Konferenza Ġenerali
Għajnejn biex Jaraw
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Għajnejn biex Jaraw

Permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Kristu jwassalna biex naraw lilna nfusna u naraw lil ħaddieħor kif jarana Hu.

Nagħrfu l-Influwenza ta’ Alla

Togħġobni ferm l-istorja mit-Testment il-Qadim dwar żagħżugħ li serva lill-profeta Eliżew. Għodwa waħda ż-żagħżugħ stenbaħ, ħareġ barra, u sab il-belt imdawra b’armata kbira li riedu jeqirduhom. Hu telaq jiġri għand Eliżew: “Sidi, x’se nagħmlu?”

Eliżew wieġeb “La tibżax: hemm nies aktar magħna milli magħhom.”

Eliżew kien jaf li ż-żagħżugħ kellu bżonn aktar minn sempliċiment riassigurazzjoni biex jikkalma; kellu bżonn viżjoni. U għalhekk “Eliżew beda jitlob, … Mulej, … iftaħlu għajnejh biex jara. U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew.”1

Jista’ jkun hemm mumenti meta intom, bħall-qaddeja, issibu lilkom infuskom titqabdu biex taraw kif Alla qed jaħdem f’ħajjitkom—mumenti meta intom tħossukom taħt assedju—meta l-provi tal-mortalità jwasslukom biex tinżlu għarkupptejkom. Stennew u afdaw f’Alla u fl-orarju tiegħu, għaliex intom tistgħu tafdaw qalbu b’qalbkom kollha. Iżda hawnhekk insibu t-tieni lezzjoni. Għeżież ħuti, intom ukoll tistgħu titolbu biex il-Mulej jiftaħ għajnejkom biex taraw ħwejjeġ li mhux normalment taraw.

Naraw Lilna Nfusna Kif Jarana Alla

Probabbilment l-aktar ħwejjeġ importanti għalina li għandna naraw ċar huma min hu Alla u min verament aħna—ulied ġenituri tas-smewwiet b’“natura divina u destin etern.”2 Itolbu lil Alla biex jiżvelalkom dawn il-veritajiet, flimkien ma’ kif iħossu dwarkom. Aktar ma tifhmu l-identità u l-għan veru tagħkom, b’mod profond, aktar dawn jinfluwenzaw kull ħaġa f’ħajjitkom.

Naraw lil Ħaddieħor

Li nifhmu kif iħares lejna Alla jippreparalna t-triq li tgħinna naraw lill-oħrajn kif jarahom Hu. Il-Kolonista David Brooks qal: “Ħafna mill-akbar problemi tas-soċjetà tagħna huma riżultat ta’ nies li jħossu li ħadd mhu konxju minnhom. … Hemm karatteristika … ewlenija li lkoll jeħtieġ li nipperfezzjonaw aħjar, u din hi li nħarsu lejn xulxin b’mod aktar profond u li oħrajn iħarsu lejna bl-istess mod.”3

Ġesù Kristu jara lin-nies b’mod profond. Hu jara l-individwi, il-bżonnijiet tagħhom, u min jistgħu jsiru. Fejn ħaddieħor ra sajjieda, midinbin, jew pubblikani, Ġesù ra dixxipli; fejn ħaddieħor ra raġel maħkum mix-xjaten, Ġesù ra lil hinn mill-miżerja tiegħu, tkellem mar-raġel, u fejqu.4

Anki fil-ħajja mgħaġġla tagħna, aħna nistgħu nimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù u naraw l-individwi—il-bżonnijiet tagħhom, il-fidi tagħhom, id-diffikultajiet tagħhom, u min jistgħu jsiru.5

Hekk kif nitlob lill-Mulej biex jiftaħli għajnejja biex nara ħwejjeġ li mhux normalment narahom, jien spiss nistaqsi lili nnifsi żewġ mistoqsijiet u noqgħod attenta għas-suġġerimenti li nirċievi: “X’qed nagħmel li missni nieqaf nagħmel?” u “X’minix nagħmel li missni nibda nagħmel?”6

Xhur ilu, waqt is-sagrament, staqsejt lili nnifsi dawn il-mistoqsijiet u kont sorpriża bis-suġġeriment li rċevejt. “Ieqaf ħares lejn il-mowbajl meta tkun qed tistenna fil-kju.” Li nħares lejn il-mowbajl waqt li nkun qed nistenna kienet saret kważi ħaġa awtomatika; sibt li hu ħin tajjeb biex nagħmel ċerti affarijiet fl-istess ħin, li niċċekkja l-imejl, nara x’jgħidu l-aħbarijiet, jew niskrollja dak li jkun daħal fil-midja soċjali.

