Konferenza Ġenerali
Qawwa li Tibqa’
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Qawwa li Tibqa’

Huma biss il-fidi u l-kelma ta’ Alla li jimlew ir-ruħ ta’ ġewwa fina suffiċjentament biżżejjed biex isostnuna —u li jippermettulna li naċċessaw il-qawwa tiegħu.

Hekk kif bdejt nagħti ħarsa lejn it-tagħlim tal-għażiż profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, sibt kelma li spiss iħobb juża fid-diskors tiegħu. Din il-kelma hi qawwa.

Fl-ewwel konferenza ġenerali wara li ġie sostnut bħala Appostlu, il-President Nelson tkellem dwar il-qawwa.1 Hu kompla jgħallem dwar il-qawwa tul is-snin. Minn dak inhar li sostnejna lill-President Nelson bħala l-profeta tagħna sal-lum, hu għallem dwar il-prinċipju tal-qawwa—speċifikament il-qawwa ta’ Alla—u kif nistgħu naċċessawha. Għallem kif nistgħu nagħmlu użu mill-qawwa ta’ Alla hekk kif nimministraw lil ħaddieħor,2 kif l-indiema tistieden il-qawwa ta’ Alla u l-Espjazzjoni tiegħu f’ħajjitna,3 u kif is-saċerdozju—il-qawwa u l-awtorità ta’ Alla—ibierek lil dawk kollha li jagħmlu u jżommu l-patti miegħu.4 Il-President Nelson xehed li l-qawwa ta’ Alla tinżel fuq dawk kollha li huma ddotati fit-tempju hekk kif iżommu l-patti tagħhom.5

Jien ħassejtni partikolarment kommoss bl-isfida li tana l-President Nelson fil-konferenza ġenerali ta’ April 2020. Hu qalilna: “Studjaw u itolbu biex titgħallmu aktar dwar il-qawwa u l-għarfien li ġejtu ddotati bihom—jew li għad tridu tiġu ddotati bihom.”6

Bi tweġiba għal din l-isfida, jien studjajt u tlabt u tgħallimt ċerti ħwejjeġ bżonnjużi dwar il-qawwa u l-għarfien li ġejt iddotat bihom—jew li għad irrid niġi ddotat bihom.

Mhux faċli li nifhmu x’għandna nagħmlu biex naċċessaw il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna, iżda sibt li hi ħaġa possibbli billi nistudjawha f’moħħna u nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jilluminana.7 Il-Presbiteru Richard G. Scott offra definizzjoni ċara ta’ x’inhi sewwasew il-qawwa ta’ Alla: hi “il-qawwa li nwettqu ferm aktar milli kapaċi mwettqu weħidna.”8

Hija ħaġa kruċjali li nimlew qalbna kif ukoll ruħna bil-kelma ta’ Alla u bis-sisien tal-fidi f’Ġesù Kristu ħalli nkunu nistgħu nagħmlu użu mill-qawwa ta’ Alla biex tgħinna f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Jekk ma niżirgħux il-kelma ta’ Alla u l-fidi f’Ġesù Kristu fil-qiegħ ta’ qalbna, it-testimonjanzi u l-fidi tagħna jistgħu jiddgħajfu, u nistgħu nitilfu l-aċċess għall-qawwa li jrid jagħtina Alla. Il-fidi superfiċjali hi insuffiċjenti. Huma biss il-fidi u l-kelma ta’ Alla li jimlew ir-ruħ ta’ ġewwa fina suffiċjentament biżżejjed biex isostnuna —u li jippermettulna li naċċessaw il-qawwa tiegħu.

