Konferenza Ġenerali
Nagħtuhom Prova b’Dan il-Mod
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Nagħtuhom Prova b’Dan il-Mod

(Abraham 3:25)

Issa hu ż-żmien li nitħejjew u nuru li aħna lesti u kapaċi nagħmlu dak kollu li jitlobna nagħmlu l-Mulej Alla tagħna.

Nitlob biex l-Ispirtu s-Santu jassisti lilna lkoll hekk kif se naqsam magħkom il-ħsibijiet u s-sentimenti li ħassejt f’moħħi u f’qalbi waqt kif kont qed inħejji għal din il-konferenza ġenerali.

L-Importanza tat-Testijiet

Għal aktar minn għoxrin sena qabel ma ġejt imsejjaħ biex inservi l-Knisja full-time, jiena kont naħdem bħala għalliem u amministratur f’università. Ir-responsabbiltà ewlenija tiegħi bħala għalliem kienet li ngħin l-istudenti jitgħallmu kif jistgħu jitgħallmu għalihom infushom. U element mill-aktar importanti tal-ħidma tiegħi kien li noħloq u nikkoreġi t-testijiet u nitkellem mal-istudenti dwar il-prestazzjoni tagħhom. Kif intom diġà tafu minn esperjenza personali, normalment it-testijiet mhumiex l-aktar parti mill-proċess tat-tagħlim li jħobbu l-istudenti!

Iżda bla dubju hi ħaġa essenzjali għat-tagħlim li minn żmien għall-ieħor isiru t-testijiet. Test effettiv jgħinna nqabblu x’jeħtieġ insiru nafu ma’ dak li fil-fatt nafu dwar xi suġġett speċifiku; jipprovdilna wkoll standard li miegħu nistgħu nevalwaw it-tagħlim u l-progress tagħna.

Bl-istess mod, it-testijiet fl-iskola tal-mortalità huma element importanti fil-progressjoni eterna tagħna. Interessanti l-fatt, madankollu, li l-kelma test ma nsibuhiex darba fil-kitba skritturali tal-kitbiet kanoniċi bl-Ingliż. Minflok, jintuża kliem bħal uri, eżamina, u ipprova biex jiddeskrivi bosta modi kif nistgħu nuru b’mod xieraq l-għarfien spiritwali tagħna dwar il-fehma u d-devozzjoni tagħna fejn jidħol il-pjan ta’ ferħ etern ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-kapaċità tagħna li nfittxu l-barkiet tal-Espjazzjoni tas-Salvatur.

Hu li hu l-awtur tal-pjan tas-salvazzjoni ddeskriva sewwasew l-għan tal-prova mortali tagħna billi uża l-kliem uri, eżamina, u ipprova fl-iskrittura tal-qedem kif ukoll ta’ żmienna. “U nagħtuhom prova b’dan il-mod, ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom.”1

Ikkunsidraw din it-talba mis-Salmista David:

Ġarrabni , Mulej, u għarbilni ; iflili moħħi u qalbi.

“Tjubitek, quddiem għajnejja, mxejt skont is-sewwa tiegħek.”2

U l-Mulej iddikjara fl-1833, “Għalhekk, tibżax mill-għedewwa tiegħek, għaliex jien għamilt digriet f’qalbi, qal il-Mulej, li se nagħtik prova f’kull ħaġa, biex nara jekk tibqax fidil għall-patt tiegħi, anke sal-mewt, biex inti tinstab denju.”3

Provi u Sfidi ta’ Żmienna

Is-sena 2020 se tibqa’ mfakkra, fost l-oħrajn, għal pandemija globali li ttestjat, eżaminat, u għaddiet lilna lkoll minn prova b’diversi modi. Nitlob li aħna bħala individwi u familji qed nitgħallmu lezzjonijiet siewja li nistgħu nitgħallmuhom biss permezz ta’ esperjenzi diffiċli. Nittama wkoll li lkoll kemm aħna nagħrfu b’mod aktar sħiħ il-“kobor ta’ Alla” u l-verità li “hu se jikkonsagra s-sofferenza tagħna għall-aħjar tagħna.”4

Żewġ prinċipji bażiċi jistgħu jiggwidawna u jsaħħuna hekk kif niffaċċjaw kwalunkwe ċirkustanzi diffiċli u ta’ sfida f’ħajjitna: (1) il-prinċipju tat-tħejjija, u (2) il-prinċipju li nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu.

