Il-Kultura ta’ Kristu
Aħna nistgħu ngħożżu l-aqwa tal-kulturi individwali tagħna u nkunu parteċipanti sħaħ fil-kultura eterna li hi prodott tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
X’dinja meraviljuża qed ngħixu fiha, liema dinja hi d-dar tagħna u ta’ tant nies, lingwi, drawwiet, u stejjer diversi—mifruxa madwar mijiet ta’ pajjiżi u eluf ta’ gruppi, kollha b’kultura mill-aktar rikka. L-umanità għandha biex tkun kburija u għax tiċċelebra. Iżda minkejja l-imġieba li aħna nitgħallmu—dawk il-ħwejjeġ li aħna esposti għalihom permezz tal-kulturi li trabbejna fihom—tisa’ sservi biex issaħħaħna f’ħajjitna, tista’ wkoll, xi kultant, issir ostaklu sinifikanti.
Jaf jidher li l-kultura tant hi integrali fil-ħsieb u l-imġieba tagħna li impossibbli nibdluha. Hi, wara kollox, parti kbira minn dak li nħossu li jiddefinixxina u li permezz tagħha nħossu sens ta’ identità. Tista’ tant tkun influwenza b’saħħitha li naslu biex ma ninnutawx id-dgħjufijiet u d-difetti magħmulin mill-bniedem fil-kulturi tagħna, u hekk naslu biex insibuha bi tqila nwarrbu wħud mit-tradizzjonijiet ta’ missirijietna. Li wieħed jiffissa wisq fuq l-identità kulturali tiegħu jaf iwassal biex ma jaċċettax ċerta ideat, kwalitajiet, u mġieba utli—anke divina.
Ftit tas-snin ilu kont naf raġel meraviljuż, li jista’ jgħinna nifhmu dan il-prinċipju universali ta’ mijopija kulturali. Iltqajt għall-ewwel darba miegħu ġewwa Singapore meta kont mitlub biex inkun l-għalliem tal-familja tiegħu tad-dar. Kien professur distint tas-Sanskrit u t-Tamil min-nofsinhar tal-Indja. Il-mara meraviljuża tiegħu u ż-żewġ uliedu subien kienu membri tal-Knisja, iżda hu qatt ma ngħaqad jew ta kas wisq tat-tagħlim tal-evanġelju. Kien kuntent bil-mod li martu u wliedu kienu qed jiżviluppaw u kien jissapportjahom kompletament f’dak li jagħmlu u fir-responsabbiltajiet tagħhom tal-Knisja.
Meta jien offrejt li ngħallmu l-prinċipji tal-evanġelju u naqsam miegħu t-twemmin tagħna, għall-ewwel irrifjuta. Domt ftit biex irrealizzajt għalfejn: hu ħass li jekk jagħmel dan kien se jsir traditur tal-passat tiegħu, tal-poplu tiegħu, u tal-istorja tiegħu! Kien jaħsibha li kien se jkun qed jiċħad dak kollu li kien, dak kollu li l-familja tiegħu għallmuh li għandu jkun, sewwasew il-wirt Indjan tiegħu. Fix-xhur ta’ wara, konna kapaċi nitkellmu dwar dawn il-ħwejjeġ. Ħassejtni mistagħġeb (iżda mhux sorpriż!) b’kemm l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu wassal biex jiftaħlu għajnejh għal perspettiva differenti.
F’ħafna kulturi magħmulin mill-bniedem insibu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin, il-kostruttiv u d-distruttiv.
Bosta mill-problemi tad-dinja tagħna huma riżultat dirett tal-ġlied li jkun hemm bejn dawk ta’ ideat u drawwiet differenti li jkunu ġejjin mill-kultura tagħhom. Iżda prattikament il-kunflitti kollha u l-kaos kollu malajr jispiċċaw jekk id-dinja taċċetta biss il-kultura oriġinali tagħha, dik li lkoll konna nipposjedu fi żmien mhux daqshekk ’il bogħod. Din il-kultura tmur lura għall-eżistenza primortali tagħna. Kienet il-kultura ta’ Adam u Ħenok. Kienet il-kultura bbażata fuq it-tagħlim tas-Salvatur fil-meridjan taż-żminijiet, u għal darb’oħra hi disponibbli għal kull mara u raġel fi żmienna. Hija unika. Hi l-akbar fost il-kulturi kollha u ġejja mill-pjan kbir ta’ ferħ, imfassal minn Alla u esegwit minn Kristu. Tgħaqqad minflok tifred. Tfejjaq minflok tagħmel il-ħsara.
