Konferenza Ġenerali
Ittestjat, Ippruvat, u llustrat
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Ittestjat, Ippruvat, u llustrat

L-akbar barka li niksbu meta nagħtu prova li aħna fidili lejn il-patti tagħna waqt il-provi tagħna tkun bidla fin-natura tagħna.

Għeżież ħuti, jiena grat li qed nitkellem magħkom illum. It-tama tiegħi hi li nwassal l-inkuraġġiment meta l-ħajja tidher speċjalment diffiċli u inċerta. Għal xi wħud minnkom, dak il-mument huwa issa. Jekk mhuwiex, mument bħal dan jasal żgur.

Dan mhux xi ħsieb pessimista. Hu realistiku—madankollu ottimista—minħabba l-għan ta’ Alla fil-Ħolqien ta’ din id-dinja. Dak l-għan kien li jagħti lil uliedu l-opportunità li jagħtu prova tagħhom infushom li kapaċi u lesti jagħżlu s-sewwa meta jkun diffiċli. Waqt li jagħmlu dan, in-natura tagħhom tinbidel u jsiru aktar bħalu. Hu kien jaf li dan kien jeħtieġ fidi ferma fih.

Ħafna milli jiena naf tgħallimtu mill-familja tiegħi. Meta kelli madwar tmien snin, l-omm għaqlija tiegħi talbet lili u lil ħija biex immorru magħha naqilgħu l-ħaxix ħażin fil-ġnien tagħna. Mela din taf tidher bħala xi ħaġa sempliċi, iżda aħna konna noqogħdu New Jersey. Spiss kienet tagħmel ix-xita. Il-ħamrija kienet qisha tafal iebes. Il-ħaxix ħażin kien jikber aktar mill-ħxejjex veġetali.

Niftakar il-frustrazzjoni tiegħi meta l-ħaxix inqasam biċċiet f’idejja, bl-għeruq tiegħu għadhom imwaħħal fit-tajn iebes. Ommi u ħija kienu jinsabu għadd ta’ ringieli mhux ħażin quddiemi. Aktar ma bdejt ngħaġġel, aktar bdejt naqa’ lura.

“Din ħaġa diffiċli wisq!” għidt.

Minflok ma tħassritni, ommi tbissmet u qalet, “Isma’, Hal, mhux ovvja diffiċli. Hekk suppost tkun. Il-ħajja hija test.”

F’dak il-mument, kont naf li kliemha kien veru u kien se jibqa’ veru fil-ġejjieni tiegħi.

Ir-raġuni tat-tbissima kollha mħabba t’ommi għaraftha b’mod ċar snin wara meta qrajt dwar Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż jitkellmu dwar l-għan tagħhom meta ħolqu din id-dinja u taw l-ulied spirti l-opportunità tal-ħajja mortali:

“U nippruvawhom ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom;

“U dawk li jżommu l-ewwel stat tagħhom jintbagħtu hemm; u dawk li ma jżommux l-ewwel stat tagħhom ma jkollhomx glorja fl-istess saltna ma’ dawk li żammew l-ewwel stat tagħhom; u dawk li jżommu t-tieni stat tagħhom tingħatalhom il-glorja għal dejjem ta’ dejjem.”1

Jien u intom aċċettajna dik l-istedina li niġu ttestjati u nagħtu prova li se nagħżlu li nżommu l-kmandamenti ta’ Alla meta ma nkunux se nibqħu aktar fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Anke wara stedina kollha mħabba bħal din minn Missierna fis-Smewwiet, Luċifru kkonvinċa lil terz tal-ulied spirti biex jimxu warajh u jwarrbu l-pjan tal-Missier għall-progress u l-ferħ etern tagħna. Minħabba r-ribelljoni tiegħu, Satana tkeċċa flimkien mas-segwaċi tiegħu. Issa, hu jipprova jwassal biex f’din il-ħajja mortali jbiegħed kemm jista’ erwieħ minn Alla.

Dawk fostna li aċċettajna l-pjan għamilna dan minħabba l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, li offra li jsir is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Żgur li dak iż-żmien aħna emminna li kwalunkwe dgħjufijiet mortali li kien se jkollna, u kwalunkwe forzi tal-ħażen li kien se jkollna kontrina, il-forzi tat-tajjeb kienu se jkunu ferm akbar.

Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu jafukom u jħobbukom. Iridukom terġgħu lura għandhom u ssiru bħalhom. Is-suċċess tagħkom hu s-suċċess tagħhom. Intom ħassejtu l-konferma ta’ dik l-imħabba permezz tal-Ispirtu s-Santu meta qrajtu jew smajtu dan il-kliem: “Għax araw, din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”2

Alla għandu l-qawwa li jagħmel ħajjitna aktar faċli. Hu tama’ l-manna lil ulied Iżrael fi triqithom lejn l-art imwiegħda. Il-Mulej fil-ministeru mortali tiegħu fejjaq lill-morda, qajjem lill-mejtin, u kkalma l-baħar. Wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, Hu fetaħ “il-bibien biex jeħles lill-ħabsin.”3

Madankollu il-Profeta Joseph Smith, wieħed mill-akbar profeti tiegħu, sofra ġewwa l-ħabs u ġie mgħallem lezzjoni li lkoll nistgħu nitgħallmu minnha u neħtieġuha fit-testijiet rikkorenti tal-fidi: “U jekk inti tiġi mitfugħ ġewwa fossa, jew tispiċċa f’idejn il-qattiela, u s-sentenza tal-mewt tingħata lilek; jekk inti tiġi mixħut fl-abiss; jekk il-mewġ qalil jeħodha kontra tiegħek; jekk l-irjieħ feroċi jsiru l-għedewwa tiegħek; jekk is-smewwiet jiddallmu, u l-elementi kollha jingħaqdu biex jimblukkawlek triqtek; u fuq kollox, jekk l-istess xedaq tal-infern jiftaħ ħalqu biex jibilgħek, kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek.”4

Intom tafu ġustament tistaqsu għalfejn Alla setgħan kollu mħabba jippermetti li t-test mortali tagħna jkun daqstant diffiċli. Dan għax Hu jaf li aħna jeħtieġ nikbru fl-indafa u fl-istatura spiritwali biex inkunu nistgħu ngħixu fil-preżenza tiegħu bħala familji għal dejjem. Biex jagħmel dan possibbli, Missierna fis-Smewwiet tana Salvatur u l-qawwa li nagħżlu għalina nfusna permezz tal-fidi li nżommu l-kmandamenti tiegħu u nindmu u b’hekk nersqu lejh.

Fil-qofol tal-pjan ta’ ferħ tal-Missier hemm li aħna nsiru nixbhu aktar lill-Iben il-Maħbub tiegħu, Ġesù Kristu. F’kull ħaġa, l-eżempju tas-Salvatur hu l-aqwa gwida tagħna. Hu ma ġiex eżentat mill-bżonn li jagħti prova tiegħu nnifsu. Hu ġarrab kollox għall-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet, ħallas il-prezz ta’ dnubietna kollha. Hu ħass is-sofferenza ta’ kull min ġie, u għad irid jiġi, f’din il-ħajja mortali.

Meta tistaqsu lilkom infuskom kemm intom kapaċi tbatu, ftakru fih. Hu bata dak li qed tbatu intom biex ikun jaf kif jista’ jerfagħkom. Hu jaf ma jneħħilkomx it-tagħbija, iżda Hu jagħtikom il-qawwa, il-faraġ, u t-tama. Hu jaf it-triq. Hu xorob mill-kalċi morr. Hu ħa fuqu t-tbatija ta’ kulħadd.

Intom qed tiġu indukrati u mfarrġa minn Salvatur kollu mħabba, li jaf kif jista’ jgħinkom f’kwalunkwe test li tiffaċċjaw. Alma għallem:

“U hu għandu jmur, isofri kull tip ta’ wġieħ, tbatija u tentazzjoni; u dan sabiex iseħħ dak li hemm miktub li jgħid li hu sa jieħu fuqu l-uġieħ u l-mard tal-poplu tiegħu.

“U huwa jieħu fuqu l-mewt, sabiex ikun jista’ jkisser l-irbit tal-mewt li jorbot lill-poplu tiegħu; u huwa jieħu fuqu s-sofferenza tagħhom, sabiex jimtela bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu waqt is-sofferenza tagħhom.”5

Mod kif Hu jista’ jgħinkom hu billi jistedinkom dejjem biex tiftakru fih u tersqu lejh. Hu ħeġġiġna:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”6

Il-mod kif tersqu lejh hu billi tiffesteġġjaw permezz ta’ kliemu, li teżerċitaw il-fidi li twassal għall-Indiema, li tagħżlu li titgħammdu u tiġu kkonfermati minn qaddej awtorizzat tiegħu, u mbagħad li żżommu l-patti tagħkom ma’ Alla. Hu jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun is-sieħeb, il-farrâġ, u l-gwida tagħkom.

Hekk kif tgħixu denji tad-don tal-Ispirtu s-Santu, il-Mulej jista’ jidderiġikom għal fejn hemm il-kenn anke meta ma tkunux tistgħu taraw it-triq. Għalija, Hu spiss urieni x’pass jew passi għandi nieħu. Rarament Hu ħallieni nara ftit x’hemm fil-futur imbiegħed, iżda anke dawk il-mumenti rari jiggwidawni x’nagħżel fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum.

Il-Mulej spjega:

“Bħalissa ma tistgħux taraw, permezz tal-għajnejn naturali tagħkom, dak li fassal Alla tagħkom rigward dak kollu li dalwaqt iseħħ, u l-glorja li intom sa tiksbu wara … tant tribulazzjoni.

