Konferenza Ġenerali
Imbierek bil-Kbir mill-Mulej
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Imbierek bil-Kbir mill-Mulej

Iż-żmien ta’ tbatija u diżappunt ma jibdilx is-sorveljanza tal-Mulej hekk kif favorevolment iħares lejna, u jberikna.

Darba waħda, snin ilu, ta’ żewġ missjunarji żgħażagħ li konna, naħdmu ġo fergħa ċkejkna fil-gżira żgħira ta’ Amami Oshima, fil-Ġappun, jien u l-kollega tiegħi fraħna verament meta sirna nafu li l-President Spencer W. Kimball kien se jkun qed iżur l-Asja u li l-membri u l-missjunarji kollha fil-Ġappun kienu mistednin biex imorru Tokyo ħalli jisimgħu lill-profeta waqt il-konferenza reġjonali. Flimkien mal-membri tal-fergħa, jien u l-kollega tiegħi, b’entużjażmu kbir bdejna nippjanaw biex immorru għall-konferenza, u dan kien ifisser vjaġġ ta’ 12-il siegħa bid-dgħajsa għan-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina lejn l-art ewlenija tal-Ġappun, u wara 15-il siegħa oħra bil-ferrovija lejn Tokyo. Sfortunatament, dan ma kellux ikun. Aħna rċevejna l-aħbar mill-president tal-missjoni tagħna li jien u l-kollega tiegħi, minħabba ’l bogħod u t-tul ta’ ħin, ma konniex se nkunu nistgħu nattendu l-konferenza f’Tokyo.

Il-Presbiteru Stevenson u l-kollega missjunarju tiegħu

Filwaqt li membri tal-fergħa żgħira tagħna telqu lejn Tokyo, aħna bqajna fil-gżira. Il-jiem ta’ wara dehru mill-aktar kwieti u vojta. Għamilna laqgħa tas-sagrament weħidna fil-kappella ċkejkna, filwaqt li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u l-missjunarji tal-Ġappun attendew il-konferenza.

Konferenza tar-Reġjun tal-Asja

Is-sens ta’ diżappunt personali tiegħi kiber hekk kif jiem wara bdejt nisma’ b’ferħ lill-membri tal-fergħa li kienu reġgħu lura mill-konferenza jirrapportaw li l-President Kimball kien ħabbar tempju f’Tokyo. Bdew jitkellmu b’entużjażmu kbir hekk kif qasmu magħna t-twettiq tal-ħolma tagħhom. Huma ddeskrivew kif, wara li semgħu t-tħabbira tat-tempju, il-membri u l-missjunarji ma rnexxilhomx jaħbu l-ferħ tagħhom u spontanjament infexxew f’ċapċipa.

Il-President Kimball iħabbar tempju f’Tokyo

Minn dak inhar għaddew is-snin, iżda għadni niftakar id-diżappunt li ħassejt għax ma attendejtx dik il-laqgħa storika.

Fix-xhur li għaddew jien bdejt nirrifletti dwar din l-esperjenza, hekk kif osservajt lil ħaddieħor jiffaċċja ċertu diżappunt u niket kbir—ferm akbar u aktar profond milli jien qatt esperjenzajt meta kont missjunarju żagħżugħ—minħabba l-pandemija dinjija tal-COVID-19.

Aktar kmieni din is-sena, hekk kif il-pandemija bdiet tinfirex, l-Ewwel Presidenza wegħdu li “il-Knisja u aħna l-membri tagħha b’fedeltà se nuru l-impenn tagħna li nkunu ċittadini u ġirien twajbin”1 u “se nużaw kawtela kbira.”2 B’hekk, aħna esperjenzajna s-sospenzjoni tal-laqgħat tal-Knisja madwar id-dinja, ir-ritorn ta’ aktar minn nofs il-missjunarji tal-Knisja lejn pajjiżhom, u l-għeluq tat-tempji kollha madwar il-Knisja. Eluf fostkom kontu preparati biex tidħlu fit-tempju għall-ordinanzi ħajjin—fosthom is-siġill tat-tempju. Oħrajn spiċċajtu biex temmejtu kmieni s-servizz tagħkom bħala missjunarji jew ġejtu temporanjament eżonerati u assenjati mill-ġdid.

Missjunarji lura lejn pajjiżhom minħabba l-COVID

Waqt dan iż-żmien, il-mexxejja tal-gvern u tal-edukazzjoni għalqu l-iskejjel—li konsegwentament wassal għal tibdil fil-gradwazzjoni u biex jiġu kkanċellati l-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi, soċjali, kulturali, u edukattivi. Ħafna minnkom preparajtu ruħkom għal avvenimenti li ma mar għalihom, kunċerti li baqgħu qatt ma nstemgħu u staġuni sportivi li baqgħu ma ntlabux.

