Konferenza Ġenerali
Ir-Rigal Skwiżit tal-Iben
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Ir-Rigal Skwiżit tal-Iben

Permezz ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu naħarbu l-aguniji li ħaqqna ngħaddu minnhom minħabba n-nuqqasijiet morali tagħna, u negħlbu l-aguniji li ma ħaqqniex, tal-isfortuni mortali tagħna.

Is-sajf li għadda waqt li kont qed naqra l-Ktieb ta’ Mormon għal lezzjoni f’Come, Follow Me laqatni r-rapport ta’ Alma li meta sar kompletament konxju ta’ dnubietu, ma kien hemm “xejn daqstant skwiżit u daqstant morr daqs l-uġigħ li kellu.”1 Nistqarr magħkom li d-diskors dwar l-uġigħ skwiżit laqatni daqshekk minħabba l-battalja li dik il-ġimgħa kelli minħabba ġebla ta’ seba’ millimetri li kelli fil-kliewi. Mhux żgur qatt kien hawn min esperjenza daqstant “ħwejjeġ kbar” biex għaddiet ħaġa daqstant “żgħira u sempliċi.”2

Il-lingwaġġ ta’ Alma laqatni wkoll għaliex il-kelma skwiżit, fit-traduzzjoni għall-Ingliż tal-Ktieb ta’ Mormon, tipikament tiddeskrivi ħwejjeġ ta’ sbuħija eċċezzjonali jew manjifiċenza li ma bħalha. Per eżempju, Joseph Smith innota li l-anġlu Moroni libes mantell ta’ “bjuda skwiżita,” “bjuda li tisboq kull ħaġa materjali li qatt ra.”3 Madankollu skwiżit tista’ tfisser ukoll l-intensità estrema anke għal ħwejjeġ terribbli. Għaldaqstant, Alma u d-dizzjunarji ewlenin jorbtu l-frażi uġigħ skwiżit ma’ xi ħadd li qed jiġi “ittormentat,” u “ittorturat,” “b’mod tremend.”4

Id-deskrizzjoni ta’ Alma tirrifletti l-fatt reali li sa ċertu punt, il-ħtija intensa ta’ kull dnub li nikkommettu għandha tinħass. Il-ġustizzja titlobha u Alla nnifsu ma jistax jibdilha.5 Meta Alma ftakar dnubietu “kollha”—speċjalment dawk li qerdu l-fidi ta’ ħaddieħor—l-uġigħ tiegħu kien virtwalment insapportabbli, u l-idea li jrid jieqaf quddiem Alla mlietu b’“biża’ orribbli.” Hu veru xtaq li “jiġi estint fir-ruħ u l-ġisem.”6

Madankollu, Alma qal li kollox beda jinbidel il-mument li “moħħu nħakem” mill-“miġja mbassra ta’ Ġesù Kristu … biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja” u “talab f’qalbu: O Ġesù, Bin Alla, ikollok ħniena minni.” B’dak il-ħsieb u b’dik it-talba, Alma mtela b’ferħ “skwiżit” li jisboq l-uġigħ kollu tiegħu.”7

M’għandna ninsew qatt li l-veru għan tal-indiema hu li naqbdu ċerta miżerja u nittrasformawha f’hena mill-aktar safja. Grazzi għat-“tjubija immedjata” tiegħu,8 il- mument preċiż li nduru lejn Kristu—billi nuru l-fidi tagħna fih u nwettqu bidla vera f’qalbna—it-tagħbija enormi ta’ dnubietna tasal biex tgħaddi minn fuq daharna għal fuq dahru. Dan hu possibbli biss għax Hu li Hu mingħajr dnub sofra “l-agonija infinita, li ma tistax tfissirha”9 ta’ kull dnub fl-univers tal-ħolqien kollu tiegħu, ta’ kull ħolqien tiegħu—sofferenza tant severa, li d-demm ċarċar mill-pori kollha tiegħu. Minn esperjenza diretta u personali, is-Salvatur għalhekk iwiddibna, fl-iskrittura moderna, li aħna m’għandniex idea kemm se tkun “skwiżita” is- “sofferenza” tagħna jekk ma nindmux. Iżda b’ġenerożità insondabbli Hu jikkjarifika wkoll li “jiena, Alla, sofrejt dan kollu għall-bnedmin kollha, ħalli huma ma jsofrux, jekk huma jindmu”10—indiema li tippermettilna li “induqu” l-“ferħ mill-aktar kbir” li daq Alma.11 Din id-duttrina weħidha twassalni biex “nistagħġeb.”12 Madankollu, ħaġa tal-għaġeb, Kristu joffri aktar minn hekk.

Xi kultant l-uġigħ skwiżit hu riżultat mhux tad-dnub iżda ta’ żbalji onesti, tal-għemejjel ta’ ħaddieħor, jew ta’ forzi li m’għandniex kontroll fuqhom. F’dawn il-mumenti, intom tistgħu tgħidu bħas-Salmista twajjeb:

“Qalbi tinfena ġewwa fija, biża’ tal-mewt waqa’ fuqi.

“… U twerwir jaħkimni.

“… M’hux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, biex intir u mmur nistrieħ.”13

Ix-xjenza medika, il-pariri professjonali, jew xi rettifika legali jistgħu jgħinu jtaffu t-tbatija bħal din. Iżda nnotaw, ir-rigali tajbin kollha—inkluż dawn—jiġu mingħand is-Salvatur.14 Irrispettivament x’inhuma l-kawżi tal-akbar uġigħ u wġigħ il-qalb tagħna, l-aqwa sors għall-fejqan hu l-istess: Ġesù Kristu. Hu biss għandu l-qawwa sħiħa u l-balzmu li jfejjaq biex jikkoreġi kull żball, isewwi kull ħażen, jaġġusta kull imperfezzjoni, ifejjaq kull ġerħa, u jwassal kull barka mistennija. Bħax-xhieda tal-qedem, nixhed li “aħna m’għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna”15 iżda pjuttost Feddej kollu mħabba li ħalla t-tron tiegħu fis-smewwiet u ġie biex “isofri kull tip ta’ wġieħ, tbatija, u tentazzjoni … , ħalli jkun jaf … kif jgħin lill-poplu tiegħu.”16

Għalikom ilkoll illum li qed tħossu wġigħ daqstant intens jew uniku li taħsbu li ħadd ma jista’ jifhimkom verament, jista’ jkun għandkom punt. Jaf ma hemm l-ebda membru tal-familja, ħabib, jew mexxej tas-saċerdozju—hu kemm hu sensittiv u jrid jifhmek—li jaf eżatt x’qed tħoss jew li għandu l-kliem preċiż biex jgħinek tfiq. Iżda kunu afu dan: hemm xi Ħadd li jifhem perfettament dak li qed tesperjenza, li hu “aktar setgħan mid-dinja kollha”17 u li “għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu.”18 Il-proċess iseħħ bil-mod tiegħu u skont l-iskeda tiegħu, iżda Kristu jinsab dejjem lest biex ifejjaq kull uqija u aspett tal-agunija tagħkom.

Hekk kif tħalluh jagħmel dan, intom tiskopru li t-tbatija tagħkom ma kenitx għal xejn. Hekk kif beda jitkellem dwar uħud mill-akbar eroj fil-Bibbja u n-niket tagħhom, l-Appostlu Pawlu qal li “Alla … rafa’ xi ħaġa aħjar għalihom permezz tat-tbatija tagħhom, għax huma ma setgħux jaslu għall-perfezzjoni mingħajr it-tbatija.”19 Kif qed taraw, il-vera natura ta’ Alla u l-għan tal-eżistenza tagħna fid-dinja huwa l-ferħ,20 iżda aħna ma nistgħux insiru esseri perfetti b’ferħ divin mingħajr l-esperjenzi li jittestjawna, xi kultant sal-limitu tagħna. Pawlu jgħid li anke s-Salvatur innifsu sar eternament “perfett permezz tas-sofferenza.”21 Għalhekk araw li tħarsu lilkom infuskom mit-tfesfis sataniku li jgħid li kieku intom persuna aħjar, kontu tevitaw dawn it-tip ta’ sfidi.

Għandkom tirreżistu wkoll il-gidba relatata li s-sofferenza tagħkom b’xi mod tissuġġerixxi li intom tinsabu ’l barra miċ-ċirku tal-magħżulin ta’ Alla, li jidhru li jinsabu għaddejjin minn stat imbierek għall-ieħor. Minflok, ħarsu lejkom infuskom kif bla dubju rakom Ġwanni r-Rivelatur fir-rivelazzjoni majestuża tiegħu tal-aħħar żminijiet. Għax Ġwanni ra “kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, … [li] għollew leħenhom u bdew jgħidu, is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna.”22

Meta staqsa: “Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minn fejn ġejjin?” Ġwanni rċieva t-tweġiba: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.”23

Ħuti, it-tbatija fis-sewwa tgħin mhux l-aktar biex tiddistingwikom mill-magħżulin ta’ Alla, daqskemm biex tikkwalifikakom bħala l-magħżulin magħhom. U l-wegħdiet tagħhom isiru l-wegħdiet tagħkom. Kif jiddikjara Ġwanni, intom mhux se “tbatu aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimkomx, u anqas ebda għomma. Ladarba l-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħkom; u hu jwassalkom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja: u Alla jixxuttalkom kull demgħa minn għajnejkom.”24

“U ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.”25

Nixhed magħkom li permezz tat-tjubija enormi ta’ Ġesù Kristu—u l-Espjazzjoni infinita tiegħu, aħna nistgħu negħlbu l-aguniji li ħaqqna ngħaddu minnhom minħabba n-nuqqasijiet morali tagħna, u negħlbu l-aguniji li ma ħaqqniex minħabba l-isfortuni mortali. Taħt id-direzzjoni tiegħu, id-destin divin tagħkom se jkun wieħed ta’ ferħ manjifiku, inspejgabbli u bla paragun—ferħ tant intens u uniku għalikom, li l-“irmied” partikolari tagħkom isir sbuħija li “tisboq kull ħaġa materjali.”26 Biex intom idduqu dan il-ferħ f’din il-ħajja u tkunu mimlijin bih għal dejjem, nistedinkom biex tagħmlu dak li għamel Alma: araw li moħħkom jinħakem mir-rigal skwiżit tal-Iben ta’ Alla kif żvelat permezz tal-evanġelju tiegħu f’din il-Knisja vera u ħajja. F’isem Ġesù Kristu, amen.