“Għax wara tant tribulazzjoni jaslu l-barkiet.”7

L-akbar barka li niksbu meta nagħtu prova li aħna fidili lejn il-patti tagħna waqt il-provi tagħna tkun bidla fin-natura tagħna. Billi nagħżlu li nżommu l-patti tagħna, il-qawwa ta’ Ġesù Kristu u l-barkiet tal-Espjazzjoni tiegħu jistgħu jaħdmu fina. Qlubna jistgħu jirtabu biex inħobbu, naħfru, u nistiednu lil ħaddieħor biex jersaq lejn is-Salvatur. Il-kunfidenza tagħna fil-Mulej tikber. Il-biżgħat tagħna jonqsu.

Issa, anke b’daqstant barkiet imwiegħda qalb it-tbatija, aħna m’għandniex infittxu li nbatu. Fl-esperjenza mortali, aħna se jkollna ħafna opportunità biex nagħtu prova tagħna nfusna, li ngħddu minn provi ibsin biżżejjed ħalli nsiru aktar bħas-Salvatur u Missierna fis-Smewwiet.

Barra minn hekk, għandna ninnutaw it-tbatija ta’ ħaddieħor u nippruvaw ngħinuh. Dan jaf ikun speċjalment diffiċli meta aħna stess inkunu qed niġu ttestjati waħda sew. Iżda aħna niskopru li hekk kif ngħinu nġorru t-tagħbija tal-oħrajn, anke forsi xi ftit, daharna jissaħħaħ u nilmħu bħal dawl fid-dalma.

F’dan kollu, il-Mulej hu l-Eżemplar tagħna. Fuq is-salib tal-Golgota, wara li kien diġà sofra wġigħ tant kbir li żgur kien iwasslu għall-mewt li kieku ma kienx l-Iben Waħdieni ta’ Alla, Hu ta ħarsa lejn l-eżekuturi tiegħu u qal lil Missieru, “Aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”8 Waqt li kien qed isofri f’isem dawk kollha li qatt għexu, minn fuq is-salib Hu ħares lejn Ġwanni u lejn l-omm imnikkta tiegħu u mministralha waqt il-prova tagħha:

“Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu, Mara, hawn hu ibnek!

“Imbagħad qal lid-dixxiplu, Hawn hi ommok! U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.”9

Permezz tal-għemejjel tiegħu f’dak il-jum l-aktar sagru, Hu b’mod volontarju ta ħajtu għal kull wieħed u waħda minna, offra li mhux biss jgħinna f’din il-ħajja iżda fil-ħajja eterna fiż-żmien li ġej.

Jien rajt għadd ta’ nies iwettqu ħwejjeġ meraviljużi hekk kif baqgħu fidili waqt provi terribbli. Nistgħu naraw eżempji bħal dawn madwar il-Knisja Illum. In-nies jaslu biex jinżlu għarkupptejhom fi żmien ta’ avversità. Permezz tar-reżistenza u l-isforz ta’ fidi tagħhom, huma jsiru aktar bħas-Salvatur u Missierna fis-Smewwiet.

Jien tgħallimt lezzjoni oħra minn ommi. Meta kienet għadha tifla, hi qabditha d-difterite u kważi mietet. Aktar tard qabditha l-meninġite f’daharha. Missierha miet żgħir, u għalhekk ommi u ħutha għenu kemm setgħu lil ommhom.

Ħajjitha kollha, hi ħasset l-effett tal-provi tal-mard. Fl-aħħar 10 snin ta’ ħajjitna, hi kellha bżonn għadd ta’ operazzjonijiet. Iżda qalb dan kollu, hi wriet li kienet fidila lejn il-Mulej, anke waqt li kienet f’qiegħ ta’ sodda. L-unika stampa mal-ħajt tal-kamra tas-sodda tagħha kienet tas-Salvatur. L-aħħar kliem li qaltli qabel ma mietet kien dan: “Hal, tinstama’ qisek se jaqbdek xi riħ. Hemm bżonn tieħu ħsieb tiegħek innifsek.”

Fil-funeral tagħha, l-aħħar kelliem kien il-Presbiteru Spencer W. Kimball. Wara li tkellem ftit dwar il-provi u l-fedeltà tagħha, hu qal essenzjalment dan: “Xi wħud minnkom tafu tistaqsu għalfejn Mildred kellha tbati daqstant dan iż-żmien kollu. Ngħidilkom għalfejn. Għaliex il-Mulej ried jillustraha ftit aktar.”

Jien nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-bosta membri fidili tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu li jġorru t-tagħbija tagħhom b’fidi ferma u li jgħinu lil ħaddieħor iġorr tiegħu hekk kif il-Mulej ifittex li jillustrahom ftit aktar. Nesprimi wkoll l-imħabba u l-ammirazzjoni tiegħi lejn il-kuranti u l-mexxejja madwar id-dinja li jservu lil ħaddieħor waqt li huma u l-familji tagħhom jkunu qed jiġu llustrati bl-istess mod.

Jiena nixhed li aħna wlied Missierna tas-Smewwiet, li tant iħobbna. Jien inħoss l-imħabba tal-President Russell M. Nelson għalina lkoll. Hu l-profeta tal-Mulej fid-dinja llum. Dan nixhdu fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.