Konferenza Ġenerali
Ittamaw fil-Mulej
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Ittamaw fil-Mulej

Il-fidi tfisser tafda f’Alla fi żmijiet tajbin u dawk ħżiena, anki jekk dak jinkludi xi ftit sofferenza sakemm naraw drigħu f’ħajjitna.

Għeżież ħuti, ilkoll kemm aħna ninsabu fuq ix-xwiek—ħadd iżjed minni—biex nisimgħu r-rimarki tal-konklużjoni mingħand il-maħbub profeta tagħna, President Russell M. Nelson. Din kienet konferenza meraviljuża, imma hija t-tieni darba li l-imxija tal-COVID-19 ma ħallitniex niltaqgħu, kif tradizzjonalment nagħmlu. Tant aħna mxebbgħin minn din il-marda tittieħed li kważi rridu nqattgħu xagħarna. Milli jidher, uħud minn Ħuti diġà għamlu dan. Nixtieqkom tkunu tafu li aħna tabilħaqq nitolbu kontinwament għal dawk li ntlaqtu b’xi mod jew ieħor, speċjalment għal dawk li tilfu xi maħbubin tagħhom. Kulħadd jaqbel li din ilha sejra wisq, wisq żmien.

Kemm irridu ndumu biex jasal is-serħan mit-tbatijiet li jiġu fuqna? U xi ngħidu għal meta nkunu għaddejjin minn xi għawġ personali u, nistennew kemm nistennew, l-għajnuna donnha qatt matasal? Għala l-istennija meta l-piżijiet jidhru iktar tqal milli nistgħu nifilħu.

Aħna u nistaqsu mistoqsijiet bħal dawn, kapaċi nisimgħu, jekk nippruvaw, il-karba ta’ raġel ieħor li tidwi minn ċella umda u mudlama f’qiegħ ta’ ħabż matul waħda mill-iktar xtiewi kesħin li kien qatt ġarrab dak il-post.

“O Alla, fejn int?” nisimgħu mill-qigħan taċ-Ċella ta’ Liberty. “U fejn hu l-għarix li jgħatti fejn tistaħba? Kemm se ddum tarana nsofru?”1 Kemm se ddum, O Mulej, Kemm se ddum?

Mela, m’aħniex l-ewwel u lanqas se nkunu l-aħħar li nistaqsu mistoqsijiet bħal dawn meta n-niket jgħattan fuqna jew weġgħa f’qalbna ma tnin qatt. Minix nitkellem issa dwar pandemiji jew priġuneriji iżda dwarek, dwar familtek, u dwar qrabatek, li tħabbtu wiċċkom ma’ bosta sfidi bħal dawn. Qed nitkellem dwar ix-xenqa ta’ ħafna li jixtiequ li jkunu miżżewġin u mhumiex jew li huma miżżewġin u jixtiequ li r-relazzjoni tagħhom hija ftit iktar ċelestjali. Qed nitkellem dwar dawk li jkollhom jitqabdu malli tfeġġ xi kondizzjoni medika serja xejn mixtieqa—forsi waħda bla fejqan—jew li jikkumbattu battalja tull ħajjithom kollha ma’ difett ġenetiku li m’ghandux rimedju. Qed nitkellem dwar it-taqbida kontinwa ma’ sfidi emozzjonali u mentali li tant jifnu lir-ruħ ta’ ħafna li jbatu bihom, u lill-qalb ta’ dawk li jħobbuhom u jbatu magħhom. Qed nitkellem dwar il-fqar, li s-Salvatur qalilna m’għandna ninsew qatt, u qed nitkellem dwarek li qed tistenna r-ritorn ta’ wildek, tkun xi tkun l-età tiegħu jew tagħha, li għażel mogħdija differenti minn dik li inti tlabt li jimxi fuqha.

