Konferenza Ġenerali
Iskot, Biżżejjed
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Iskot, Biżżejjed

Is-Salvatur jgħallimna kif inħossu fina l-paċi u kif nikkalmaw anke meta l-irwiefen jibdew jonfħu b’qawwa madwarna u l-mewġ qalil jhedded li jgħarraq it-tamiet tagħna.

Meta wliedna kienu għadhom żgħar, konna għaddejna ftit jiem bħala familja ħdejn lag mill-isbaħ. Darba waħda wara nofsinhar uħud mit-tfal libsu l-ġkieket tas-salvataġġ, telgħu fuq gverta ta’ bastiment u qabżu ġo l-ilma. It-tifla ż-żgħira tagħna bdiet tħares b’eżitazzjoni, fejn bir-reqqa bdiet tosserva lil ħutha. Għamlet kuraġġ kemm setgħet, saddet imneħirha b’id waħda u qabżet. Immedjatament telgħet f’wiċċ l-ilma u b’leħen xi ftit konfuż għajtet, “Għinuni! Għinuni!”

Issa, hi ma kenitx f’xi periklu tal-mewt; il-ġakketta tas-salvataġġ tagħha kienet qed tagħmel il-funzjoni tagħha u kienet tinsab f’wiċċ l-ilma mingħajr periklu. Aħna stajna morna u ġbidnieha lura fuq il-gverta mingħajr problema. Madankollu, mill-perspettiva tagħha, hi kellha bżonn l-għajnuna. Jista’ jkun li kienet id-degħxa li ħasset minħabba l-ilma kiesaħ jew in-nuqqas ta’ esperjenza. Kien x’kien, hi telgħet tiġri fuq il-gverta, fejn aħna dawwarna magħha xugaman xott u fraħnielha għall-qlubija tagħha.

Kemm jekk aħna kbar, kemm jekk żgħar, ħafna minna, f’mumenti diffiċli, spiċċajna ngħajtu b’ċerta urġenza kliem bħal “Għini!” “Salvani!” jew “Jekk jogħġbok, isma’ talbi!”

Dan kien il-każ tad-dixxipli ta’ Ġesù waqt il-ministeru mortali tiegħu. F’Mark naqraw li Ġesù “beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira.”1 Il-folla tant kibret li Ġesù “rikeb id-dgħajsa”2 u beda jkellimhom minn fuq il-gverta tagħha. Il-jum kollu Hu għallem lin-nies permezz tal-parabboli hekk kif kienu mixħutin bilqiegħda madwar ix-xatt.

“Filgħaxija … mbagħad,” Hu qal lid-dixxipli tiegħu, “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor. Wara li bagħtu ’l hemm lin-nies,”3 huma telqu minn xatt il-baħar u kienu fi triqithom lejn in-naħa l-oħra tal-Baħar tal-Galilija. Wara li sab post fejn joqgħod fuq in-naħa ta’ wara tad-dgħajsa, Ġesù mtedd u ma damx ma raqad. F’daqqa waħda, “qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela”4 bl-ilma.

Ħafna mid-dixxipli ta’ Ġesù kienu sajjieda ta’ esperjenza u kienu jafu kif kellhom jinnavigaw dgħajsa fil-maltemp. Kienu d-dixxipli fidili tiegħu—tabilħaqq, id-dixxipli maħbubin—tiegħu. Huma ħallew warajhom l-impjiegi, l-interessi personali, u l-familja tagħhom biex jimxu wara Ġesù. Il-fidi tagħhom fih kienet evidenti permezz tal-preżenza tagħhom fid-dgħajsa. U issa d-dgħajsa tagħhom kienet f’nofs maltempata u kien hemm ċans li jegħrqu.

Ma nafux kemm damu jippruvaw iżommu d-dgħajsa f’wiċċ l-ilma waqt il-maltempata, iżda huma qajmu lil Ġesù b’leħen xi ftit panikuż, u qalulu:

“Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”5

“Salvana, Mulej: se nintilfu.”6

Huma sejħulu “Mgħallem,” u fil-fatt dak li Hu. Huwa wkoll “Ġesù Kristu, Bin Alla, Missier is-sema u l-art, il-Ħallieq ta’ kollox mill-bidu taż-żmien.”7

Immaġni
Iskot, biżżejjed.