L-għada filgħodu, sibt lili nnifsi nistenna fi kju twil f’ħanut. Ħriġt il-mowbajl u mbagħad ftakart fis-suġġeriment li kont irċevejt. Warrabt il-mowbajl u ħarist madwari. Rajt raġel anzjan jistenna quddiemi fil-kju. Il-qoffa tiegħu kienet vojta ħlief għal ftit laned ikel tal-qtates. Ħassejtni ftit stramba, iżda għedtlu xi ħaġa verament intelliġenti bħal, “Qed nara li għandek qattusa.” Hu qal li kienet ġejja maltempata, u ma riedx jinqabad mingħajr ikel tal-qtates. Tkellimna ftit, u mbagħad dar lejja u qalli, “Taf, jien m’għidt lil ħadd li se ngħidlek: imma illum għeluq snini.” Qalbi ħassejtha tinħall. Jien awgurajtlu u offrejt talba siekta ta’ ringrazzjament li ma kontx mitlufa fuq il-mowbajl u kont nitlef opportunità li verament nara u nagħmel kuntatt ma’ persuna oħra li kellha bżonn dan.

B’qalbi kollha ma rridx inkun bħall-qassis jew il-Levita fit-triq lejn Ġeriko—xi ħadd li jħares u jibqa’ għaddej.7 Iżda ħafna drabi naħseb li hekk jien.

Nara l-Messaġġ ta’ Alla Għalija

M’ilux tgħallimt lezzjoni prezzjuża dwar kif inħares b’mod profond minn tfajla jisimha Rozlyn.

L-istorja qalithieli ħabibti li kienet qed tħossha verament ħażin hekk kif żewġha telaqha wara 20 sena. B’uliedha jaqsmu ħinhom bejn iż-żewġ ġenituri, il-ħsieb li se jkollha tattendi l-knisja weħidha kien qed ikiddha wisq. Hija qalet:

“Fi knisja fejn il-familja hi importanti ferm, li tpoġġi bilqiegħda waħdek hi ħaġa diffiċli. Dak l-ewwel Ħadd jien u dieħla tlabt li ħadd ma jkellimni. Xejn ma kont qed inħossni f’sikti u kont għoddni se ninfaqa’ nibki. Poġġejt fil-post tas-soltu, nittama li ħadd ma jinduna kemm kien jidher vojt il-bank.

“Waħda żagħżugħa fil-qasam tagħna daret u ħarset lejja. Jiena sfurzajt tbissima. Hi tbissmitli lura. Stajt nara li kienet imħassba minħabba fija. Tlabt b’ħerqa li ma tiġix tkellimni—ma kelli xejn pożittiv x’ngħid u kont naf li kont ninfaqa’ nibki. Baxxejt ħarsti u evitajt li nagħmel kuntatt b’għajnejja mal-oħrajn.

“Waqt dik is-siegħa, innutajt li kultant hi baqgħet tħares lejja. Hekk kif intemmet il-laqgħa, hi ġiet dritt fuqi. ‘Kif inti Rozlyn,” għidtilha minn taħt l-ilsien. Hi għannqitni magħha u qaltli, ‘Sister Smith, qed nara li llum hi ġurnata diffiċli għalik. Jiddispjaċini ħafna. Inħobbok.’ Kif ħsibt li se jiġri, id-dmugħ feġġ f’għajnejja hekk kif reġgħet għannqitni magħha. Iżda hekk kif bdejt miexja, għidt lili nnifsi, ‘Wara kollox jaf jirnexxieli nkampa.’

Rozlyn u Sister Smith

“Din it-tfajla ħelwa ta’ 16-il sena, inqas minn nofs tiegħi fl-età, bdiet tiġi ħdejja kull nhar ta’ Ħadd għall-kumplament tas-sena biex tgħannaqni u tistaqsini, ‘Kif inti?’ Għamlet differenza kbira fil-mod kif ħassejtni dwar li nerġa’ lura l-knisja. Il-verità hi li bdejt niddependi fuq dak it-tgħanniq. Xi ħadd innutani. Xi ħadd kien jaf li kont ninsab hemm. Xi ħadd kien jimpurtah.”