Hekk kif jien u Sister Johnson konna qed inrabbu lil uliedna, konna nħeġġuhom ilkoll biex jitgħallmu jdoqqu xi strument mużikali. Iżda lit-tfal tagħna konna nħalluhom jattendu l-lezzjonijiet tal-mużika biss jekk jagħmlu l-parti tagħhom u jipprattikaw l-istrument tagħhom kuljum. Darba waħda f’jum is-Sibt, it-tifla tagħna Jalynn kienet ħerqana biex tmur tilgħab ma’ sħabha, iżda kienet għadha ma pprattikatx il-pjanu. Peress li kienet taf li kienet tat il-kelma tagħha li tipprattika għal 30 minuta, hi ppjanat li tissettja tajmer, għax ma reditx tipprattika minuta aktar milli kien meħtieġ.

Hekk kif għaddiet minn quddiem il-microwave biex tmur ħdejn il-pjanu, hi waqfet u għafset xi buttuni. Iżda minflok ma ssettjat it-tajmer, hi ssettjat il-microwave biex isajjar għal 30 minuta u għafset il-buttuna biex jibda. Wara li kienet ilha tipprattika 20 minuta, hi daħlet lura fil-kċina biex tiċċekkja kemm kien baqa’ ħin u rat il-microwave jaqbad.

Imbagħad telqet tiġri fil-ġnien fejn jien kont għaddej b’xi xogħol, tgħajjat li d-dar kienet ħadet in-nar. Jien tlaqt niġri ġewwa, u, fil-fatt, sibt il-microwave ħuġġieġa nar.

Sabiex insalva d-dar tagħna milli tieħu n-nar, mort wara l-microwave, qlajtu mill-plakka, u wżajt il-kejbil tad-dawl tiegħu biex ngħolli l-mirowave minn fuq il-bank. Bit-tama li noħroġ ta’ eroj u nsolvi s-sitwazzjoni kif ukoll insalva darna, jien bdejt inbandal il-microwave kollu nar permezz tal-kejbil tiegħu biex inżommu ’l bogħod minni, ħriġt fil-bitħa, u waddabt il-microwave fil-ħamrija. Hemmhekk, stajna nitfu l-fjammi jaqbdu permezz ta’ pajp tal-ilma.

X’kien mar ħażin? Microwave jeħtieġ li jkollu xi ħaġa ġo fih li tassorbi l-enerġija tiegħu, u meta fih ma jkun hemm xejn biex jassorbi l-enerġija, hu stess jassorbi l-enerġija, jisħon, u jista’ jieħu n-nar, u jinqered f’ħuġġieġa u jsir irmied.9 Il-microwave tagħna spiċċa biex sar ħuġġieġa u nqered għax ġo fih ma kien hemm xejn.

Bl-istess mod, dawk li f’qalbhom għandhom il-fidi u l-kelma ta’ Alla jkunu jistgħu jassorbu u jegħlbu l-vleġeġ kollha nar, li l-avversarju żgur se jibgħat biex jeqridna.10 Bl-istess mod, il-fidi, it-tama, u l-konvinzjoni tagħna jafu jiddgħajfu, u l-istess bħall-microwave, aħna nistgħu ninqerdu.

Jiena sibt li jekk ikolli l-kelma ta’ Alla fil-fond ta’ ruħi, flimkien mal-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu, jien ikolli ċans nagħmel użu mill-qawwa ta’ Alla biex negħleb l-avversarju u kull ħaġa li jixħet fuqi. Hekk kif niffaċċjaw l-isfidi, aħna nistgħu niddependu fuq il-wegħda tal-Mulej kif għallem Pawl: “Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.”11

Nafu li meta kien tifel is-Salvatur “baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf: u l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.”12 Nafu li hekk kif beda jikber, “Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.”13 U nafu li fiż-żmien li beda l-ministeru tiegħu, dawk li semgħuh “baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa.”14

Permezz tat-tħejjija, is-Salvatur kiber fil-qawwa u kien kapaċi jirreżisti t-tentazzjonijiet kollha ta’ Satana.15 Hekk kif nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur u nitħejjew billi nistudjaw il-kelma ta’ Alla u nkabbru l-fidi tagħna, aħna wkoll nistgħu nagħmlu użu mill-qawwa ta’ Alla biex nirreżistu t-tentazzjonijiet.

