Aħwa Nisa f’Sijon
Intom se tkunu forza essenzjali fil-ġabra ta’ Iżrael u fil-ħolqien ta’ poplu ta’ Sijon.
Għeżież ħuti, inħossni mbierek li se nkellimkom waqt dan iż-żmien meraviljuż fl-istorja tad-dinja. Kuljum, qed nersqu aktar viċin tal-mument glorjuż meta s-Salvatur, Ġesù Kristu, se jerġa’ jiġi fid-dinja. Aħna nafu xi ħaġa dwar l-avvenimenti terribbli li se jseħħu qabel il-miġja tiegħu, madankollu qlubna mimlijin ukoll ferħ u kunfidenza għax nafu dwar il-wegħdiet glorjużi li se jiġu fis-seħħ qabel ir-ritorn tiegħu.
Bħala wlied maħbubin ta’ Missierna fis-Smewwiet, u bħala wlied il-Mulej Ġesù Kristu fis-saltna tiegħu,1 intom se jkollkom parti kruċjali fiż-żminijiet importanti li ġejjin. Nafu li s-Salvatur se jiġi għand poplu li nġabar flimkien u tħejja biex jgħix kif kienu jgħixu n-nies fil-belt ta’ Ħenok. In-nies hemmhekk kienu magħqudin fil-fidi f’Ġesù Kristu u kienu saru tant safja li spiċċaw ttieħdu fis-smewwiet.
Din hi d-deskrizzjoni żvelata tal-Mulej dwar x’se jiġri min-nies ta’ Ħenok u x’se jiġri f’din l-aħħar dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet:
“U jasal il-jum li d-dinja tistrieħ, iżda qabel dak il-jum is-sema se tiddallam, u velu ta’ dlam se jiksi lid-dinja; u s-smewwiet se jitheżżu, kif ukoll id-dinja; u se jkun hemm taħbit kbir fost ulied il-bnedmin, iżda jien se nippreserva l-poplu tiegħi;
“U t-tjieba jiena se nibgħat mis-smewwiet; u l-verità se nibgħat mid-dinja, biex jixhdu dwar l-Iben Waħdieni tiegħi; dwar il-qawmien tiegħu mill-imwiet; iva, kif ukoll dwar il-qawmien mill-imwiet tal-bnedmin kollha; u t-tjieba u l-verità jiena nwassal biex jgħaddu minn fuq id-dinja bħal dilluvju, biex jiġbru l-magħżulin tiegħi mill-erba’ rkejjen tad-dinja, f’post li jiena sejjer inħejji, Belt Qaddisa, biex il-poplu tiegħi jitħażżem sew, u jħares ’il quddiem għal żmien il-miġja tiegħi; għax hemm se ngħammar jiena, u se tissejjaħ Sijon, Ġerusalemm il-Ġdida.
“U l-Mulej qal lil Ħenok: Imbagħad inti u l-belt kollha tiegħek se tiltaqgħu magħhom hemm, u aħna nilqgħuhom għandna, u huma se jkunu jistgħu jarawna; u aħna se ngħannquhom magħna waħda sew, u huma se jgħannquna magħhom waħda sew, u nbusu lil xulxin;
“U hemm se ngħammar jien, u din se tkun Sijon, li se tinbena mill-ħolqien kollu li jiena ħlaqt; u għal perjodu ta’ elf sena d-dinja se tistrieħ.”2
Intom, O aħwa nisa, kif ukoll uliedkom u n-neputijiet il-bniet tagħkom, u n-nisa li rawwimtu se tkunu fil-qalba tal-ħolqien ta’ dik is-soċjetà ta’ nies li se jingħaqdu f’assoċjazzjoni glorjuża mas-Salvatur. Intom se tkunu forza essenzjali fil-ġabra ta’ Iżrael u fil-ħolqien ta’ poplu ta’ Sijon li se jgħammar fil-paċi ġo Ġerusalemm il-Ġdida.
Permezz tal-profeti tiegħu, il-Mulej għamlilkom wegħda. Fl-ewwel żminijiet tas-Soċjetà tal-Għajnuna, il-Profeta Joseph Smith qal lill-aħwa nisa, “Jekk tgħixu denji tal-privileġġi tagħkom, l-anġli ma jżommux lura milli jkunu l-imsieħba tagħkom.”3
Dak il-potenzjal meraviljuż jinsab fikom, u intom qed titħejjew għalih.
Il-President Gordon B. Hinckley qal:
“Intom in-nisa … m’għandkomx post inferjuri fil-pjan ta’ Missierna għall-ferħ etern u l-benesseri ta’ wliedu. Intom parti mill-aktar essenzjali ta’ dak il-pjan.
