hu widdibna li fi żmienna “qlub il-bnedmin jonqsilhom il-kuraġġ”2 u anke l-istess magħżulin ikunu f’riskju li jiġu mqarrqin.3 Huwa qal lil Profeta Joseph Smith li “il-paċi tittieħed mid-dinja”4 u tbatija kbira tolqot l-umanità.5
Madankollu l-Mulej ipprovda wkoll viżjoni ta’ kemm se tkun meraviljuża din id-dispensazzjoni. Hu ispira lill-Profeta Joseph Smith biex jiddikjara “li l-ħidma ta’ … dawn l-aħħar żminijiet, hi waħda ta’ kobor enormi. … Il-glorji tagħha diffiċli tiddeskrivihom, u xejn ma jiżboq il-grandjożità tagħha.”6
Issa jista’ jkun li grandjożità mhijiex il-kelma li intom tagħżlu biex tiddeskrivu dawn l-aħħar ftit xhur! Kif għandna nħarsu kemm lejn il-profeziji mill-aktar serji kif ukoll lejn id-dikjarazzjonijiet glorjużi dwar żmienna? Il-Mulej qalilna kif b’riassigurazzjoni mill-aktar sempliċi iżda impressjonanti: “Jekk intom tinsabu mħejjijin, m’għandkomx għalfejn tibżgħu.”7
X’wegħda dik! Hi wegħda li letteralment tista’ tibdel il-mod kif inħarsu lejn il-ġejjieni. M’ilux smajt mara li għandha testimonjanza soda tammetti li l-pandemija, flimkien mat-terrimot fil-Wied ta’ Salt Lake, għenuha tirrealizza li hi ma kenitx preparata daqs kemm ħasbet. Meta staqsejtha jekk kenitx qed tirreferi għall-ħażna ta’ ikel tagħha jew għat-testimonjanza tagħha, hi tbissmet u wieġbet, “Iva!”
Jekk il-preparazzjoni hi s-sigriet kif nistgħu nħaddnu din id-dispensazzjoni u l-futur tagħna b’fidi, kif inhu l-aħjar mod kif nistgħu nippreparaw?
Għal għexieren ta’ snin, il-profeti tal-Mulej talbuna biex naħżnu l-ikel, l-ilma, u riservi finanzjarji għal meta nkunu fil-bżonn. Il-pandemija kurrenti rrinforzat l-għerf ta’ dak il-parir. Nitlobkom biex tieħdu l-passi neċessarji ħalli titħejjew b’mod temporali. Iżda jiena aktar imħasseb dwar il-preparazzjoni spiritwali u emozzjonali tagħkom.
F’dak ir-rigward, nistgħu nitgħallmu ħafna mill-Kaptan Moroni. Bħala kmandant tal-armati Nefiti, hu ħabbat wiċċu ma’ forzi opposti li kienu jidhru aktar b’saħħithom, kbar, u ħorox. Għalhekk, Moroni ħejja lin-nies tiegħu bi tliet modi essenzjali.
L-ewwel, hu għenhom joħolqu postijiet fejn huma setgħu jkunu ’l bogħod mill-periklu—“postijiet ta’ sigurtà” sejħilhom.8 It-tieni, hu ħejja “moħħ in-nies biex ikunu fidili lejn il-Mulej.”9 U t-tielet, hu qatt ma waqaf jipprepara lin-nies tiegħu—fiżikament jew spiritwalment.10 Ejjew nikkunsidraw dawn it-tliet prinċipji.
Prinċipju Numru Wieħed: Noħolqu Postijiet ta’ Sigurtà
Moroni ffortifika kull belt Nefita permezz ta’ mollijiet, fortizzi, u swar.11 Meta l-Lamaniti ġew jiġġieldu kontrihom, huma “baqgħu verament mistagħġbin, minħabba l-għerf tan-Nefiti bil-mod li ħejjew il-postijiet ta’ sigurtà tagħhom.”12
Bl-istess mod, hekk kif l-inkwiet qed jikber madwarna, jeħtieġ noħolqu postijiet fejn aħna nħossuna siguri, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Meta djarkom isiru santwarju personali ta’ fidi—fejn jgħammar l-Ispirtu—darkom issir l-ewwel linja ta’ difiża.