Minn fejn kien fuq id-dgħajsa, Ġesù qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar imqalleb, “Iskot, biżżejjed. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.”8 Bħala l-Għalliem Prim li dejjem kien, Ġesù mbagħad għallem lid-dixxipli tiegħu permezz ta’ żewġ mistoqsijiet sempliċi madankollu kollha mħabba. Hu staqsiehom:

“Dal-biża’ kollu għaliex?”9

“Mela ma għandkomx fidi?”10

Hemm tendenza mortali, saħansitra tentazzjoni, meta nsibu lilna nfusna f’nofs xi sfida, inkwiet, jew sofferenza, li nlissnu, “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li jien se nintilef? Salvani.” Anke Joseph Smith talab b’ħerqa minn ġo ċella terribbli, “O Alla, fejn inti? U fejn hu l-għarix li qed tinħeba fih?”11

Bla dubju, is-Salvatur tad-dinja jifhem il-limitazzjonijiet mortali tagħna, għax Hu jgħallimna kif inħossu fina l-paċi u kif nikkalmaw anke meta l-irwiefen jibdew jonfħu b’qawwa madwarna u l-mewġ qalil jhedded li jgħarraq it-tamiet tagħna.

Lil dawk ta’ fidi soda, ta’ fidi bħal tat-tfal, jew saħansitra b’farka żgħira fidi,12 Ġesù qed jistedinkom, qed jgħid: “Ejjew għandi.”13 “Emmnu fija.”14 “Tgħallmu minni u isimgħu kliemi.”15 Bi ħlewwa jitlobna, “Indmu u tgħammdu f’ismi,”16 “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien,”17 u “Dejjem ftakru fija.”18 Ġesù jassigurana, billi jispjegalna: “Dawn il-ħwejjeġ għidthomlkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja.”19

Nista’ nimmaġina lid-dixxipli ta’ Ġesù f’dgħajsa titbandal min-naħa għall-oħra fil-maltemp, u kif kien mitlub minnhom, iħarsu lejn il-mewġ ifaqqa’ mal-gverta tad-dgħajsa tagħhom u jarmu l-ilma ’l barra. Nista’ nimmaġinahom idawru l-qlugħ u jippruvaw jieħdu ftit kontroll tad-dgħajsa tagħhom. Moħħhom kien biex isalvaw f’dak il-mument, u t-talba tagħhom għall-għajnuna kienet waħda sinċiera u urġenti.

Ħafna minna fi żmienna ma tantx aħna differenti. L-avvenimenti riċenti madwar id-dinja u fil-pajjiżi, fil-komunitajiet, u fil-familji tagħna, laqtuna ħażin ħafna minħabba ċerti sfidi li ma konniex qed nistennew. Fi żminijiet diffiċli l-fidi tagħna tista’ tipprova waħda sew ir-reżistenza u l-fehma tagħna. Il-mewġ tal-biża’ jistgħu jaljenawna, iwassluna biex ninsew it-tjubija ta’ Alla, tant li jħallu lill-vista tagħna ssir waħda limitata u mżellġa. Madankollu hu f’dawn il-mumenti diffiċli tal-vjaġġ tagħna li l-fidi tagħna tista’ tkun mhux biss ippruvata iżda wkoll iffortifikata.

Irrispettivament x’inhuma ċ-ċirkustanzi, aħna nistgħu intenzjonalment nagħmlu sforz biex nibnu u nkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu. Aħna nqawwuha meta niftakru li aħna wlied Alla, u li Hu jħobbna. Il-fidi tagħna tikber kif nesperimentaw permezz tal-kelma ta’ Alla bit-tama u d-diliġenza, filwaqt li nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex nimxu wara t-tagħlim ta’ Kristu. Il-fidi tagħna tikber kif nagħżlu li nemmnu minflok niddubitaw, naħfru minflok niġġudikaw, nindmu minflok nirribellaw. Il-fidi tagħna tirrafina ruħha kif aħna bil-paċenzja kollha niddependu fuq il-merti, il-ħniena, u l-grazzja tal-Messija Mqaddes.20

“Filwaqt li l-fidi mhijiex għarfien perfett,” qal il-Presbiteru Neal A. Maxwell, “twasslilna fiduċja profonda f’Alla, li l-għarfien tiegħu hu perfett!”21 Anke fi żminijiet imqanqla, il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu hi riżoluta u reżiljenti. Tgħinna ninjoraw ċerta distrazzjonijiet mhux importanti. Tħeġġiġna biex nibqgħu mexjin tul it-triq tal-patt. Il-fidi tgħinna ma naqtgħux qalbna u twassalna biex niffaċċjaw lill-ġejjieni b’kuraġġ kbir. Tħeġġiġna biex infittxu l-għajnuna hekk kif nitolbu lill-Missier f’isem Ibnu. U meta t-talb tagħna jidher li mhux qed jinstama’, il-fidi persistenti tagħna f’Ġesù Kristu timliena bil-paċenzja, bl-umiltà, u bl-abbiltà li b’qima nlissnu l-kliem, “Ikun li trid int.”22

Il-President Russell M. Nelson għallem:

“M’għandniex inħallu l-biżgħat tagħna jieħdu post il-fidi tagħna. Nistgħu nikkumbattu dawk il-biżgħat billi nqawwu l-fidi tagħna.

“Ibdew permezz ta’ wliedkom. … Araw li jħossu l-fidi tagħkom, anke meta tesperjenzaw sfidi diffiċli. Araw li l-fidi tagħkom tkun iffokata fuq Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba u Ibnu l-Għażiż, il-Mulej Ġesù Kristu. … Għallmu lil kull tifel u tifla prezzjużi li huma wlied Alla, maħluqa fix-xbieha tiegħu, b’għan u potenzjal sagru. Ilkoll nitwieldu bi sfidi x’negħlbu u b’fidi x’niżviluppaw.”23

M’ilux jien smajt żewġt itfal ta’ erba’ snin jaqsmu l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu meta wieġbu għall-mistoqsija “Kif jgħinek Ġesù Kristu?” L-ewwel tifel qal, “Jiena naf li Ġesù jħobbni għax miet għalija. Hu jħobb ukoll lill-kbar.” It-tieni tifel qal, “Hu jgħinni meta nkun imdejjaq jew bil-buri. Hu jgħinni wkoll meta nkun qed negħreq.”

Ġesù ddikjara, “Għalhekk, min jindem u jiġi għandi bħat-tfal ċkejknin, lilu jien nilqa’ għandi, għaliex tagħhom hija s-saltna ta’ Alla.”24

“Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”25

M’ilux, il-President Nelson wiegħed li “aħna jkollna anqas biża’ u aktar fidi” hekk kif “nibdew mill-ġdid verament nisimgħu, nagħtu widen, u noqogħdu attenti għall-kliem tas-Salvatur.”26

Immaġni
Ġesù jikkalma l-baħar

Ħuti, iċ-ċirkustanzi diffiċli ta’ żmienna mhumiex id-destinazzjoni finali u eterna tagħna. Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna ħadna fuqna isem Ġesù Kristu, permezz tal-patti. Aħna għandna fidi fil-qawwa ta’ fidwa tiegħu u t-tama fil-wegħdiet kbar u prezzjużi tiegħu. Għandna kull raġuni biex nifirħu, għax il-Mulej u s-Salvatur tagħna huwa konxju verament tal-inkwiet, it-taħbit, u n-niket tagħna. L-istess kif Ġesù kien mad-dixxipli tiegħu żmien twil ilu, Hu jinsab fid-dgħajsa tagħna! Nixhed li Hu ta ħajtu biex jien u intom ma ninqerdux. Jalla aħna nafdawh, nobdu l-kmandamenti tiegħu, u b’fidi nisimgħuh jgħid, “Iskot, biżżejjed.”27 Fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.