Madankollu aktar ta’ niket hu l-ħsieb li ċerti familji tilfu xi maħbubin tagħhom waqt dan iż-żmien; ħafna lanqas biss setgħu jagħmlu funeral jew laqgħat sentimentali oħra kif kienu jixtiequ.

F’kelma waħda, numru kbir fostkom iffaċċjajtu diżappunt, niket, u skoraġġiment ta’ veru. Għalhekk kif nistgħu nfiequ, nibqgħu nirreżistu, u nimxu ’l quddiem meta l-affarijiet jidhru daqshekk negattivi?

Il-profeta Nefi beda jnaqqax il-pjanċi ż-żgħar meta huwa kiber fl-età. Hekk kif beda jħares lura lejn ħajtu u lejn il-ministeru tiegħu, hu għamel riflessjoni importanti, fl-ewwel vers tal-Ktieb ta’ Mormon. Dan il-vers fih prinċipju importanti li għandna nikkunsidraw fi żmienna. Wara l-kliem familjari tiegħu, “Jiena, Nefi, imwieled minn ġenituri twajbin … ,” hu kiteb, “u li esperjenzajt bosta tbatija f’ħajti, madankollu, jien ġejt imbierek bil-kbir mill-Mulej tul ħajti kollha”3

Bħala studenti tal-Ktieb ta’ Mormon, aħna familjari mal-ħafna tbatija li qed jirreferi għaliha Nefi. Madankollu wara li għaraf it-tbatija tiegħu fil-jiem ta’ ħajtu, Nefi tana l-perspettiva tiegħu tal-evanġelju li kien ġie mbierek bil-kbir mill-Mulej tul ħajtu kollha. Iż-żmien ta’ tbatija u diżappunt ma jibdilx is-sorveljanza tal-Mulej hekk kif favorevolment iħares lejna, u jberikna.

Laqgħa virtwali tal-missjoni
Laqgħa virtwali tal-missjoni mal-Presbiteru u Sister Stevenson
Laqgħa virtwali tal-missjoni mal-Presbiteru u Sister Stevenson

M’ilux, jien u Lesa ltqajtna ma’ madwar 600 missjunarju fl-Awstralja, li ħafna minnhom kienu jinsabu ta’ xi forma ta’ pressjoni minħabba konfinament jew restrizzjoni relatata mal-COVID-19, fejn ħafna minnhom jaħdmu mill-appartamenti tagħhom. Flimkien ikkunsidrajna ċerti individwi fit-Testment il-Ġdid, fil-Ktieb ta’ Mormon, u fid-Duttrina u Patti li l-Mulej berikhom biex iwettqu ħwejjeġ kbar fi żmien ta’ avversità. Ilkoll ġew ikkaratterizzati aktar b’dak li kienu kapaċi jwettqu bl-għajnuna tal-Mulej milli b’dak li ma setgħux iwettqu minħabba l-konfinament u r-restrizzjoni tagħhom.

Naqraw dwar Pawlu u Sila, li, hekk kif kienu fil-ħabs b’riġlejhom fiċ-ċipp, huma talbu, kantaw, għallmu, taw ix-xhieda tagħom—u saħansitra għammdu lill-gwardjan.4

U għal darb’oħra dwar Pawlu, f’Ruma, li kien taħt arrest fid-dar għal sentejn sħaħ, fejn f’dak iż-żmien kontinwament “qagħad jagħtihom xhieda u jfissrilhom x’inhi s-Saltna ta’ Alla,”5 “jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu.”6

Dwar Nefi u Leħi, ulied Ħelaman, li wara li ġew abbużati u mixħuta f’ħabs ġew imdawrin b’nar biex jipproteġihom hekk kif “il-leħen sieket tal-Mulej bi ħlewwa perfetta … laqat lill-gwardjani fil-qiegħ ta’ qalbhom.”7

Dwar Alma and Amulek f’Għammoniha, li sabu li kienu ħafna “li emmnu … u bdew jindmu, u jfittxu l-iskrittura,”8 minkejja li wara ġew mgħoddija biż-żmien u spiċċaw bla ikel, ilma jew ħwejjeġ, marbutin u mixħutin f’ħabs.9

Joseph Smith fiċ-Ċella ta’ Liberty

U finalment dwar Joseph Smith, li, waqt li kien imnikket fiċ-Ċella ta’ Liberty, ħassu abbandunat, imbagħad sema’ kliem il-Mulej, “Dan kollu … se jkun għall-aħjar tiegħek”10 u “Alla se jkun miegħek għal dejjem.”11

Kollha kemm huma fehmu dak li Nefi kien jaf: li minkejja li raw it-tbatija fil-jiem ta’ ħajjithom, huma kienu mberkin bil-kbir mill-Mulej.