Bl-istess mod, l-utied ta’ Sijon huma “refuġju mill-maltemp”13 għax huma mmexxijin minn dawk li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju u jeżerċitaw l-awtorità tas-saċerdozju. Hekk kif tkomplu timxu wara l-parir ta’ dawk li l-Mulej awtorizza biex imexxukom, intom tħossu fikom sigurtà akbar.
It-tempju—id-dar tal-Mulej—huwa post ta’ sigurtà aktar minn kull post ieħor. Hemmhekk, intom l-aħwa nisa tiġu ddotati bil-qawwa tas-saċerdozju permezz tal-patti sagri tas-saċerdozju li tagħmlu.14 Hemm, il-familji tagħkom jiġu ssiġillati għall-eternità. Anke din is-sena, meta l-aċċess għat-tempji tagħna kien wieħed mill-aktar limitat, id-dota tagħkom tagħtkom aċċess kostanti għall-qawwa ta’ Alla hekk kif intom onorajtu l-patti tagħkom miegħu.
F’kelma waħda, post ta’ sigurtà hu kull post li fih tistgħu tħossu l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu u tiġu ggwidati minnu.15 Meta l-Ispirtu s-Santu jkun magħkom, intom tistgħu tgħallmu l-verità, anke meta din tmur kontra l-kurrent. U intom tistgħu tixtarru ċerti mistoqsijiet sinċiera dwar l-evanġelju f’ambjent ta’ rivelazzjoni.
Nistedinkom, għeżież ħuti, biex toħolqu dar li hi post ta’ sigurtà. U jien se nerġa’ ntenni l-istedina tiegħi lilkom biex tkabbru l-għarfien tagħkom tal-qawwa tas-saċerdozju u tal-patti u l-barkiet tat-tempju. Li jkollkom postijiet ta’ sigurtà li fihom tistgħu tirtiraw jgħinkom tħaddnu l-futur b’fidi.
Prinċipju Numru Tnejn: Inħejju moħħna biex Inkunu Fidili lejn Alla.
Aħna dħalna għal proġett ewlieni biex nestendu l-ħajja u l-kapaċità tat-Tempju ta’ Salt Lake.
Xi wħud iddubitaw il-bżonn għalfejn kellna nieħdu miżuri daqstant straordinarji. Madankollu, meta aktar kmieni din is-sena l-Wied ta’ Salt Lake intlaqat minn terrimot forza 5.7, dan it-tempju venerabbli theżżeż waħda sew tant li t-tromba li hemm fuq l-istatwa tal-anġlu Moroni waqgħet!16
L-istess kif il-pedament fiżiku tat-Tempju ta’ Salt Lake jeħtieġ li jkun b’saħħtu biżżejjed biex jikkumbatti d-diżastri naturali, il-pedament spiritwali tagħna jeħtieġ ukoll li jkun wieħed solidu. Imbagħad, meta t-terrimoti metaforiċi jheżżu ħajjitna, aħna nkunu nistgħu nieqfu “sodi, u immobbli” minħabba l-fidi tagħna.17
Il-Mulej għallimna kif inkabbru l-fidi tagħna billi nfittxu li “nitgħallmu, kemm permezz tal-istudju kif ukoll permezz tal-fidi.”18 Aħna nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inżommu l-kmandamenti tiegħu u “dejjem niftakru fih.”19 Barra minn hekk, il-fidi tagħna tikber kull darba li neżerċitaw il-fidi tagħna fih. Dan li jfisser li nitgħallmu permezz tal-fidi.
Per eżempju, kull darba li jkollna l-fidi li nkunu ubbidjenti lejn il-liġijiet ta’ Alla—anke meta l-opinjonijiet popolari jarawna antikwati—jew kull darba li nirreżistu xi tip ta’ divertiment jew ideoloġiji li jippromwovu l-ksur tal-patti, aħna nkunu qed neżerċitaw il-fidi tagħna, u b’hekk inkabbru il-fidi tagħna.
Barra minn hekk, ftit huma l-affarijiet li jibnu l-fidi tagħna aktar minn meta ngħaddsu rasna regolarment fil-Ktieb ta’ Mormon. L-ebda ktieb ieħor ma jixhed b’tant qawwa u ċarezza dwar Ġesù Kristu. Il-profeti tiegħu, kif ispirati mill-Mulej, raw żmienna u għażlu d-duttrina u l-veritajiet li l-aktar jistgħu jgħinu lilna . Il-Ktieb ta’ Mormon hu l-gwida ta’ salvataġġ ta’ żmienna .