“Mingħajrkom il-pjan ma jistax jiffunzjona. Mingħajrkom il-programm sħiħ ma jaħdimx. …
“Kull waħda minnkom hija bint Alla, iddotata b’primoġenitura divina.”4
Il-profeta kurrenti tagħna, il-President Russell M. Nelson, iddeskriva b’dan il-mod il-parti li se jkollkom fi tħejjija għall-miġja tas-Salvatur:
“Se tkun ħaġa impossibbli li nkejlu l-influwenza li … in-nisa għandhom, mhux biss fuq il-familji iżda wkoll fuq il-Knisja tal-Mulej, bħala nisa miżżewġin, ommijiet, u nanniet; bħala aħwa u zijiet; bħala għalliema u mexxejja; u speċjalment bħala nies eżemplari u difensuri devoti tal-fidi.
“Nistgħu ngħidu li dan kien minnu f’kull dispensazzjoni tal-evanġelju minn żmien Adam u Eva. Madankollu n-nisa ta’ din id-dispensazzjoni huma distinti min-nisa ta’ kull dispensazzjoni oħra għax din id-despensazzjoni hi distinta mill-oħrajn kollha. Din id-distinzjoni ġġib magħha kemm privileġġi kif ukoll responsabbiltajiet.”5
Din id-dispensazzjoni hi distinta fis-sens li l-Mulej se jmexxina biex insiru mħejjija ħalli nkunu bħall-belt ta’ Ħenok. Hu ddeskriva permezz tal-appostli u l-profeti tiegħu x’se tkun tfisser dik it-trasformazzjoni għall-poplu ta’ Sijon.
Il-Presbiteru Bruce R. McConkie għallem:
“Żmien Ħenok kien żmien ta’ ħażen, żmien ta’ dlam u ribelljoni, żmien ta’ gwerra u ħerba, żmien li wassal għat-tindif tad-dinja permezz tal-ilma.
“Ħenok, madankollu, kien fidil. Hu ‘ra lill-Mulej,” u tkellem miegħu ‘wiċċ imb wiċċ’ kif bniedem jitkellem ma’ ieħor. (Moses 7:4.) Il-Mulej bagħtu biex ixandar l-indiema lid-dinja, u kkummissjonah biex ‘jgħammed fl-isem tal-Missier u tal-Iben, li hu mimli bil-grazzja u l-verità, u tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti xhieda tal-Missier u tal-Iben.’ (Moses 7:11.) Ħenok għamel ċerti patti u ġabar flimkien kongregazzjoni ta’ nies li jemmnu verament, li lkoll kemm huma tant saru fidili li ‘il-Mulej ġie u għammar mal-poplu tiegħu, u huma għammru fis-sewwa,’ u ġew imberkin mill-għoli. ‘U l-Mulej sejjaħ lill-poplu tiegħu Sijon, għaliex huma kienu ta’ qalb waħda u moħħ wieħed, u għammru flimkien fi tjubija; u fosthom ma kienx hemm foqra.’ (Moses 7:18.) …
“Wara li l-Mulej sejjaħ lill-poplu tiegħu Sijon, l-iskrittura tgħid li Ħenok ‘bena belt li kienet tissejjaħ Belt il-Qdusija, sewwasew Sijon;’ li Sijon ‘ittieħdet fis-smewwiet’ fejn ‘Alla laqagħha għandu;” u “minn dak iż-żmien ’l hawn baqa’ jingħad li Sijon ittieħdet.’ (Moses 7:19, 21, 69.) …
“L-istess Sijon li ttieħdet fis-smewwiet għad terġa’ lura … meta l-Mulej jerġa’ jistabbilixxi Sijon, u l-abitanti tagħha se jingħaqdu ma’ Ġerusalemm il-ġdida, li mbagħad se tiġi stabbilita.”6
Jekk il-passat huwa l-prologu, fi żmien it-tieni miġja tas-Salvatur, l-ulied nisa li huma verament leali lejn il-patti tagħhom ma’ Alla se jkunu aktar minn nofs dawk li huma mħejjija biex jilqgħuh meta Huwa jiġi. Iżda hu x’inhu n-numru, il-kontribut tagħkom f’li toħolqu l-għaqda fost il-poplu mħejji għal Sijon se jkun ferm akbar minn nofs.