Barra minn hekk, naf tajjeb li anki din il-lista twila ta’ affarjiet li għalihom jaf ikollna nistennew personalment lanqas tibda biex tindirizza l-problemi kbar ekonomiċi, politiċi, u soċjali li jikkonfrontawna kollettivament. M’għandniex xi ngħidu, Missierna fis-Smewwiet jistenna minna li nindirizzaw, mhux biss il-kwistjonijiet personali tagħna, imma anki dawk tant preokkupanti fl-isfera pubblika; iżda jiġi żmien f’ħajjitna meta anki l-aqwa sforzi spiritwali tagħna u talbna, mimli ħrara u ħerqa, xorta ma jwasslux għat-trijonf li nkunu xxennaqna għalih, sew jekk kien rigward kwistjonijiet kbar globali, sew jekk dwar dawk personali. Mela sakemm naħdmu u nistennew flimkien għat-tweġibiet lil uħud mit-talbiet tagħna, jien noffrilkom il-wegħda appostolika tiegħi li huma jiġu mismugħin u jiġu mwieġba, għalkemm forsi mhux fiż-żmien u bil-mod li ridna aħna. Imma huma dejjem mwieġba f’tali żmien u b’tali mod kif għandu jweġibhom ġenitur omnixxenti u eternament ħanin. Għeżież ħuti, nitlobkom tifhmu li Hu li qatt ma jorqod jew jogħnos2 jixtieq il-hena u l-eżaltazzjoni aħħarija ta’ wliedu aktar minn dak kollu li esseru divin għandu jagħmel. Huwa lmħabba pura, glorjożament ippersonifikata, u Missier Ħanin huwa l-isem Tiegħu.

“Jekk huwa kif qed tgħidilna inti,” forsi tgħiduli, “ma jistgħux l-imħabba u l-ħniena tiegħu sempliċiment jisseparaw lill-Ibħra Ħomor personali tagħna u jħalluna nimxu minn qalb l-inkwiet tagħna fuq art nixfa? Ma jmissux jibgħat lill-gawwi tas-seklu 21 jittajru minn x’imkien sabiex jibilgħu f’daqqa lill-grillijiet fitti tas-seklu 21?”

It-tweġiba lill-mistoqsijiet bħal dawn hija “Iva, Alla jista’ jipprovdi mirakli instantanjament, imma xi darba jew oħra nitgħallmu li ż-żminijiet u l-istaġuni tal-vjaġġ mortali tagħna huma Tiegħu u Tiegħu biss biex imexxihom.” Huwa jamministra dak il-kalendarju lil kull wieħed u waħda minna individwalment. Għal kull raġel marid mfejjaq f’daqqa waqt li jistenna biex jidħol fil-Menqgħa ta’ Betżada,3 xi ħadd ieħor se jqatta’ 40 sena fid-deżert jistenna biex jidħol l-art imwiegħda.4 Għal kull Nefi u Leħi protetti divinament b’ċirku ta’ nar jaqbad għall-fidi tagħhom,5 aħna għandna Abinadi marbut u mogħti n-nar għall-fidi tiegħu.6 U niftakru li dak l-istess Elija li f’mument sejjaħ in-nar mis-smewwiet bħala xhieda kontra l-qassisin ta’ Bagħal7 huwa l-istess Elija li bata perjodu ta’ snin sħaħ bla xita u li, għal xi żmien, ġie mitmugħ biss daqsxejn ikel b’kemm tista’ ġġor ċawla bejn difrejha.8 Fl-opinjoni tiegħi, dak bl-ebda mod ma konna se nsejħulu “happy meal.”

Il-punt? Il-punt hu li l-fidi tfisser tafda f’Alla fi żmijiet tajbin u dawk ħżiena, anki jekk dak jinkludi xi ftit sofferenza sakemm naraw drigħu f’ħajjitna.9 Dan jista’ jkun diffiċli fid-dinja moderna tagħna meta ħafna saru jemmnu li l-ikbar ġid fil-ħajja huwa tevita kull tbatija, li ħadd m’għandu qatt isofri dwar xi ħaġa.10 Imma dik il-fehma qatt mhu se twassalna għal “l-għarfien tal-istatura tal-milja ta’ Kristu.11

