Konferenza Ġenerali
B’Sentiment ta’ Għaqda Bejnietna Niksbu l-Qawwa ta’ Alla
konferenza ġenerali Ottubru 2020


B’Sentiment ta’ Għaqda Bejnietna Niksbu l-Qawwa ta’ Alla

Hekk kif infittxu s-sentiment ta’ għaqda, aħna nistiednu l-qawwa ta’ Alla biex jgħinna fl-isforzi tagħna.

Omm Gordon qalet lil binha li jekk hu jlesti dak li kien qed jagħmel, tgħamillu torta. Kif iħobb hu. Speċjali għalih. Gordon mar biex ilesti li kellu jagħmel, u ommu bdiet tipprepara t-torta. Oħtu l-kbira Kathy ġiet lura d-dar ma’ ħabiba tagħha. Hi rat it-torta u staqsiet jekk hi u ħabibtha setgħux jieħdu biċċa.

“Le,” qal Gordon, “din it-torta tiegħi. Il-mammi sajritha għalija, u kelli naħdem għaliha.”

Kathy ħarset b’herra lejn ħuha ż-żgħir. Veru kien tifel egoist li ma jafx ikun ġeneruż. Kif jista’ jkun li kien se jikolha kollha waħdu?

Sigħat wara meta Kathy fetħet il-bieb tal-karozza biex twassal lil seħbitha d-dar, sewwasew fuq is-sit kien hemm żewġ srievet mitwijin pulit, b’żewġt ifrieket fuqhom, u żewġ biċċiet torta fuq platt kull waħda. Kathy qalet din l-istorja waqt il-funeral ta’ Gordon biex turi kemm kien lest jinbidel u jkun ġeneruż ma’ dawk li mhux dejjem jistħoqqilhom.

Fl-1842, il-Qaddisin kienu qed jaħdmu iebes biex jibnu t-Tempju ta’ Nauvoo. Wara li f’Marzu twaqqfet is-Soċjetà tal-Għajnuna, il-Profeta Joseph spiss kien imur il-laqgħat tagħhom biex iħejjihom għall-patti sagri u unifikanti li dalwaqt kienu se jagħmlu fit-tempju.

Fid-9 ta’ Ġunju, il-Profeta “qal li kien se jitkellem dwar il-ħniena. Ejjew ngħidu li Ġesù Kristu u l-anġli kellhom joġġezzjonaw magħna dwar ħwejjeġ frivoli, kieku xi jsir minna? Jeħtieġ nuru l-ħniena u nagħlqu għajnejna għall-affarijiet żgħar.” Il-President Smith kompla, “Inħossni nitnikket li m’hawnx aktar għaqda bejnietkom—li jekk waħda minnkom issofri tħossuha lkoll—bis-sentiment ta’ għaqda niksbu l-qawwa ta’ Alla.”1

Dik is-sentenza qasira laqtitni bħal sajjetta. B’sentiment ta’ għaqda aħna niksbu l-qawwa ta’ Alla. Din id-dinja mhijiex kif nixtieqha jien. Hemm ħafna affarijiet li nixtieq ninfluwenza u ntejjeb. U frankament, nara ħafna oppożizzjoni għal dak li nittama għalih, u xi kultant inħossni verament vulnerabbli. Dan l-aħħar, bdejt nistaqsi lili nnifsi għadd ta’ mistoqsijiet provokanti: Kif nista’ nifhem aħjar lin-nies ta’ madwari? Kif nista’ noħloq “sentiment ta’ għaqda” meta aħna lkoll daqstant differenti? X’qawwa minn Alla nkun nista’ naċċessa jekk inkun ftit aktar magħquda mal-oħrajn? Mill-evalwazzjoni li għamilt, għandi dawn it-tliet suġġerimenti. Forsi jistgħu jgħinu lilkom ukoll.

Uru l-Ħniena

Jacob 2:17 jgħid, “Ħarsu lejn ħutkom qiskom qed tħarsu lejkom infuskom, u kunu familjari ma’ kulħadd u aqsmu magħhom il-ġid tagħkom, biex huma jkunu sinjuri bħalkom.” Ejjew nibdlu l-kelma ġid mal-kelma ħniena—aqsmu magħhom il-ħniena tagħkom biex huma jkunu sinjuri bħalkom.

Ħafna drabi nħarsu lejn il-ġid f’termini ta’ ikel jew flus, iżda jista’ jkun li dak li lkoll neħtieġu aktar fil-ministeru tagħna hija l-ħniena.

Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tiegħi m’ilux qaltilna: “Il-ħaġa li jien … inwegħidkom … hi li se nipproteġi isimkom. … Inħares lejkom għal dak li intom fl-aqwa tagħkom. … Qatt mhu se ngħid xi ħaġa ħażina dwarkom, xi ħaġa li mhux se televakom. Nitlobkom tagħmlu l-istess għalija għax inħossni veru mwerwra, frankament, li nista’ niddiżappuntakom.”

Joseph Smith qal lill-aħwa nisa f’dak il-jum ta’ Ġunju 1842:

“Meta n-nies juru l-iċken att ta’ ħniena u mħabba lejja, O x’effet dan iħalli fuq moħħi. …

“… Aktar ma nersqu viċin ta’ Missierna fis-Smewwiet, aktar aħna inklinati li nħarsu b’kompassjoni lejn l-erwieħ mitlufa—[inħossu li rridu] nġorruhom fuq spallejna u nitfgħu dnubiethom wara darna. [Id-diskors tiegħi hu intenzjonat għal] din is-Soċjetà kollha—jekk tridu li Alla juri l-ħniena magħkom, uru l-ħniena bejnietkom.”2

Dan kien parir speċifikament għas-Soċjetà tal-Għajnuna. Ejjew ma niġġudikawx lil xulxin jew inweġġgħu lil xulxin bi kliemna. Ejjew nipproteġu l-ismijiet ta’ xulxin u noffru r-rigal tal-ħniena.3

Aqdfu d-Dgħajsa b’ Ritmu Perfett

Fl-1936, tìm mhux magħruf tal-qdif mill-Università ta’ Washington mar il-Ġermanja biex jieħu sehem fil-Logħob Olimpiku. Kien fl-eqqel tad-Dipressjoni l-Kbira. Dawn kienu ġuvintur minn familji ta’ ħaddiema fejn in-nies tal-villaġġi żgħar tagħhom magħrufin għall-minjieri ġabru beniethom ftit flus ħalli jkunu jistgħu jmorru Berlin. Kull aspett tal-kompetizzjoni kien jidher li se jaħdem kontrihom, iżda fit-tellieqa ġara xi ħaġa. Fid-dinja tal-qdif, isejħulha “ritmu perfett.” Isimgħu din id-deskrizzjoni bbażata fuq il-ktieb Il-Ġuvintur fid-Dgħajsa:

Hemm xi ħaġa li kultant isseħħ li diffiċli tiksibha u tiddefinixxiha. Tissejjaħ “ritmu perfett.” Tiġri biss meta l-qaddiefa kollha jaqdfu b’ritmu perfett fejn l-ebda azzjoni ma tkun differenti mill-kumplament.

Il-qaddiefa jeħtieġ jikkontrollaw l-indipendenza kompetittiva tagħhom u fl-istess ħin jibqgħu leali lejn il-kapaċitajiet individwali tagħhom. It-tlielaq ma jintrebħux minn nies tat-terrakotta. Tìm tajjeb magħmul minn taħlita tajba—xi ħadd biex imexxi t-tìm, xi ħadd li jkun lest għall-mument opportun, xi ħadd biex jagħmel dak id-daqsxejn sforz żejjed, xi ħadd li jżomm l-għaqda. L-ebda qaddief mhu aktar importanti minn ieħor, kollha huma importanti għad-dgħajsa, iżda jekk iridu jaqdfu tajjeb flimkien, ilkoll se jkollhom jaġġustaw ruħhom għall-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-oħrajn—dak ta’ driegħu iqsar jiġġebbed ftit aktar, dak ta’ driegħu itwal jersaq aktar viċin.

Id-differenzi nistgħu nużawhom bħala vantaġġ minflok żvantaġġ. Hu biss jekk nagħmlu dan li d-dgħajsa tispiċċa qisha miexja weħidha. Hu biss jekk nagħmlu dan li l-uġigħ iħallina u minflok nimtlew bil-ferħ. “Ir-ritmu perfett” qisu xi poeżija.4

Kontra numru ta’ ostakli mill-aktar kbar, dan it-tìm sab ir-ritmu perfett tiegħu u rebaħ. Ir-rebħ tal-deheb Olimpiku kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn, iżda l-għaqda li kull qaddief esperjenza dak inhar kien mument qaddis li baqa’ magħhom tul ħajjithom.

Eħilsu mill-Ħażin Qabel ma Jikber it-Tajjeb

Fl-allegorija skwiżita li nisbu f’ Jacob 5, Sid l-għalqa ħawwel siġra tajba f’art tajba, iżda maż-żmien ħżienet u tat frott selvaġġ Sid l-għalqa jgħid tmien darbiet: “Inħossni nitnikket nara din is-siġra tintilef.”

Il-qaddej jgħid lil Sid l-għalqa: “Agħtiha ftit ċans ieħor lis-siġra. U s-Sid jgħid: Iva, se nagħtiha ftit aktar ċans.”5

Imbagħad jgħidilna xi ħaġa li tista’ tapplika għalina lkoll li qed nippruvaw inħaffru madwarna biex infittxu li nsibu frott tajjeb fl-għelieqi tagħna: “Araw li teħislu mill-frott il-ħażin biex ikun jista’ jikber it-tajjeb.”6

L-għaqda ma sseħħx b’mod maġiku; jeħtieġ nagħmlu xi ħaġa. Jeħtieġ naħdmu għaliha, xi kultant b’mod skomdu, u sseħħ gradwalment meta nneħħu l-ħażin qabel ma jikber it-tajjeb.

Aħna qatt mhu se nkunu weħidna fl-isforzi tagħna li noħolqu l-għaqda. Jacob 5 ikompli, “Il-qaddejja marru u ħadmu kemm setgħu; u Sid l-għalqa ħadem ukoll magħhom.”7

Ilkoll kemm aħna se nesperjenzaw ċerti esperjenzi mill-aktar diffiċli, affarijiet li qatt ma nistennewhom iseħħu. Ilkoll kemm aħna wkoll, f’mumenti varji, nippermettu s-suppervja u l-kburija jikkorrompu lill-frott li nagħmlu. Iżda Ġesù Kristu hu s-Salvatur tagħna f’kollox. Il-qawwa tiegħu tilħaq sal-qiegħ nett u tinsab disponibbli għalina lkoll meta nersqu lejh. Aħna lkoll nittallbu għall-ħniena għad-dnubiet u l-fallimenti tagħna. Huwa joffrihielna b’xejn. U jitlobna jekk nistgħux noffru l-istess ħniena u sensittività lil xulxin.

Ġesù qalilna dan bla tlaqliq: “Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”8 Iżda jekk inkunu ħaġa waħda—jekk nistgħu noffru biċċa mit-torta tagħna jew ngħaqqdu flimkiem it-talenti individwali tagħna ħalli d-dgħajsa tkun tista’ timxi b’ritmu perfett—allura aħna tiegħu. U Hu jgħinna nneħħu l-ħażin qabel ma jikber it-tajjeb.

Wegħdi Profetiċi

Jista’ jkun li għadna ma ninsabux fejn nixtiequ nkunu, u bħalissa m’aħniex qegħdin fejn għad inkunu. Nemmen li l-bidla li qed infittxu fina u fil-gruppi li nifformaw parti minnhom se sseħħ mhux billi nkunu aktar attivi iżda billi b’mod attiv nippruvaw kull jum nifhmu lil xulxin. Għalfejn? Għaliex aħna qed nibnu Sijon—poplu “ ta’ qalb waħda u moħħ wieħed.”9

Bħala nisa tal-patt, għandna influwenza kbira. Dik l-influwenza tapplika f’mumenti ta’ kuljum f’ħajjitna, bħal meta nkunu qed nistudjaw ma’ xi ħabiba, inpoġġu t-tfal fis-sodda, nitkellmu ma’ xi ħadd bilqiegħda ħdejna fuq tal-linja, jew inħejju xi preżentazzjoni ma’ xi kollega. Aħna għandna l-qawwa li nwarrbu kull preġudizzju u nibnu l-għaqda.

Is-Soċjetà tal-Għajnuna u t-Tfajliet mhumiex sempliċiment klassijiet. Jistgħu jkunu wkoll esperjenzi li ma jintesewx fejn nisa mill-aktar differenti jidħlu kollha fl-istess dgħajsa u jibdew jaqdfu sakemm ilkoll flimkien jirnexxielna nsibu ritmu perfett. Se noffrilkom din l-istedina: kunu parti minn forza kollettiva li tibdel lid-dinja għall-aħjar. L-essajnment pattwali tagħna hu li nimministraw, li ngħinu lil min hu batut, li nġorru fuq daharna jew f’dirgħajna lil min qed isibha diffiċli. Mhijiex xi ħaġa kkumplikata x’għandna nagħmlu, iżda ħafna drabi tmur kontra l-interessi egoisti tagħna u jeħtieġ nagħmlu sforz. In-nisa ta’ din il-Knisja għandhom potenzjal bla limitu biex jibdlu s-soċjetà. Jien għandi kunfidenza spiritwali sħiħa li, hekk kif infittxu s-sentiment ta’ għaqda, aħna nistiednu l-qawwa ta’ Alla biex jgħinna fl-isforzi tagħna.

Meta l-Knisja fakkret ir-rivelazzjoni tal-1978 dwar is-saċerdozju, il-President Russell M. Nelson estenda barka profetika mill-aktar qawwija: “Hi t-talba u l-barka tiegħi li se nħalli fuqkom kollha li qed tisimgħuni li aħna nkunu nistgħu negħlbu kull piż ta’ preġudizzju u nimxu bla ħtija quddiem Alla —u bejnietna—f’paċi u armonija perfetta.”10

Jalla nagħtu każ din il-barka profetika u nużaw l-isforzi individwali u kollettivi tagħna biex inkabbru l-għaqda fid-dinja. Inħallikom bit-testimonjanza tiegħi permezz ta’ kliem it-talba umli u eterna tal-Mulej Ġesù Kristu: “Li jkunu lkoll ħaġa waħda; kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”11 F’isem Ġesù Kristu, amen.