Ħa ngħidilkom għalfejn nemmen li se jkun hekk. Il-Ktieb ta’ Mormon jagħti rakkont tal-poplu ta’ Sijon. Tiftakru li kien wara li huma ġew mgħallmin, maħbubin, u mberkin mis-Salvatur imqajjem mill-imwiet li “ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’qalb il-poplu.”7
L-esperjenza tiegħi għallmitni li l-ulied nisa ta’ Missierna fis-Smewwiet għandhom don kif itaffu t-tilwim u jippromwovu s-sewwa permezz tal-imħabba li għandhom lejn Alla u permezz tagħha jiżirgħu xi ħaġa speċjali f’dawk li jservu.
Dan rajtu fiż-żogħżija tiegħi meta l-fergħa ċkejkna tagħna konna niltaqgħu fid-dar fejn trabbejt. Jien u ħija konna l-uniċi tnejn li nħaddnu s-Saċerdozju ta’ Aaron, u missieri l-uniku raġel li jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek. Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-fergħa kienet membru ġdid li żewġha ma tantx kien kuntent bis-servizz tagħha fil-Knisja. Il-membri kienu kollha aħwa nisa anzjani li f’darhom ma kellhom lil ħadd li jħaddan is-saċerdozju. Jiena osservajt lil ommi u lil dawk l-aħwa nisa jħobbu, jgħinu, u jieħdu ħsieb xulxin bla kompromess. Issa nirrealizza li jien kont qed nara b’għajnejja kif probabbilmet se jkun Sijon.
It-tagħlim li ħadt dwar l-influwenza ta’ nisa fidili kompla fil-fergħa żgħira tal-Knisja ġewwa Albuquerque, New Mexico. Kont nosserva lill-mara tal-president tal-fergħa, lill-mara tal-president tad-distrett, u lill-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna jilqgħu b’imħabba lil kull viżitatur u membru ġdid. Il-Ħadd ta’ meta tlaqt minn Albuquerque, wara sentejn nosserva l-influwenza tal-aħwa nisa f’dak il-post, inħoloq l-ewwel wited. Illum il-Mulej poġġa tempju f’nofshom.
Wara mort noqgħod Boston, fejn servejt fil-presidenza tad-distrett li kienet tippresedi fuq il-fergħat żgħar mifruxin madwar żewġ stati. Kien hemm ċertu tilwim li aktar minn darba ġie risolt permezz ta’ nisa kollha mħabba u maħfra li għenu biex il-qlub jirtabu. Il-Ħadd ta’ meta tlaqt minn Boston, membru tal-Ewwel Presidenza organizza l-ewwel wited f’Massachusetts. Illum hemm tempju hemmhekk, viċin ta’ fejn darba kien joqgħod il-president tad-distrett. Hu kien ġie megħjun biex reġa’ sar attiv fil-Knisja u wara ssejjaħ biex iservi bħala president tal-wited u mbagħad president tal-missjoni, influwenzat mill-mara kollha mħabba u fidila tiegħu.
L-aħwa, intom ġejtu mogħtija l-barka li tkunu wlied nisa ta’ Alla b’doni speċjali. Intom ġibtu magħkom f’din il-ħajja mortali kapaċità spiritwali li tieħdu ħsieb ħaddieħor u televawhom aktar ’il fuq lejn l-imħabba u s-safa li tikkwalifikahom biex jgħixu flimkien fis-soċjetà ta’ Sijon. Mhijiex kumbinazzjoni li s-Soċjetà tal-Għajnuna, l-ewwel organizzazzjoni tal-Knisja speċifikament għall-ulied nisa ta’ Missierna fis-Smewwiet, għandha bħala l-motto tagħha “Il-Karità ma tintemm qatt.”
Il-karità hi l-imħabba pura ta’ Kristu. U hija l-fidi fih u l-effett sħiħ tal-Espjazzjoni infinita tiegħu li tikkwalifika lilkom u lil dawk li tħobbu u sservu għad-don divin biex tgħixu f’dik is-soċjalità mwiegħda u tant mixtieqa ta’ Sijon. Hemmhekk tkunu aħwa nisa f’Sijon, maħbubin mill-viċin mill-Mulej u minn dawk li intom beriktu.
Nixhed li intom ċittadini tas-saltna tal-Mulej fid-dinja. Intom ulied nisa ta’ Missier fis-Smewwiet kollu mħabba, li bagħatkom fid-dinja b’doni uniċi li intom wegħidtu li tużaw biex tbierku lil ħaddieħor. Inwegħidkom li l-Mulej se jmexxikom minn idejkom, permezz tal-Ispirtu s-Santu. Hu jmur quddiemkom hekk kif intom tgħinuh iħejji lill-poplu tiegħu biex isir l-imwiegħed Sijon tiegħu. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.