Nippruvaw u Nħejju Lilna Nfusna

Bħala dixxipli tas-Salvatur, aħna mitlubin biex “inħejju kull ħaġa neċessarja; u nistabbilixxu dar; sewwasew dar ta’ talb, dar ta’ sawm, dar ta’ fidi, dar ta’ tagħlim, dar ta’ glorja, dar ta’ ordni, dar ta’ Alla.”5

Aħna wkoll imwiegħda li, “jekk preparati, m’għandkomx għalfejn tibżgħu.

“U tkunu tistgħu tinħelsu mill-qawwa tal-għadu, u tinġabru fija bħala poplu ġust, mingħajr tebgħa u ħtija.”6

Din l-iskrittura tipprovdi struttura perfetta biex norganizzaw u nħejju ħajjitna u djarna kemm b’mod temporali kif ukoll spiritwali. L-isforzi tagħna biex inħejju għall-esperjenzi diffiċli tal-mortalità għandna nfassluhom fuq l-eżempju tas-Salvatur li inkrementalment “baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”7—bilanċ verament tajjeb ta’ tħejjija intelletwali, fiżika, spiritwali, u soċjali.

Ftit tax-xhur ilu, fil-ħin ta’ wara nofsinhar, jien u Susan dorna dawra l-ħażna tal-ikel u l-provvisti ta’ emerġenza tagħna. Dak iż-żmien, il-COVID-19 bdiet tinfirex waħda sew, u għadd ta’ terrimoti kienu heżżew id-dar tagħna f’Utah. Konna ilna naħdmu mill-ewwel żminijiet taż-żwieġ tagħna biex nimxu wara l-parir profetiku li nħejju għal sfidi li ma nkunux qed nistennew, għalhekk li “neżaminaw” l-istat ta’ tħejjija tagħna f’nofs il-virus u t-terrimoti kienet tidher xi ħaġa tajba u f’waqtha li stajna nagħmlu. Ridna nsiru nafu kemm konna se nġibu marki f’dawn it-testijiet li ma konniex qed nistennew.

Aħna tgħallimna ferm minn dan. F’bosta oqsma, il-ħidma preparatorja tagħna kienet saret sew. F’oqsma oħra, madankollu, kien hemm bżonn ta’ titjib għaliex aħna ma konniex għarafna u indirizzajna ċerti bżonnijiet partikolari fil-ħin opportun.

Spiċċajna wkoll dħaqna flimkien mhux ħażin. Aħna skoprejna, per eżempju, ċerti affarijiet f’armarju mill-aktar rimot li kienu ilhom mal-ħażna tal-ikel tagħna għal għexieren ta’ snin. Biex ngħidilkom, bdejna nibżgħu niftħu u nispezzjonaw xi wħud mill-kontenituri ma mmorrux nagħtu bidu għal xi pandemija globali oħra! Iżda serrħu moħħkom għax aħna ddisponejna kif suppost mill-materjal perikoluż, u eliminajna kull riskju ta’ saħħa għad-dinja.

Xi membri tal-Knisja huma tal-oppinjoni li l-pjanijiet u l-provvisti ta’ emerġenza, il-ħażna tal-ikel, u l-kitts għal 72 siegħa m’għadhomx aktar importanti għax fil-konferenza ġenerali l-Aħwa ilhom ma jitkellmu biżżejjed dwar dawn is-suġġetti u oħrajn relatati. Iżda ċerti twissijiet kontinwi biex nitħejjew ilhom għexieren ta’ snin jiġu ddikjarati mill-mexxejja tal-Knisja. Il-konsistenza tal-parir profetiku maż-żmien ħoloq kunċert li l-qawwi ta’ ċarezza u l-volum ta’ twissija tiegħu jgħajjat ferm aktar minn kwalunkwe eżekuzzjoni li jista’ qatt jipproduċi wieħed solista.