Aħna wkoll nistgħu naraw ċertu xebħ bħala membri individwali u bħala knisja fil-mod li ġejna mberkin bil-kbir mill-Mulej waqt żminijiet ta’ sfida li ffaċċjajna f’dawn l-aħħar xhur. Hekk kif insemmi dawn l-eżempji, araw li tħalluhom ukoll iqawwu t-testimonjanza tagħkom dwar l-irwol ta’ veġġent tal-profeta ħaj tagħna, li ppreparana b’ċertu tibdil qabel ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ pandemija, li tana ċ-ċans li nibqgħu nikkumbattu qalb l-isfidi li esperjenzajna.

L-ewwel, insiru aktar iċċentrati madwar id-dar u ssapportjati mill-Knisja.

Sentejn ilu, il-President Nelson qal: “Bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna sirna wisq inħarsu lejn ‘knisja’ bħala xi ħaġa li tiġri fid-djar tal-laqgħat tagħna, issapportjata minn dak li jiġri fid-dar. Jeħtieġ li aħna nibdlu dan il-ħsieb. … Neħtieġu Knisja ċċentrata madwar id-dar, issapportjata minn dak li jseħħ ġewwa … l-bini tagħna.”12 X’aġġustament profetiku! Tagħlim tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar beda jiġi atwat minħabba l-għeluq temporanju tad-djar tal-laqgħat tagħna. Anke hekk kif id-dinja tibda tinnormalizza ruħha u nerġgħu lura fil-kappelli, aħna rridu li nżommu l-mudell tagħna tal-istudju tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar u tat-tagħlim kif ġie żviluppat waqt il-pandemija.

It-tieni eżempju ta’ kemm ġejna mberkin bil-kbir mill-Mulej hu r-rivelazzjoni li tirrigwarda l-ministeru b’mod ogħla u aktar qaddis.

Ministeru

Fl-2018, il-President Nelson introduċa l-ministeru bħala aġġustament “fil-mod li nieħdu ħsieb xulxin.”13 Il-pandemija introduċiet għadd ta’ opportunitajiet kif nirfinaw l-abbiltajiet tagħna fil-ministeru. L-aħwa tal-ministeru inkluż iż-żgħażagħ u oħrajn għamlu li setgħu biex jipprovdu l-kuntatt, il-konverżazzjoni, l-għajnuna, l-ikel, il-messaġġi permezz tat-teknoloġija, u l-ordinanza tas-sagrament biex ibierku lil dawk fil-bżonn. Il-Knisja nnifisha wkoll kienet qed timministra lil ħaddieħor waqt il-pandemija permezz ta’ tqassim bla preċedent ta’ neċessitajiet lill-banek tal-ikel, lill-postijiet għal dawk bla saqaf fuq rashom, u liċ-ċentri ta’ sapport għall-immigranti u permezz ta’ proġetti indirizzati lejn l-aktar sitwazzjonijiet ta’ ġuħ serji fid-dinja. L-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna u l-familji tagħhom wieġbu għall-isfida li jagħmlu miljuni ta’ maskri għall-ħaddiema tas-saħħa.

Proġetti umanitarji
Produzzjoni ta’ maskri

L-aħħar eżempju li tkun imbierek waqt l-avversità hu li nsibu ferħ akbar fir-ritorn tagħna għall-ordinanzi tat-tempju.

Sister Kaitlyn Palmer

Dan nista’ niddeskrivih aħjar permezz ta’ storja. Meta f’April li għadda Sister Kaitlyn Palmer irċeviet is-sejħa għall-missjoni tagħha, hi ħassitha verament ferħana li ġiet imsejħa bħala missjunarju iżda ħasset li kien daqstant importanti u speċjali li tmur it-tempju biex tirċievi d-dota tagħha u tagħmel patti sagri. Ftit wara li għamlet appuntament għad-dota tagħha, ħarġet l-aħbar li t-tempji kollha kienu se jagħlqu temporanjament minħabba l-pandemija dinjija. Wara li semgħet din l-aħbar ta’ qsim il-qalb, hi mbagħad saret taf li kienet se tattendi ċ-Ċentri għat-Taħriġ Missjunarju (ĊTM) mid-dar b’mod virtwali. Minkejja d-diżappunti tagħha, Kaitlyn iffokat dwar kif setgħet tħossha aktar pożittiva.

Sister Kaitlyn Palmer u ċ-ĊTM fid-dar

F’dawk ix-xhur, Sister Palmer qatt ma tilfet it-tama li tattendi t-tempju. Il-membri tal-familja tagħha bdew isumu u jitolbu li t-tempji jerġgħu jiftħu qabel hi tasal biex titlaq. Kaitlyn spiss kienet tibda kull ġurnata fiċ-ĊTM mid-dar billi tgħid, “Tgħid illum se jkun il-jum li fih nirċievu miraklu u t-tempji jerġgħu jiftħu?”