L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jgħallimna li hemm skop fil-ħajja. Li aħna ninsabu hawn mhuwiex xi aċċident jew żball kożmiku kbir! Hemm raġuni għax ninsabu hawn.
L-għeruq ta’ din il-kultura hi t-testimonjanza li Missierna fis-Smewwiet jeżisti, li Hu reali u jħobb lil kull wieħed u waħda minna, individwalment. Aħna “il-ħidma tiegħu u l-glorja tiegħu.”1 Din il-kultura tħeġġeġ il-kunċett li kulħadd għandu l-istess valur. Ma tarax kulur jew klassi. Aħna lkoll wara kollox aħwa, ulied spirtu tal-ġenituri tagħna tas-smewwiet—letteralment. M’hemmx preġudizzju jew mentalità ta’ “aħna kontra huma” fl-akbar fost il-kulturi kollha. Aħna lkoll “aħna”. Aħna lkoll “huma.” Nemmnu li aħna responsabbli u kontabbli għalina nfusna, għal xulxin, għall-Knisja, u għad-dinja. Ir-responsabbiltà u l-kontabilità huma fatturi importanti fl-iżvilupp tagħna.
Il-karità, li verament nieħdu ħsieb xulxin kif irid Kristu, hi l-pedament ta’ din l-kultura. Inħossuna responsabbli verament mill-bżonnijiet ta’ għajrna, dawk temporali u spiritwali, u naġixxu skont dawk is-sentimenti. Dan ikeċċi l-preġudizzju u l-mibegħda.
Ingawdu kultura ta’ rivelazzjoni, iċċentrata fuq il-kelma ta’ Alla kif jirċevuha l-profeti (u tiġi personalment ivverifikata lilna lkoll permezz tal-Ispirtu s-Santu). L-umanità kollha tista’ tkun taf ir-rieda u l-moħħ ta’ Alla.
Din il-kultura tippromwovi l-prinċipju tal-volontà. L-abbiltà li nagħżlu hi mill-aktar importanti għall-iżvilupp u l-ferħ tagħna. Hu essenzjali li nagħżlu bil-għaqal.
Hi kultura ta’ tagħlim u studju. Aħna nfittxu l-għarfien u l-għerf u l-aqwa f’kollox.
Hi kultura ta’ fidi u ubbidjenza. Il-fidi f’Ġesù Kristu hu l-ewwel prinċipju tal-kultura tagħna u l-ubbidjenza lejn it-tagħlim u l-kmandamenti tiegħu hu r-riżultat ta’ dan. Dawn iwasslu biex nagħmlu li nistgħu ħalli nitjiebu.
Hi kultura ta’ talb. Nemmnu li Alla mhux biss jismagħna, iżda wkoll jgħinna.
Hi kultura ta’ patti u ordinanzi, standards ta’ morali għolja, sagrifiċċju, maħfra u ndiema, u li nieħdu ħsieb it-tempju ta’ ġisimna. Dan kollu jagħti xhieda tal-impenn tagħna lejn Alla.
Hi kultura mmexxija mis-saċerdozju, l-awtorità li naġixxu f’isem Alla, il-qawwa ta’ Alla li tbierek lil uliedu. Tedifika l-individwi u tagħmilha possibbli nsiru nies, mexxejja, ommijiet, missirijiet, u kumpanji aħjar—u tqaddes lid-djar.
Il-vera mirakli jinsabu f’din il-kultura, l-aktar waħda antika fosthom kollha, li jiġu fis-seħħ permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu, tal-qawwa tas-saċerdozju, tat-talb, tat-titjib personali, tal-konverżjoni vera, u tal-maħfra.
Hi kultura ta’ ħidma missjunarja. Il-valur tal-erwieħ hu kbir.
Fil-kultura ta’ Kristu, in-nisa huma elevati għall-istatus xieraq u etern tagħhom. Huma mhux sottomessi għall-irġiel, kif inhuma f’bosta kulturi fid-dinja llum, iżda sieħba ndaqs u sħaħ f’din id-dinja u fid-dinja li jmiss.