Bla dubju, l-akbar sigurtà tagħna niksbuha hekk kif ngħaqqdu lilna nfusna ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu! Il-ħajja mingħajr Alla hi ħajja mimlija biża’. Il-ħajja ma’ Alla hi ħajja mimlija paċi. Dan għaliex il-barkiet spiritwali jinkisbu minn min hu fidil. Li nirċievu r-rivelazzjoni personali hi waħda mill-akbar fost dawk il-barkiet.
Il-Mulej wiegħed li jekk aħna nitolbu, aħna nirċievu “rivelazzjoni wara rivelazzjoni.”20 Inwegħidkom li hekk kif tkabbru l-kapaċità tagħkom li tirċievu r-rivelazzjoni, il-Mulej iberikkom b’direzzjoni akbar għal ħajjitkom u b’doni tal-Ispirtu bla limitu.
Prinċipju Numru Tlieta: Qatt M’għandna Nieqfu Nitħejjew
Anke meta kollox kien sejjer sew, il-Kaptan Moroni kompla jħejji lill-poplu tiegħu. Hu qatt ma waqaf. Hu qatt ma ttraskura ruħu.
L-avversarju qatt ma jieqaf jattakka. Għalhekk, aħna ma nistgħu qatt nieqfu nitħejjew! Aktar ma nkunu awto-dipendenti—temporanjament, emozzjonalment, u spiritwalment—aktar inkunu preparati biex inwaqqfu l-attakki kontinwi ta’ Satana.
Għeżież ħuti, intom kapaċi toħolqu postijiet ta’ sigurtà għalikom infuskom u għal dawk li tħobbu. Barra minn hekk, intom għandkom fikom qawwa divina li tippermettilkom li tibnu l-fidi f’ħaddieħor b’modi irreżistibbli.21 U intom qatt ma tieqfu. Għal darb’oħra intom urejtu dan din is-sena.
Jekk jogħġobkom, ibqgħu sejrin hekk! Il-viġilanza tagħkom biex tissalvagwardjaw djarkom u tispiraw il-fidi f’qalb il-maħbubin tagħkom se tħalli l-frott tagħha fil-ġenerazzonijiet li għad iridu jiġu.
Għeżież ħuti, aħna għandna ħafna għalfejn inħarsu ’l quddiem! Il-Mulej poġġiekom hawn bħalissa għax kien jaf li għandkom il-kapaċità biex tinnegozjaw il-kumplessitajiet tal-aħħar perjodu ta’ dawn l-aħħar żminijiet. Kien jaf li intom se tifhmu l-grandjożità ta’ din il-ħidma Tiegħu u se tkunu ħerqanin li tgħinuh iwettaqha.
Mhux qed ngħid li ż-żmien li ġej se jkun wieħed faċli, iżda nwegħidkom li l-futur se jkun wieħed glorjuż għal dawk li huma preparati u li jkomplu jitħejjew biex ikunu strumenti f’idejn il-Mulej.
Għeżież ħuti, ejjew mhux sempliċiment nikkumbattu dan iż-żmien kurrenti. Ejjew inħaddnu l-futur b’fidi! Iż-żminijiet imqanqla huma opportunitajiet biex nikbru spiritwalment. Żminijiet fejn l-influwenza tagħna tista’ tkun ferm aktar penetranti milli fi żminijiet ta’ kalma.
Inwegħidkom li hekk kif noħolqu postijiet ta’ sigurtà, inħejju moħħna biex inkunu fidili lejn Alla, u ma nieqfu qatt nitħejjew, Alla jberikna. Huwa “jeħlisna; iva, hekk li jwassal il-paċi f’ruħna, u jagħtina fidi kbira, u … jwassalna biex nittamaw li niksbu l-ħelsien fih.”22
Hekk kif titħejjew biex tħaddnu l-futur b’fidi, dawn il-wegħdiet isiru tagħkom! Jien nixhed dwar dan, b’turija ta’ mħabbti lejkom u l-kunfidenza tiegħi fikom, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen