Konferenza Ġenerali
Ħallu li s-Sabar Ikollu l-Milja Tiegħu Fikom, u Għoddu Kollox b’Ferħ!
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Ħallu li s-Sabar Ikollu l-Milja Tiegħu Fikom, u Għoddu Kollox b’Ferħ!

Meta neżerċitaw is-sabar, il-fidi tagħna tikber. Hekk kif il-fidi tagħna tikber, jikber ukoll il-ferħ.

Sentejn ilu, ħija ż-żgħir, Chad, qasam għan-naħa l-oħra tal-velu. It-transizzjoni tiegħu għan-naħa l-oħra ħalliet vojt f’qalb il-mara tiegħu, Stephanie; u f’qalb iż-żewġ uliedhom ċkejknin, Braden u Bella; kif ukoll f’qalb il-kumplament tal-familja. Aħna sibna l-faraġ fil-kliem li qal il-Presbiteru Neil L. Andersen fil-konferenza ġenerali fil-ġimgħa ta’ qabel ma’ miet Chad: “Fil-borma kbira tal-ħajja mimlija sfidi, jekk aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem bis-sabar, u bl-għajnuna tal-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur, aħna niksbu d-dawl, l-għarfien, il-paċi, u t-tama” (“Midruba,” Liahona, Nov. 2018, 85).

Chad Jaggi u l-familja

Aħna għandna l-fidi f’Ġesù Kristu; nafu li se nerġgħu ningħaqdu ma’ Chad, iżda diffiċli għalina li niċċaħdu mil-preżenza fiżika tiegħu! Ħafna huma li tilfu xi maħbubin. Diffiċli turi s-sabar u tibqa’ tistenna sakemm jasal iż-żmien li fih terġa’ tingħaqad magħhom.

Sena wara li miet, aħna ħassejna bħal sħaba mudlama madwarna. Fittixna r-refuġju fl-istudju tagħna tal-iskrittura, fit-talb aktar ferventi tagħna, u fl-attendenza aktar frekwenti tagħna fit-tempju. Il-vers minn din l-għanja jiddeskrivi s-sentimenti tagħna f’dak iż-żmien: “Il-jum beda jisbaħ, id-dinja qed tistenbaħ, is-sħab ta’ dlam il-lejl qiegħed jitbiegħed” (“The Day Dawn Is Breaking,” Hymns, nu. 52).

Bħala familja konna determinati li l-2020 tkun sena iġjenika! Fl-aħħar ta’ Novembru 2019, konna qed nistudjaw il-lezzjoni f’Come, Follow Me mill-Ktieb ta’ Ġakbu mit-Testment il-Ġdid meta tema partikolari ġiet żvelata lilna. Ġakbu, kapitlu 1, vers 2 jgħid, “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib” (Joseph Smith Translation, James 1:2 [f’Ġakbu 1:2, nota f’qiegħ il-paġna a]). Fix-xewqa tagħna li nagħtu bidu għal sena ġdida, għal diċenju ġdid bil-ferħ, iddeċidejna li fl-2020 “ngħoddu kollox b’ferħ.” Ħassejna dan b’tant qawwa li l-Milied li għadda r-rigal li tajna lil ħutna kienu flokkijiet li fuqhom kien hemm miktub b’ittri kbar, “Għoddu Kollox b’Ferħ.” Is-sena 2020 żgur kienet se tkun sena ta’ ferħ.

Mela, issa—l-2020 minflok ġabet magħha l-pandemija globali tal-COVID-19, inkwiet ċivili, aktar diżastri naturali, u sfidi ekonomiċi. Missierna fis-Smewwiet jaf qed jagħtina ċans nirriflettu u nikkunsidraw l-għarfien tagħna tas-sabar u d-deċiżjoni konxja tagħna li nagħżlu l-ferħ.

Minn dak iż-żmien ’l hawn il-ktieb ta’ Ġakbu ħa għalina tifsira ġdida. Ġakbu, kapitlu 1, versi 3 u 4 jkompli:

“Għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.

“Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.”

Fl-isforzi tagħna li nsibu l-ferħ f’nofs l-isfidi tagħna, insejna li s-sigriet kien li aħna jkollna s-sabar biex inħallu dawk l-isfidi jaħdmu għall-aħjar tagħna.

Is-Sultan Benjamin għallimna li għandna ninżgħu l-bniedem naturali u nsiru “qaddisin permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej, u nsiru bħat-tfal, sottomessi, umli, paċenzjużi, kollna mħabba, lesti li nissottomettu ruħna għal kollox” (Mosiah 3:19).

Kapitlu 6 ta’ Preach My Gospel jgħallem kwalitajiet ewlenin ta’ Kristu li nistgħu nimitaw: “Is-sabar hi l-kapaċità li nissaportu d-dewmien, l-inkwiet, l-oppożizzjoni, jew is-sofferenza mingħajr ma’ nirrabjaw, niffrustraw ruħna, jew insiru anzjużi. Hi l-abbiltà li nagħmlu r-rieda ta’ Alla u naċċettaw l-orarju tiegħu. Meta tkun mimli sabar, inti tibqa’ kalm waqt li tkun taħt pressjoni u tkun kapaċi tiffaċċja l-avversità bil-kalma u t-tama” (Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service, riv. ed. [2019], 126).

Eżempju tal-ħidma perfetta tas-sabar nistgħu narawh ukoll fil-ħajja ta’ wieħed mill-ewwel dixxipli ta’ Kristu, Xmun il-Kanani. Iż-Żeloti kienu grupp ta’ nazzjonalisti Lhud li kienu jopponu b’qawwa l-ħakma Rumana. Il-moviment Żelot kien iħeġġeġ il-vjolenza kontra r-Rumani, il-kollaboraturi Lhud tagħhom, u s-Sadduċej billi jisirqu l-provvisti u jwettqu ħwejjeġ oħra biex jgħinu l-kawża tagħhom (ara Encyclopedia Britannica, “Zealot,” britannica.com). Xmun il-Kanani kien Żelota (ara Luqa 6:15). Immaġinaw lil Xmun jipprova jipperswadi lis-Salvatur li kellhom jużaw l-armi, imexxu xi grupp militanti, jew joħolqu kaos f’Ġerusalemm. Ġesù għallem:

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art. …

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. …

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mattew 5:5, 7, 9).

Jista’ jagħti l-każ li Xmun ħaddan u ried iwassal din il-filosofija b’żelu u passjoni, iżda l-iskrittura tagħtina x’nifmu li permezz tal-influwenza u l-eżempju tas-Salvatur, beda jaħsibha mod ieħor. Id-dixxipulat tiegħu ta’ Kristu sar il-fokus ewlieni tal-isforzi ta’ ħajtu.

Hekk kif aħna nagħmlu u nżommu l-patti ma’ Alla, is-Salvatur jista’ jgħinna “nitwieldu mill-ġdid; iva, nitwieldu minn Alla, mibdula minn stat karnali u mitluf għal stat ta’ tjubija, mifdijin minn Alla, insiru wliedu” (Mosiah 27:25).

Fost il-kawżi kollha soċjali, reliġjużi, u politiċi ta’ żmienna, ejjew naraw li l-affiljazzjoni tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu tkun l-aktar waħda prominenti u importanti. “Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll” (Mattew 6:21). Ejjew ma ninsewx ukoll, li anke wara li d-dixxipli fidili “għamlu r-rieda ta’ Alla,” huma “kienu jeħtieġu s-sabar” (Lhud 10:36).

L-istess kif il-prova tal-fidi tagħna tittestja s-sabar ta’ ġo fina, meta neżerċitaw is-sabar, il-fidi tagħna tikber. Hekk kif il-fidi tagħna tikber, jikber ukoll il-ferħ.

Marzu li għadda, Emma, li tiġi t-tieni tifla tagħna, bħal ħafna missjunarji fil-Knisja, spiċċat f’iżolament mandatorju. Bosta missjunarji marru lura d-dar. Ħafna missjunarji stennew biex jiġu assenjati x’imkien ieħor. Ħafna ma rċevewx il-barkiet tagħhom tat-tempju qabel telqu lejn l-għalqa tal-ħidma tagħhom. Grazzi, O presbiteri u sisters. Aħna nħobbukom.

Emma u l-kollega tagħha fl-Olanda kienu emozzjonalment għajjenin f’dawk l-ewwel ġimgħat—tant li f’mumenti anke spiċċaw jibku. Billi l-opportunitajiet li fihom setgħu jiltaqgħu fiżikament man-nies u joħorġu barra kienu limitati, id-dipendenza ta’ Emma fuq Alla kibret. Aħna tlabna magħha onlajn u staqsejnieha kif stajna ngħinuha. Hi talbitna biex nagħmlu kuntatt ma’ xi ħbieb li kienet qed tgħallem onlajn!

Aħna, bħala familja, bdejna nagħmlu kuntatt onlajn mal-ħbieb ta’ Emma fl-Olanda, persuna wara persuna. Stedinniehom biex jingħaqdu magħna onlajn fl-istudju tagħna bħala familja estiża ta’ kull ġimgħa ta’ Come, Follow Me. Floor, Laura, Renske, Freek, Benjamin, Stal, u Muhammad ilkoll saru ħbieb tagħna. Xi wħud minn sħabna mill-Olanda daħlu “mill-bieb id-dejjaq” (3 Nephi 14:13). Oħrajn qed jiġu murija “l-istretezza tat-triq, u d-djuqija tal-bieb, minn fejn għandhom jidħlu” (2 Nephi 31:9). Huma ħutna fi Kristu. Kull ġimgħa aħna “ngħoddu kollox f’ferħ” hekk kif naħdmu flimkien fil-progress tagħna fit-triq tal-patt.