B’apoloġija lill-Presbiteru Neal A. Maxwell talli qed nażżarda nibdel u nkabbar xi ħaġa li darba qal hu, jien ukoll tal-fehma li “il-ħajja ta’ xi ħadd … ma tistax tkun kollha fidi u fl-istess ħin bla stress.” Ma nistgħux nippretendu “li ngħaddu ħelu ħelu mill-ħajja,” filwaqt li ngħidu, aħna u ngawdu tazza limonata wara l-oħra, “Mulej, agħtini l-aqwa virtuwijiet tiegħek, imma qis ukoll li la tagħtini niket, la dwejjaq, la uġigħ, u lanqas oppożizzjoni. Jekk jogħġbok tħalli lil ħadd isir ma jħobbnix jew li jittradini, u fuq kollox, qatt tħalli li nħossni abbandunat minnek jew minn dawk li nħobb. Infatti, Mulej, ara li toqgħod attent biex tbegħidni mill-esperjenzi kollha li għamlu Lilek divin. Imbagħad, meta l-oħrajn ikunu temmew il-ġirja perikoluża tagħhom, jekk jogħġbok, ħallini niġi u ngħix miegħek, fejn nista’ niftaħar kemm saħħitna u l-karattri tagħna huma simili waqt li ntir kollni hena fuq li sħaba tiegħi ta’ Kristjanità komfortabbli.”12

Ħuti l-għeżież, il-Kristjanità toffri komfort, imma spiss mhix komfortabbli. Il-mogħdija lejn il-qdusija, f’din il-ħajja u f’li ġejja, hija twila u kultant mimlija blat. Tieħu ż-żmien u t-tenaċità biex timxiha. Iżda, m’għandniex xi ngħidu, il-premju talli tkun għamiltha huwa monumentali. Din il-verità hija mgħallma b’mod ċar u persważiv fit- 32 kapitlu ta’ Alma fil-Ktieb ta’ Mormon. Hemmhekk dan il-glorjuż qassis il-kbir jgħallem li jekk il-kelma ta’ Alla tinżera’ f’qalbna bħal żerriegħa ċkejkna, u jekk nagħtu biżżejjed kasha billi nisquha l-ilma, nożbruha, nitimgħuha nutrimenti, u nqawwuha, hi fil-ġejjieni se tagħti l-frott “li hu mill-iktar prezzjuż, … ħelu iktar minn dak kollu li hu ħelu,” li meta jittiekel ma jkunx hemm iktar għatx u ma jkunx hemm iktar ġuħ.13

Bosta huma l-lezzjonijiet li jwassal dan il-kapitlu impressjonanti, iżda fil-qalba tagħhom insibu l-prinċipju li ż-żerriegħa trid tiġi mitmugħa u li aħna jeħtiġilna nistennew biex tikber; aħna “[inħarsu] ’il quddiem b’għajnejn il-fidi għall-frott tagħha.”14 Il-ħsad tagħna, jgħid Alma, jasal “xi darba.”15 Ma nistagħġbux li jtemm it-tagħlima impressjonanti tiegħu billi jirrepeti għal tliet darbiet l-amar għad- diliġenza u l- paċenzja aħna u ngħajxu l-kelma ta’ Alla f’qalbna, “aħna u nistennew,” kif jgħid, bis- “sabar … sabiex is-siġra tagħtik il-frott.”16

COVID u kanser, dubju u diżappunt, inkwiet finanzjarju u għawġ fil-familja. Meta se jintrefgħu dawn il-piżijiet? It-tweġiba hija“xi darba.”17 U hux se jkun perjodu qasir, hux wieħed twil, mhux dejjem sta għalina li ngħiduh, iżda bil-grazzja ta’ Alla, il-barkiet se jiġu lil dawk li jżommu sod mal-evanġelju ta’ Ġesù Kistu. Dik il-problema ġiet riżolta fi ġnien privat ħafna u fuq għolja mill-aktar pubblika f’Ġerusalemm ħafna żmien ilu.

Kif issa nisimgħu lill-profeta għażiż tagħna jagħlaq din il-konferenza, ħalli niftakru, kif Russell Nelson wera tul ħajtu kollha, li dawk li “jittamaw fil-Mulej se jġeddu saħħithom [u] se jittajru bil-ġwienaħ bħal ajkli; se jiġru, bla ma jegħjew; … se jimxu, bla ma jintelqu.”18 Nitlob li “xi darba”—fil-qrib jew fil-bogħod—dawk il-barkiet jaslu fuq kull wieħed u waħda minnkom li qed tfittxu serħan min-niket tagħkom u ħelsien mid-dulur. Jien xhud tal-imħabba ta’ Alla u tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju glorjuż tiegħu, li huwa, b’xi mod jew ieħor, it-tweġiba ta’ kull problema li niffaċċjaw fil-ħajja. Fl-isem fejjiedi tal-Mulej Ġesù Kistu, amen.