Konferenza Ġenerali
Jien Nemmen fl-Anġli
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Jien Nemmen fl-Anġli

Il-Mulej konxju mill-isfidi li tiffaċċjaw. Hu jafkom, Hu jħobbkom, u nwegħidkom li Hu jibgħat l-anġli biex jgħinukom.

Ħuti, jien nemmen fl-anġli, u nixtieq naqsam magħkom l-esperjenzi tiegħi tagħhom. Waqt li nagħmel dan, nittama u nitlob li intom tagħrfu l-importanza tal-anġli f’ħajjitna.

Dan hu l-kliem tal-Presbiteru Jeffrey R. Holland minn konferenza ġenerali tal-passat: “Meta nitkellmu dwar dawk li huma strumenti f’idejn Alla, nirrealizzaw li mhux l-anġli kollha huma min-naħa l-oħra tal-velu. Xi wħud minnhom nimxu u nitkellmu magħhom—hawn, bħalissa, kuljum. Xi wħud minnhom jgħixu fl-inħawi fejn noqogħdu. … Fil-fatt, is-smewwiet l-aktar li jkunu viċin tagħna hu meta naraw l-imħabba ta’ Alla timmanifesta ruħha fit-tjubija u d-devozzjoni ta’ nies verament twajbin u daqstant safja li ma nistax naħseb kelma aħjar biex niddeskrivihom minn angeliċi ” (“The Ministry of Angels,” Liahona, Nov. 2008, 30).

Nixtieq inkellimkom dwar l-anġli fuq din in-naħa tal-velu. L-anġli li jimxu fostna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ifakkruna verament fl-imħabba ta’ Alla għalina.

L-ewwel anġli li se nsemmi huma ż-żewġ aħwa missjunarji li għallmuni l-evanġelju meta kont għadni żagħżugħ: Sister Vilma Molina u Sister Ivonete Rivitti. Jien u oħti ż-żgħira ġejna mistednin għal attività tal-Knisja fejn iltqajna ma’ dawn iż-żewġ anġli. Qatt ma mmaġinajt kif attività sempliċi setgħet tibdilli ħajti.

F’dak iż-żmien, il-ġenituri tiegħi u ħuti ma kenux interessati li jitgħallmu aktar dwar il-Knisja. Lanqas biss kienu lesti li jilqgħu lill-missjunarji f’darna, għalhekk attendejt għal-lezzjonijiet missjunarji fil-bini tal-Knisja. Dik il-kamra żgħira fil-kappella saret “il-masġar sagru” tiegħi.

Iż-żagħżugħ Presbiteru Godoy mal-aħwa nisa

Xahar wara li dawn l-anġli introduċewni mal-evanġelju, jien tgħammidt. Kelli 16-il sena. Sfortunatament, m’għandix ritratt ta’ dak l-avveniment sagru, iżda għandi ritratt tiegħi u ta’ oħti fi żmien meta ħadna sehem f’dik l-attività. Nixtieq nikkjarifika min huwa min f’dan ir-ritratt. Jien l-itwal wieħed fuq il-lemin.

Kif tistgħu timmaġinaw, li nibqa’ attiv fil-Knisja kienet sfida għal żagħżugħ adoloxxenti li l-istil ta’ ħajja tiegħu kien għadu kif inbidel u li l-familja tiegħu ma kenux jinsabu fl-istess triq.

Kif kont qed nipprova nagħmel il-bidla għall-ħajja ġdida tiegħi, għal kultura ġdida, u għal ħbieb ġodda, bdejt inħossni bħal ħuta barra mill-ilma. Ħassejtni waħdi u xi kultant bdejt naqta’ qalbi. Kont naf li l-Knisja kienet vera, iżda bdejt insibha diffiċli nkun parti minnha. Waqt li kont daqstant skomdu u inċert hekk kif kont qed nipprova niffittja fir-reliġjon ġdida tiegħi, sibt il-kuraġġ li nipparteċipa f’konferenza ta’ tlett ijiem għaż-żgħażagħ, li ħsibt li setgħet tgħinni nagħmel ħbieb ġodda. Kien hemmhekk li ltqajt ma’ anġlu ieħor lest biex isalvani bl-isem ta’ Mônica Brandão.

Sister Godoy

Kienet għadha ġdida f’dawk l-inħawi, wara li kienet ġiet toqgħod hemm minn parti oħra tal-Brażil. Għajnejja mill-ewwel marru fuqha u, fortunatament, hi aċċettat li tkun ħabiba miegħi. Naħseb li aktar ħadet grazzja ma’ dak li kont minn ġewwa milli minn barra.