Waqt dan iż-żmien li fih ninsabu ristretti milli ninġabru flimkien u li jagħmilha impossibbli nattendu t-tempju regolarment, jien ddeċidejt li nkompli nistudja u nitgħallem aktar dwar il-qawwa ta’ Alla li nirċievu hekk kif nagħmlu u nżommu l-patti tat-tempju. Kif inhu mwiegħed fit-talba dedikatorja tat-Tempju ta’ Kirtland, aħna noħorġu mit-tempju armati bil-qawwa ta’ Alla.16 M’hemm l-ebda data ta’ skadenza assoċjata mal-qawwa li Alla jitfa’ fuq dawk li jagħmlu u jżommu l-patti tat-tempju jew xi restrizzjoni milli jaċċessaw dik il-qawwa waqt pandemija Il-qawwa tiegħu tonqos biss f’ħajjitna jekk nonqsu milli nżommu l-patti tagħna u ma ngħixux b’tali mod li jippermettilna li nkomplu nikkwalifikaw biex nirċievu l-qawwa tiegħu.

Waqt li jien u l-għażiża marti konna qed inservu bħala mexxejja tal-missjoni fit-Tajlandja, fil-Laos u fil-Myanmar, rajna b’għajnejna l-qawwa ta’ Alla tinżel fuq dawk li jagħmlu u jżommu l-patti sagri fit-tempju. Il-Fondi tal-Assistenza għal Min Iżur it-Tempju jagħmluha possibbli għal bosta Qaddisin f’dawn it-tliet pajjiżi biex jattendu t-tempju wara li jagħmlu dak kollu li jistgħu permezz ta’ sagrifiċċju u tħejjija personali. Niftakarna niltaqgħu ma’ grupp ta’ 20 Qaddisin fidili minn Laos fl-ajruport ġewwa Bangkok, it-Tajlandja, biex ngħinuhom jiġu trasferiti f’ajruport ieħor ġo Bangkok biex jaqbdu titjira lejn Hong Kong. Dawn il-membri kienu mimlijin eċċitament għax finalment kienu se jmorru fid-dar tal-Mulej.

Membri ġewwa Laos

Meta ltqajna ma’ dawn il-Qaddisin twajbin hekk kif ġew lura, kien evidenti li dehru aktar maturi fl-evanġelju u l-qawwa tiegħu kienet tidher aktar fihom minħabba li kienu rċevew id-dota tagħhom u għamlu ċerti patti ma’ Alla. Kien jidher ċar li dawn il-Qaddisin ħarġu mit-tempju “armati bil-qawwa tiegħu.”17 Din il-qawwa li setgħu jwettqu aktar milli setgħu jwettqu weħidhom tathom il-qawwa biex jegħlbu l-isfidi li kellhom bħala membri tal-Knisja f’pajjiżhom u biex imorru u jxandru “il-bxara kbira u glorjuża,”18 hekk kif ikomplu jibnu s-saltna tal-Mulej ġewwa Laos.

Fiż-żmien li fih ma stajniex nattendu t-tempju, ippruvajna aħna nduru lejn il-patti li għamilna fit-tempju biex ikollna quddiemna direzzjoni ċara u ċerta f’ħajjitna? Dawn il-patti, jekk inżommuhom, jagħtuna viżjoni u aspettattivi dwar il-futur u determinazzjoni ċara biex nikkwalifikaw ħalli nirċievu dak kollu li wegħedna l-Mulej jekk nibqgħu fidili.

Nistedinkom biex tfittxu l-qawwa li jrid jagħtikom Alla. Nixhed li hekk kif infittxu din il-qawwa, aħna nkunu mberkin b’għarfien akbar tal-imħabba li Missierna fis-Smewwiet għandu għalina.

Nixhed li għaliex Missierna fis-Smewwiet iħobbna, Hu bagħat lil Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, biex ikun is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Nixhed dwar Ġesù Kristu, Hu li għandu l-qawwa kollha,19 u nagħmel dan f’isem Ġesù Kristu, amen.