Bħar-rigali kollha li l-Missier joffrilna b’tant ġenerożità, li nħarsu b’mod profond jeħtieġ minna li nitolbuh—u mbagħad naġixxu. Itolbu li taraw lil ħaddieħor kif jarahom Hu—bħala l-vera wliedu b’potenzjal infinit u divin. Imbagħad aġixxu billi nħobbu, inservu, u naffermaw il-valur u l-potenzjal tagħhom skont dak li nħossu. Hekk kif dan isir id-drawwa ta’ ħajjitna, aħna nsibu li qed insiru “dixxipli vera ta’ … Ġesù Kristu.”8 Oħrajn ikunu kapaċi jiftħu qalbhom magħna. U f’din id-drawwa niskopru wkoll il-vera identità u għan tagħna .

Is-Salvatur ifejjaq

Ħabibti semmiet ukoll esperjenza oħra waqt li kienet bilqiegħda f’dak l-istess bank vojt, weħidha, hekk kif bdiet tistaqsi lilha nnifisha jekk 20 sena ta’ sforz biex tgħix l-evanġelju f’darha kinux ta’ xejn. Hi kienet teħtieġ aktar minn riassigurazzjoni biex tikkalma; kellha bżonn viżjoni. Ħasset mistoqsija tinfed qalbha: “Għalfejn għamilt dak kollu? Għamiltu biex tiġi ppremjata, għat-tifħir ta’ ħaddieħor, jew biex fl-aħħar tara r-riżultat li xtaqt? Għall-ewwel tħawdet ftit, fittxet sewwa ġewwa qalbha, u kienet kapaċi twieġeb b’kunfidenza, “Għamilt dan għax inħobb lis-Salvatur. U nħobb l-evanġelju tiegħu.” Il-Mulej fetaħ għajnejha u għinha tara. Din il-bidla sempliċi iżda qawwija fil-viżjoni tagħha għenitha tkompli miexja ’l quddiem bil-fidi fi Kristu, minkejja ċ-ċirkustanzi tagħha.

Jien nixhed li Ġesù Kristu jħobbna u jista’ jagħtina għajnejn li jaraw—anke meta jkun diffiċli, anke meta nkunu għajjenin, anke meta nħossuna weħidna, u anke meta r-riżultat ma jkunx li nixtiequ. Permezz tal-grazzja tiegħu, Hu jberikkna u jkabbar il-kapaċità tagħna. Permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Kristu jwassalna biex naraw lilna nfusna u naraw lil ħaddieħor kif jarana Hu. Bl-għajnuna tiegħu, nistgħu nagħrfu x’inhu l-aktar bżonnjuż. Nistgħu nibdew naraw l-influwenza tal-Mulej taħdem fid-dettalji u permezz tad-dettalji ordinarji ta’ ħajjitna—nibdew naraw b’mod profond.

Imbagħad, f’dak il-jum meraviljuż “meta lilu naraw aħna nkunu bħalu, għaliex aħna se narawh kif inhu; li aħna jkollna din it-tama”9 hija t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. 2 Slaten 6:15–17.

  2. It-tema tat-Tfajliet, ChurchofJesusChrist.org.

  3. David Brooks, “Finding the Road to Character” (diskors mogħti waqt forum fl-Università ta’ Brigham Young, 22 ta’ Ott., 2019), speeches.byu.edu.

  4. Ara Mark 5:1–15.

  5. “Hi ħaġa serja li tgħix f’soċjetà ta’ allat possibbli, li tiftakar li l-aktar persuna stramba … u xejn interessanti li tista’ titkellem magħha xi darba taf tkun kreatura li, li kieku kellek taraha issa, tiġik it-tentazzjoni li taduraha… M’hawnx nies ordinarji. … There are no ordinary people” (C. S. Lewis, The Weight of Glory [2001], 45–46).

  6. Kim B. Clark, “Encircled about with Fire” (xandira bis-satellita tas-Seminarji u l-Istituti tar-Reliġjon, 4 ta’ Aww., 2015), ChurchofJesusChrist.org.

  7. Ara Luqa 10:30–32.

  8. Moroni 7:48.

  9. Moroni 7:48; enfażi miżjuda.