Minħabba li għamlet ħabiba miegħi, hi introduċietni ma’ sħabha, li mbagħad saru sħabi hekk kif flimkien gawdejna bosta attivitajiet taż-żgħażagħ li attendejt għalihom wara. Dawk l-attivitajiet kienu mill-aktar importanti biex jien nintegra f’din il-ħajja ġdida.

Il-ħbieb tal-Presbiteru Godoy

Dawn il-ħbieb twajba għamlu differenza kbira, iżda li ma stajtx nitgħallem l-evanġelju f’dari u f’familja tissapportjani xorta waħda poġġiet il-konverżjoni kontinwa tiegħi f’riskju. L-interazzjonijiet tiegħi tal-evanġelju fil-Knisja saru saħansitra aktar kruċjali fil-konverżjoni dejjem tikber tiegħi. Imbagħad, żewġ anġli oħra ġew mibgħuta mill-Mulej biex jgħinuni.

Waħda minnhom kienet Leda Vettori, l-għalliema tiegħi tas-seminarju ta’ kmieni filgħodu. Permezz tal-imħabba li laqgħetni biha u l-klassijiet ispirati tagħha, tatni doża kuljum tal- “kelma tajba ta’ Alla” (Moroni 6:4), li tant kelli bżonn tul il-jum tiegħi. Dan għenni nikseb il-qawwa spiritwali li nibqa’ għaddej.

Anġlu ieħor li ntbagħat għandi biex jgħinni kien il-president tal-Ġuvintur, Marco Antônio Fusco. Hu ġie assenjat ukoll biex ikun il-kollega aktar anzjani tiegħi fit-tagħlim tad-dar. Minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza u d-dehra differenti tagħna, hu tani assenjazzjoni biex ngħallem fil-laqgħat tal-kworum tagħna tal-qassisin u fiż-żjajjar tat-tagħlim tad-dar. Hu tani ċ-ċans li naġixxi u nitgħallem u mhux inkun sempliċiment osservatur tal-evanġelju. Huwa wera fiduċja fija, aktar milli kelli fija nnifsi.

Grazzi għal dawn l-anġli, u għal ħafna oħrajn li ltqajt magħhom f’dawk l-ewwel snin mill-aktar importanti, jien irċevejt biżżejjed qawwa li nibqa’ miexi fit-triq tal-patt hekk kif ksibt xhieda spiritwali tal-verità.

U bilħaqq, dak l-anġlu li kien tfajla żagħżugħa, Mônica? Wara li t-tnejn li aħna servejna missjoni, hi saret marti.

Ma naħsibx li kienet koinċidenza li l-ħbieb twajba, ir-responsabbiltajiet tal-Knisja, u s-sosteniment permezz tal-kelma tajba ta’ Alla kienu parti minn dak il-proċess. Il-President Gordon B. Hinckley għallem b’tant għaqal: “Mhux faċli li tagħmel it-transizzjoni meħtieġa biex tingħaqad ma’ din il-Knisja. Ifisser li tabbanduna ċerti drawwiet. Ifisser li tħalli warajk ċerti ħbieb. Jaf ifisser li twarrab ċertu twemmin li kont tgħożż. Jaf ikollok tibdel dak li kont tħobb tagħmel u tikkontrolla ċerti aptiti. F’ħafna minn dawn il-każijiet ifisser solitudni u saħansitra biża’ minn dak li ma tafx dwaru. Jeħtieġ li jkun hemm ċertu sosteniment u sapport waqt dan l-istaġun diffiċli fil-ħajja ta’ membru ġdid” (“There Must Be Messengers,” Ensign, Ott. 1987, 5).

Aktar tard hu għallem ukoll, “Kull wieħed minnhom jeħtieġ tliet affarijiet: ħabib, responsabbiltà, u li jiġi mrawwem permezz tal-‘kelma t-tajba ta’ Alla’” (“Converts and Young Men,” Ensign, Mejju 1997, 47).

Għalfejn qed naqsam magħkom dawn l-esperjenzi?

L-ewwel, biex nibgħat messaġġ lil dawk li bħalissa għaddejjin minn proċess simili. Jista’ jkun inti membru ġdid, jew li erġajt lura fil-Knisja wara li għamilt ftit żmien iddur, jew sempliċiment xi ħadd li qed issibha diffiċli tiffittja. Jekk jogħġobkom, taqtgħux qalbkom fl-isforzi tagħkom li tkunu parti minn din il-familja kbira. Din hi l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu!

Fejn tidħol l-hena u s-salvazzjoni tagħkom, dejjem hu vallapena l-isforz li tkomplu tippruvaw. Hu vallapena l-isforz li tibdlu l-istil ta’ ħajja u t-tradizzjonijiet tagħkom. Il-Mulej konxju mill-isfidi li tiffaċċjaw. Hu jafkom, