Konferenza Ġenerali
Ishru, Mela, u Itolbu l-Ħin Kollu
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Ishru, Mela, u Itolbu l-Ħin Kollu

Illum, jien nestendi dik is-sejħa lin-nies kollha minn kull pajjiż madwar id-dinja.

Għeżież ħuti, fl-aħħar ġimgħa tal-ministeru mortali tiegħu, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu: “Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem bin il-bniedem.”1

Fost il- “kull ma għandu jiġri” qabel it-Tieni Miġja tiegħu nsibu gwerer u xnigħat ta’ gwerer[,] … ġuħ kbir, u l-art titheżheż f’ħafna bnadi.”2

Fid-Duttrina u Patti s-Salvatur qal, “U kollox se jiġri f’konfużjoni; … għax in-nies kollha se jinħakmu mill-biża’.”3

Bla dubju, aħna qed ngħixu fi żmien fejn kollox qed iseħħ f’konfużjoni. Bosta nies qed jibżgħu mill-futur, u ħafna qlub tbiegħdu mill-fidi tagħhom f’Alla u f’Ibnu, Ġesù Kristu.

Ir-rapporti tal-aħbarijiet mimlijin rakkonti ta’ vjolenza. Id-denigrazzjoni morali qed tiġi ppubblikata onlajn. Iċ-ċimiterji, il-knejjes, il-moskej, is-sinagogi, u s-santwarji reliġjużi qed jiġu vvandalizzati.

Il-pandemija globali laħqet virtwalment kull rokna tad-dinja: miljuni ta’ nies ġew infettati, u mietu ’l fuq minn miljun. Ħafna gradwazzjonijiet tal-iskola, servizzi ta’ qima tal-knisja, żwiġijiet, servizz missjunarju, u bosta avvenimenti importanti oħra fil-ħajja spiċċaw tħarbtu. Barra minn hekk, għadd kbir ta’ nies tħallew weħidhom u iżolati.

Taqlib ekonomiku ġab miegħu bosta sfidi għal ħafna, speċjalment għall-aktar vulnerabbli fost ulied Missierna fis-Smewwiet.

Rajna nies jeżerċitaw b’passjoni d-dritt tagħhom li jipprotestaw b’mod paċifiku, u rajna rewwixti minn marmalja rrabjata.

Fl-istess ħin, qed inkomplu naraw kunflitti madwar id-dinja.

Spiss jiġu f’moħħi dawk fostkom li qed tbatu, tinsabu nkwetati, qed tibżgħu jew tħossukom weħidkom. Niżgura lil kull wieħed minnkom li l-Mulej jafkom, li Hu konxju mit-tħassib u d-dwejjaq tagħkom, u li Hu jħobbkom—intimament, personalment, b’mod profond għal dejjem.

Kull lejl jien nitlob lill-Mulej biex ibierek lil dawk kollha li qed jesperjenzaw in-niket, l-uġigħ, is-solitudni, u d-dieqa. Jien naf li mexxejja oħra tal-Knisja qed jitolbu l-istess talba. Intom, individwalment u kollettivament, tinsabu f’qalbna u qed nitolbu lil Alla f’isimkom.

Is-sena l-oħra qattajt bosta jiem fil-grigal tal-Istati Uniti nżur siti tal-istorja Amerikana u tal-istorja tal-Knisja, u attendejt laqgħat mal-missjunarji u mal-membri tagħna, u żort bosta mexxejja tal-gvern u tan-negozju.

Nhar il-Ħadd, 20 ta’ Ottubru, jien kellimt lil miġgħema kbira ħdejn Boston, f’Massachusetts. Hekk kif kont qed nitkellem, ħassejt li kelli ngħid, “Nitlobkom … biex titolbu għal dan il-pajjiż, għall-mexxejja tagħna, għall-poplu tagħna, u għall-familji li jgħixu f’dan il-ġens kbir imwaqqaf minn Alla.”4

Għidt ukoll li l-Amerika u ħafna ġnus oħra tad-dinja, kif ġara fil-passat, jinsabu fi żmien mill-aktar kritiku u jeħtieġu t-talb tagħna.5

Dan l-appell ma kienx miktub fir-rimarki li kelli quddiemi. Dan il-kliem ġie f’moħħi hekk kif ħassejt l-Ispirtu jħeġġiġni biex nistieden lil dawl preżenti biex jitolbu għal pajjiżhom u għall-mexxejja tagħhom.

Illum, jien nestendi dik is-sejħa lin-nies kollha minn kull pajjiż madwar id-dinja. Irrispettivament kif titolbu u lil min titolbu, jekk jogħġobkom eżerċitaw il-fidi tagħkom—hu x’inhu t-twemmin tagħkom—u itolbu għal pajjiżkom u għall-mexxejja ta’ pajjiżkom. Kif għidt f’Ottubru li għadda ġewwa Massachusetts, illum ninsabu f’mument mill-aktar kruċjali fl-istorja, u l-ġnus tad-dinja jinsabu fi bżonn imminenti għall-ispirazzjoni u l-gwida divina. Dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-politika jew ma’ xi polisi. Għandu x’jaqsam biss mal-paċi u l-fejqan li jistgħu jiksbu l-erwieħ individwali kif ukoll ir-ruħ tal-ġnus—il-bliet u l-irħula—permezz tal-Prinċep tal-Paċi u s-sors ta’ kull fejqan, il-Mulej Ġesù Kristu.

F’dawn l-aħħar ftit xhur jien ħassejt fija li l-aqwa mod kif nistgħu ngħinu s-sitwazzjoni kurrenti fid-dinja hi li n-nies kollha jiddependu b’mod aktar sħiħ fuq Alla u jdawwru qalbhom lejh permezz tat-talb sinċier. Li nċekknu lilna nfusna u nfittxu l-ispirazzjoni tas-sema biex nibqgħu għaddejjin jew negħlbu dak li qed niffaċċjaw se jkun l-aktar mod sigur u ċert biex nimxu b’kunfidenza ’il quddiem f’dawn iż-żminijiet ta’ taqlib.

L-iskrittura tenfasizza t-talb li offra Ġesù kif ukoll it-tagħlim tiegħu dwar it-talb fil-ministeru mortali tiegħu. Tiftakru t-Talba tal-Mulej:

“Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.

“Tiġi saltnatek. Ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.

“Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

“Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

“U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni: għax tiegħek hi s-saltna, u l-qawwa u l-glorja, għal dejjem. Amen.”6

Din it-talba sabiħa u mill-aktar iffokata, li tingħad ta’ spiss madwar id-dinja Kristjana, tagħmilha ċara li għandna nindirizzaw it-talb tagħna “Missierna, li inti fis-smewwiet” biex nitolbu għal dak li qed jinkwetana. Għalhekk, ejjew nitolbu għall-gwida divina.

Nistedinkom biex titolbu dejjem.7 Itolbu għall-familja tagħkom. Itolbu għall-mexxejja tal-ġnus. Itolbu għan-nies kuraġġjużi li jinsabu fuq quddiem fil-battalji kurrenti kontra l-pjagi soċjali, ambjentali, politiċi, u bijoloġiċi li jolqtu lin-nies kollha madwar id-dinja; lis-sinjur u lill-fqir, liż-żgħir u lill-kbir.

Is-Salvatur għallimna biex ma nillimtawx ruħna għal min nitolbu. Hu qal, “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.”8

Fuq is-salib tal-Kalvarju, fejn Ġesù miet għal dnubietna, Hu prattika dak li għallem meta talab, “Missier aħfrilhom; għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”9

Meta nitolbu b’sinċerità għal dawk li jista’ jkun nikkunsidrawhom bħala l-għedewwa tagħna nkunu qed nuru t-twemmin tagħna li Alla jista’ jibdel qalbna u qalb ħaddieħor. Dan it-talb għandu jsaħħaħ ir-riżoluzzjoni tagħna li nagħmlu kwalunkwe tibdil neċessarju f’ħajjitna, fil-familji tagħna u fil-komunitajiet tagħna.

Irrispettivament fejn toqogħdu, b’liema lingwa titkellmu, jew xi sfidi tiffaċċjaw, Alla jismagħkom u jweġibkom bil-mod tiegħu u skont l-orarju tiegħu. Peress li aħna wliedu, nistgħu nersqu lejh biex infittxu l-għajnuna, is-serħan, u x-xewqa mill-ġdid li nagħmlu differenza pożittiva fid-dinja.

Li nitolbu għall-ġustizzja, għall-paċi, għall-foqra u għall-morda ħafna drabi mhux biżżejjed. U wara li ninżlu għarkupptejna biex nitolbu, jeħtieġ li nqumu fuq saqajna u nagħmlu li nistgħu biex ngħinu—kemm lilna nfusna u lil ħaddieħor.10

L-iskrittura mimlija eżempji ta’ nies ta’ fidi li għaqqdu t-talb tagħhom mal-għemejjel biex jagħmlu differenza fil-ħajja tagħhom u ta’ ħaddieħor. Fil-Ktieb ta’ Mormon, per eżempju, naqraw dwar Enos. Ġie osservat li “madwar żewġ terzi ta’ dan il-ktieb qasir jiddeskrivi talba, jew sensiela ta’ talb, u l-kumplament jgħidilna x’għamel b’konsegwenza għat-tweġiba li huwa rċieva.”11

Għandna bosta eżempji mill-istorja tal-Knisja tagħna dwar kif it-talb jagħmel differenza, mill-ewwel darba li Joseph Smith semma’ leħnu biex jitlob ġewwa bosk ħdejn id-dar taz-zkuk tal-ġenituri tiegħu fir-rebbiegħa tal-1820. Hekk kif mar ifittex il-maħfra u d-direzzjoni spiritwali, it-talba ta’ Joseph fetħet is-smewwiet. Illum, aħna l-benefiċjarji ta’ Joseph il-Profeta u ta’ għadd ta’ rġiel u nisa Qaddisin tal-Aħħar Żmien fidili li talbu u aġixxew biex għenu jwaqqfu l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Jien spiss naħseb dwar it-talb ta’ nisa fidili bħal Mary Fielding Smith li, bl-għajnuna ta’ Alla u b’kuraġġ mexxiet il-familja tagħha minn qalb il-persekuzzjoni dejjem tikber ġewwa Illinois lejn post ’il bogħod mill-periklu f’dan il-wied fejn il-familja tagħha kibret spiritwalment u temporanjament. Wara li talbet b’ħerqa kbira, imbagħad ħadmet iebes biex tegħleb l-isfidi tagħha u tbierek il-familja tagħha.

It-talb jelevana u jressaqna viċin xulxin bħala individwi, bħala familji, bħala knisja, u bħala dinja. It-talb jinfluwenza lix-xjentisti u jgħinhom biex jiskopru ċerti vaċċini u mediċini li jġibu fi tmiemha din il-pandemija. Il-talb ifarraġ lil dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom. Jiggwidana biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu biex nipproteġu lilna nfusna.

Ħuti, nitlobkom biex tirdoppjaw l-impenn tagħkom li titolbu. Nitlobkom biex titolbu fil-kamra tagħkom, waqt il-passiġata tagħkom ta’ kuljum, fi djarkom, fl-oqsma tagħkom, u dejjem, f’qalbkom.12

F’isem il-mexxejja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, nirringrazzjakom għat-talb tagħkom f’isimna. Nitlobkom biex tkomplu titolbu biex aħna nirċievu l-ispirazzjoni u r-rivelazzjoni li niggwidaw il-Knisja f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

It-talb jista’ jibdel ħajjitna. Immotivati permezz tat-talb sinċier, aħna nistgħu nitjiebu u ngħinu lil ħaddieħor jagħmel l-istess.

Jiena naf dwar il-qawwa tat-talb mill-esperjenza personali tiegħi. M’ilux kont ninsab waħdi fl-uffiċċju. Kont għadni kif għaddejt minn proċedura medika f’idi. Kienet imbenġla, minfuħa, u bdiet tuġagħni. Hekk kif poġġejt bilqiegħda quddiem l-iskrivanija tiegħi, ma stajtx niffoka fuq affarijiet mill-aktar importanti minħabba li l-uġigħ beda jtellifni.

Jien inżil għarkupptejja biex nitlob u tlabt lill-Mulej biex jgħinni niffoka ħalli nkun nista’ nwettaq dak li kelli nagħmel. Qomt fuq saqajja u erġajt lura lejn il-munzell karti li kelli fuq l-iskrivanija. Kważi b’mod immedjat, ħassejtni alert u ffokat, u kont kapaċi nlesti dak kollu li kelli nagħmel.

Is-sitwazzjoni kaotika kurrenti tad-dinja taf tidher mill-aktar intimidanti hekk kif nikkunsidraw l-għadd kbir ta’ problemi u sfidi. Iżda hija t-testimonjanza ferventi tiegħi li hekk kif nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet għall-barkiet u l-gwida li tant huma bżonnjużi, insiru nafu kif nistgħu nbierku l-familji, il-ġirien u l-komunitajiet tagħna u saħansitra il-pajjiż li noqogħdu fih.

Is-Salvatur talab u mbagħad “għadda jagħmel il-ġid”13 billi tema’ lill-foqra, ipprovda l-kuraġġ u s-sapport lil dawk fil-bżonn, u offra l-imħabba, il-maħfra, il-paċi, u l-mistrieħ lil dawk kollha li jmorru għandu. Hu jkompli jilħaq lilna lkoll.

Nistieden lill-membri kollha tal-Knisja, kif ukoll lill-ġirien u l-ħbieb tagħna ta’ reliġjonijiet oħra madwar id-dinja, biex tagħmlu dak li s-Salvatur talab lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu: “Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu14 għall-paċi, għall-faraġ, għas-sigurtà, u għall-opportunitajiet biex isservu lil xulxin.

Kemm hi kbira l-qawwa tat-talb u kemm għandna bżonn fid-dinja llum it-talb ta’ fidi f’Alla u fl-Iben il-Maħbub Tiegħu! Ejjew niftakru u napprezzaw il-qawwa tat-talb. F’isem Ġesù Kristu, amen.