Din il-kultura tikkonferma l-qdusija tal-familja. Il-familja hi l-unit bażika tal-eternità. Il-perfezzjoni tal-familja tagħmel kull sagrifiċċju vallapena għaliex, kif ġejna mgħallmin, “l-ebda suċċess ieħor ma jista’ jikkumpensa għall-falliment fid-dar.”2 Id-dar hi fejn isseħħ l-aqwa ħidma u fejn jinkiseb l-akbar ferħ.
Fil-kultura ta’ Kristu hemm perspettiva—u direzzjoni eterna u konċentrament etern. Din il-kultura tittratta dwar ħwejjeġ ta’ valur etern! Ġejja mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li hu etern u jispjega l-għaliex, ix-x’inhu u l-fejn tal-eżistenza tagħna. (Hija inklussiva, mhux esklussiva.) Peress li din il-kultura hi riżultat tal-applikazzjoni tat-tagħlim tas-Salvatur tagħna tgħin biex jitwassal il-balzmu tal-fejqan li d-dinja tagħna verament teħtieġ.
X’barka hi li nagħmlu parti minn din il-ħajja grandjuża u nobbli! Biex inkunu parti minn din, l-akbar fost il-kulturi kollha, jeħtieġ nagħmlu bidla. Il-profeti għallmuna li hu neċessarju li nħallu warajna kull ħaġa fil-kulturi antiki tagħna li hi inkonsistenti mal-kultura ta’ Kristu. Iżda dan ma jfissirx li għandna nħallu warajna kollox. Il-profeti enfasizzaw ukoll li aħna mistednin, ilkoll kemm aħna, biex inġibu l-fidi, it-talenti, u l-għarfien tagħna—dak kollu li hu tajjeb f’ħajjitna u fil-kulturi individwali tagħna—magħna , u nħallu lill-Knisja “żżid miegħu” permezz tal-messaġġ tal-evanġelju.3
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ma tantx tista’ ssejħilha soċjetà tal-Punent jew xi fenomenu kulturali Amerikan. Hija Knisja internazzjonali, kif dejjem kien l-għan li tkun. Aktar minn hekk, hija divina. Membri ġodda minn madwar id-dinja jġibu magħhom ir-rikkezzi, id-diversità, u l-eċċitament fil-familja dejjem tikber tagħna. Il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ma’ kullimkien xorta waħda jiċċelebraw u jonoraw il-wirt u l-eroj tagħhom, iżda issa huma wkoll parti minn xi ħaġa akbar. Il-kultura ta’ Kristu tgħinna nħarsu lejna nfusna kif aħna verament, u meta nħarsu mil-lenti tal-eternità, ibbilanċjata mis-sewwa, isservi biex tkabbar l-abbiltà tagħna li nwettqu l-pjan kbir ta’ ferħ.
Għalhekk, x’ġara mill-ħabib tiegħi? Mela, hu ġie mgħallem il-lezzjonijiet u ngħaqad mal-Knisja. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-familja tiegħu ġiet issiġillata għal żmien u l-eternità kollha fit-Tempju ta’ Sydney, fl-Awstralja. Hu ċeda ftit—u kiseb il-potenzjal li jkollu kollox. Hu skopra li xorta waħda seta’ jiċċelebra l-istorja tiegħu, xorta seta’ jibqa’ kburi bl-antenati tiegħu, bil-mużika, biż-żfin u l-letteratura tiegħu, bl-ikel, bil-pajjiż u bil-poplu tiegħu. Hu sab li ma hemm l-ebda problema jinkorpora l-aqwa aspetti tal-kultura lokali tiegħu fl-akbar fost il-kulturi kollha. Hu skopra li għax ġab dak kollu li hu konsistenti mal-verità u s-sewwa mill-ħajja passata tiegħu fil-ħajja l-ġdida tiegħu dan serva biex tejjeb is-sħubija tiegħu mal-Qaddisin u għen biex jgħaqqad lil kulħadd fis-soċjetà tas-smewwiet.
Aħna lkoll nistgħu, tabilħaqq, ngħożżu l-aqwa tal-kulturi individwali tagħna tad-dinja u xorta waħda nkunu parteċipanti sħaħ fl-aktar kultura antika fosthom kollha—il-kultura oriġinali, aħħarija, u eterna li hi prodott tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. X’wirt meraviljuż aħna lkoll għandna. F’isem Ġesù Kristu, amen.