Aħna “nħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fina” (Ġakbu 1:4) fl-inabbiltà tagħna li niltaqgħu fiżikament bħala familji tal-qasam għal perjodu ta’ żmien. Iżda ngħoddu b’ferħ li l-fidi tal-familji tagħna tikber permezz tal-konnessjoni tat-teknoloġija ġdida u permezz tal-istudju tal-Ktieb ta’ Mormon f’ Come, Follow Me.

Il-President Russell M. Nelson wiegħed, “L-isforzi konsistenti tagħkom f’din il-ħidma—anke f’dawk il-mumenti meta tħossukom li m’intomx qegħdin partikolarment tirnexxu—ibiddlulkom ħajjitkom, il-ħajja ta’ familtkom, u d-dinja” (“Imxu ’l Quddiem bil-Fidi,” Liahona, Mejju 2020, 114).

Il-post li fih nagħmlu patti sagri ma’ Alla—it-tempju—jinsab temporanjament magħluq. Il-post li fih inżommu l-patti li nagħmlu ma’ Alla—id-dar—jinsab miftuħ! Fid-dar għandna opportunità li nistudjaw u nixtarru fuq is-sbuħija eċċezzjonali tal-patti tat-tempju. Anke fin-nuqqas li nidħlu fiżikament f’dak il-post mill-aktar sagru, “qlubna … għandhom jifirħu bil-kbir b’konsegwenza tal-barkiet li se jinxteħtu fuqna” (Doctrine and Covenants 110:9).

Ħafna tilfu l-impjieg tagħhom; oħrajn tilfu ċerti opportunitajiet. Aħna nifirħu, madankollu, flimkien mal-President Nelson, li m’ilux iddikjara: “L-offerti tas-sawm volontarji mill-membri tagħna fil-fatt żdiedu, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet volontarji fil-fondi umanitarja tagħna. … Flimkien sejrin negħlbu dan iż-żmied diffiċli. Il-Mulej iberikkom hekk kif tkomplu tbierku lil ħaddieħor” (il-paġna ta’ Facebook ta’ Russell M. Nelson, ippostjata fis-16 ta’ Aww., 2020, facebook.com/russell.m.nelson).

“Agħmlu l-qalb” huwa dak li talab minna l-Mulej, mhux imtlew bil-biża’ (Mattew 14:27).

Xi kultant aħna nibdew nitilfu s-sabar meta naħsbu li minkejja li qed “nagħmlu kollox tajjeb” xorta waħda m’aħniex nirċevu l-barkiet li nixtiequ. Ħenok mexa ma’ Alla għal 365 sena qabel ma hu u l-poplu tiegħu ġew meħudin fis-smewwiet. Tliet mija u ħamsa u sittin sena jipprova jagħmel kollox tajjeb, u mbagħad seħħ li kellu jseħħ! (Ara Doctrine and Covenants 107:49.)

Il-mewt ta’ ħija Chad ġiet ftit xhur biss wara li ġejna eżonerati milli nippresedu fuq il-Missjoni ta’ Ogden, f’Utah. Kienet ħaġa mirakoluża li waqt li konna qed ngħixu fin-Nofsinhar ta’ California, fost il-417-il missjoni li stajna ġejna assenjati fihom fis-sena 2015, ġejna assenjati fit-Tramuntana ta’ Utah. Id-dar tagħna tal-missjoni kien 30 minuta ’il bogħod bil-karozza mid-dar ta’ Chad. Chad ħariġlu l-kanċer wara li aħna rċevejna s-sejħa tagħna għall-missjoni. Anke fl-aktar ċirkustanzi diffiċli, konna nafu li Missierna fis-Smewwiet kien konxju minna u beda jgħinna nsibu l-ferħ.

Jien nixhed dwar il-qawwa feddejja, qaddisa, umli, u ferrieħa tas-Salvatur Ġesù Kristu. Nixhed li meta nitlobu lil Missierna fis-Smewwiet f’isem Ġesù, Hu jisma’ talbna. Nixhed li hekk kif nisimgħu u nagħtu widen ta’ leħen il-Mulej u tal-profeta ħaj tiegħu, il-President Russell M. Nelson, aħna nistgħu “inħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fina, u ngħoddu kollox b’ferħ.” F’isem Ġesù Kristu, amen.