Fl-10 ta’ Awwissu, l-Ewwel Presidenza ħabbret li t-tempju ta’ Kaitlyn kien se jerġa’ jiftaħ għal ordinanzi tal-ħajjin eżatt fil-ġurnata li kien skedat li taqbad it-titjira tagħha kmieni filgħodu lejn il-missjoni tagħha. Kien se jkun impossibbli li tattendi t-tempju u tlaħħaq it-titjira tagħha. Bi ftit li xejn tama li jkollhom suċċess, il-familja tagħha għamlu kuntatt mal-president tat-tempju Michael Vellinga biex jaraw jekk kienx hemm xi mod kif il-miraklu li kienu ilhom jitolbu għalih iseħħ. Is-sawm u t-talb tagħhom ġie mismugħ!

Il-familja Palmer fit-tempju

Fis-sagħtejn ta’ bil-lejl, ftit sigħat qabel ma kellha taqbad it-titjira tagħha, Sister Palmer u l-familja tagħha, bid-dmugħ f’għajnejhom, intlaqgħu fil-bibien tat-tempju mill-president tat-tempju, li bi tbissima qalilhom, “Bonġu, familja Palmer. Nilqagħkom fit-tempju!” Hekk kif hi lestiet id-dota tagħha, huma ġew imħeġġin biex joħorġu malajr għax il-familja li jmiss kienet qed tistenna wara l-bibien tat-tempju. Huma saqu direttament lejn l-ajruport fil-ħin biex taqbad it-titjira tagħha lejn il-missjoni tagħha.

Sister Palmer fl-ajruport

L-ordinanzi tat-tempju li mmissjajna f’dawn ix-xhur li għaddew jidhru aktar ħelwin milli qatt immaġinajna hekk kif it-tempji madwar id-dinja bdew jiftħu mill-ġdid ftit ftit.

Qabel nagħlaq, jekk jogħġobkom isimgħu ftit il-kliem inkuraġġanti, entużjast, u elevanti tal-Profeta Joseph Smith. Diffiċli wieħed jimmaġina li kitbu waqt li kien qed ibati u f’iżolament, miżmum u ristrett f’darhom ġewwa Nauvoo, jinħeba minn dawk li kienu qed jippruvaw jaqbduh b’mod illegali:

“Issa, aħna x’nisimgħu fl-evanġelju li rċevejna? Leħen ferrieħi! Leħen ta’ ħniena mis-smewwiet; u leħen ta’ verità ħiereġ mid-dinja; il-bxara t-tajba għall-mejtin; leħen ferrieħi għall-ħajjin u l-mejtin; il-bxara t-tajba ta’ ferħ kbir. …

“… M’għandniex aħna nibqgħu mexjin f’kawża daqstant kbira? Imxu ’l quddiem u mhux lura. Kuraġġ, … u ibqgħu mexjin sar-rebħa! Ħallu l-qalbkom tifraħ, u kunu verament kuntenti. Ħallu d-dinja tinfexx fil-kant.”14

Ħuti, nemmen li xi darba, ilkoll kemm intom se tħarsu lura lejn l-avvenimenti li ġew ikkanċellati, lejn in-niket, id-diżappunt, u s-solitudni minħabba ż-żminijiet ta’ sfida li qed ngħaddu minnhom u taraw li dan kollu ġie maħnuq minn barkiet kbar u minn fidi u testimonjanzi akbar. Nemmen li f’din il-ħajja, u fil-ħajja li jmiss, it-tbatija tagħkom, l-Għammoniha tagħkom, iċ-Ċella ta’ Liberty tagħkom, se jiġu kkonsagrati għall-aħjar tagħkom.15 Nitlob li aħna, flimkien ma’ Nefi, nagħrfu t-tbatija fil-jiem ta’ ħajjitna waqt li nagħrfu li aħna ġejna mberkin bil-kbir mill-Mulej.

Nagħlaq bit-testimonjanza tiegħi dwar Ġesù Kristu, li Hu stess ma kienx nieqes mit-tbatija u bħala parti mill-Espjazzjoni infinita tiegħu ċċekken aktar minn kollox.16 Hu jifhem in-niket, l-uġigħ, u d-disperazzjoni tagħna. Huwa s-Salvatur tagħna, il-Feddej tagħna, it-tama tagħna, il-konsolazzjoni tagħna, u l-Ħellies tagħna. Ta’ dan jiena nixhed fl-isem imqaddes tiegħu, l-isem ta’ Ġesù Kristu, amen.