Hekk kif żminijiet ta’ sfida jiżvelaw ċerti inadegwatezzi fit-tħejjija temporali, l-istess ukoll il-mard tal-indifferenza u t-traskuraġni spiritwali jikkawżaw l-akbar effetti detrimentali tagħhom waqt il-provi diffiċli. Fil-parabbola tal-għaxar xebbiet verġni, nitgħallmu per eżempju li t-tnikkir fit-tħejjija tagħna jwassal għal falliment fl-eżami. Aħsbu ftit kif il-ħames verġni boloh naqsu milli jitħejjew sewwa għall-eżami li ngħata lilhom fil-jum tal-wasla tal-għarus.

“Għax dawk li kienu boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom:

“Waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. …

“Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh.

“Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.

“Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.

“Qabżu l-għaqlin u qalu, Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom: l-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.

“X’ħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.

“Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, Sinjur, Sinjur, iftħilna.”8

“Iżda hu weġibhom u qal, Tassew, ngħidilkom, Intom lili ma tafunix.”9

F’dan l-eżami, tal-anqas, il-ħames verġni boloh urew li huma kienu dawk li jisimgħu l-kelma biss u mhux dawk li jwettquha.10

Jiena għandi ħabib li fil-fakultà tal-liġi kien student mill-aktar kuxjenzjuż. Waqt il-kors f’wieħed mis-semestri, Sam għadda ħin twil kuljum jirrevedi, jikteb fi kliemu, u jitgħallem min-noti li kellu għal kull kors kien miktub fih. Hu baqa’ jagħmel dan għal kull klassi li kellu, fl-aħħar ta’ kull ġimgħa u kull xahar. Il-metodu tiegħu wasslu biex jitgħallem il-liġi u mhux sempliċiment jimmemorizza d-dettalji. U hekk kif waslu l-eżamijiet tal-aħħar, Sam kien preparat. Fil-fatt, hu sab li l-perjodu tal-eżami finali kien wieħed mill-partijiet l-anqas stressanti fit-taħriġ legali tiegħu. It-tħejjija effettiva u opportuna twassal għas-suċċess fl-eżami.

Il-metodu li uża Sam fl-edukazzjoni legali tiegħu jenfasizza wieħed mill-mudelli ewlenin li tana l-Mulej biex nikbru u niżviluppaw. “Jgħid il-Mulej: Jiena nagħti lil ulied il-bnedmin linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm; u mberkin dawk li jagħtu kas tal-preċetti tiegħi, u jiftħu widnejhom għall-parir tiegħi, għaliex huma jitgħallmu l-għerf; għaliex dak li jirċievi dan lilu jiena nagħti aktar.”11

Nistieden lilna lkoll biex “nikkunsidraw il-modi tagħna”12 u “neżaminaw lilna nfusna, fejn ninsabu fil-fidi tagħna; u nagħtu prova tagħna nfusna.”13 X’tgħallimna waqt dawn l-aħħar xhur ta’ tibdil u restrizzjonijiet fl-istil ta’ ħajja tagħna? X’hemm bżonn intejbu f’ħajjitna spiritwalment, fiżikament, soċjalment, emozzjonalment, u intelletwalment? Issa hu ż-żmien li nitħejjew u nuru li aħna lesti u kapaċi nagħmlu dak kollu li jitlobna nagħmlu l-Mulej Alla tagħna.

Nagħtu Prova u Nimxu ’l Quddiem

Darba jien attendejt funeral ta’ missjunarju żagħżugħ li kien miet f’aċċident. Missier il-missjunarju tkellem waqt is-servizz u ddeskriva l-uġigħ il-qalb li ġġib magħha separazzjoni mortali bla mistenni minn xi ħadd mill-għeżież uliedek. Hu ddikjara bla tlaqliq li personalment ma kienx jifhem ir-raġunijiet jew l-orarju ta’ ġrajja bħal din. Iżda jien ma nista’ ninsa qatt li dan ir-raġel iddikjara wkoll li hu kien jaf li Alla kien jaf ir-raġunijiet u l-orarju relatati mal-mewt ta’ ibnu—u dan għalih kien biżżejjed. Hu qal lill-kongregazzjoni li minkejja li hu u l-familja tiegħu kienu mnikktin, ma kellhomx għalfejn jinkwetaw għalihom; it-testimonjanzi tagħhom baqgħu fermi u sodi. Hu temm id-diskors tiegħu b’din id-dikjarazzjoni: “Nixtieqkom tkunu tafu li fejn jidħol l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, il-familja tagħna ankrata miegħu. Ninsabu lkoll ankrati miegħu.”

Minkejja li t-telfien ta’ wieħed mill-maħbubin tagħhom kienet ħaġa mill-aktar diffiċli u ta’ swied il-qalb, il-membri ta’ din il-familja qalbiena kienu spiritwalment preparati biżżejjed biex juru li setgħu jitgħallmu lezzjonijiet ta’ importanza eterna permezz tal-ħwejjeġ li ġarrbu.14

Il-fedeltà mhijiex bluha jew fanatiċiżmu. Pjuttost, tfisser li nafdaw u jkollna kunfidenza sħiħa f’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna, f’ismu u fil-wegħdiet Tiegħu. Hekk kif “nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu, b’tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha,”15 aħna nkunu mberkin b’perspettiva u viżjoni eterna li tmur lil hinn mill-kapaċità mortali u limitata tagħna. Inkunu kapaċi “ninġabru flimkien, u nieqfu f’postijiet qaddisa”16 u “ma nitħarrkux, sakemm jasal jum il-Mulej.”17

Meta kont qed inservi bħala l-president tal-Università ta’ Brigham Young–Idaho, il-Presbiteru Jeffrey R. Holland ġie jżur il-kampus tagħna f’Diċembru 1998 biex jitkellem f’wieħed mid-devozzjonali tagħna ta’ kull ġimgħa. Jien u Susan stedinna grupp ta’ studenti biex jiltaqgħu u jitkellmu mal-Presbiteru Holland qabel hu jwassal il-messaġġ tiegħu. Hekk kif il-ħin tagħna flimkien kien riesaq fi tmiemu, staqsejt lill-Presbiteru Holland, “Jekk kellek tgħallem lil dawn l-istudenti ħaġa waħda biss, xi tkun?”

Huwa wieġeb:

“Aħna qed naraw b’għajnejna moviment dejjem jikber favur il-polarità. L-għażla tat-triq tan-nofs tispiċċa titneħħa għalina l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. It-triq tan-nofs titwarrab.

“Jekk tħalli l-ilma tax-xmara jġorrok skont il-kurrent, inti tasal x’imkien. Sempliċiment tasal fejn jieħdok il-kurrent. Żgur mhux tajjeb li tmur skont fejn sejjer l-ilma, fejn jieħdok il-mewġ, fejn iġorrok il-kurrent.

“Jeħtieġ nagħmlu ċerti għażliet. Li ma tagħmlux għażla hija għażla. Tgħallmu għażlu issa.”

Id-dikjarazzjoni tal-Presbiteru Holland dwar il-polarizzazzjoni dejjem tikber wriet li kienet profetika meta nħarsu lejn it-trends soċjali u l-avvenimenti tat-22 sena minn meta hu wieġeb il-mistoqsija tiegħi. Hekk kif beda jbassar id-diverġenti dejjem jikbru bejn il-modi tal-Mulej u tad-dinja, il-Presbiteru Holland widdeb li ż-żmien li nħossuna komdi b’sieq waħda fil-Knisja rrestawrata u s-sieq l-oħra fid-dinja kienu qed jgħibu. Dan il-qaddej tal-Mulej kien qed iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jagħżlu, iħejju, u jsiru dixxipli devoti tas-Salvatur. Hu kien qed jgħinhom jitħejjew u jimxu ’l quddiem permezz tal-prova, tal-eżami, u tal-esperjenzi diffiċli ta’ ħajjithom.

Wegħda u Testimonjanza

Il-proċess li nagħtu prova tagħna nfusna hu parti fundamentali mill-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Missierna fis-Smewwiet. Jiena nwegħidkom li hekk kif aħna nitħejjew u nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’fidi fis-Salvatur, aħna lkoll nistgħu nirċievu l-istess marka fl-eżami finali tal-mortalità: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.”18

Jiena nagħti xhieda li Alla l-Missier Etern hu Missierna. Ġesù Kristu hu l-Iben il-Waħdieni u ħaj tiegħu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed b’ferħ fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.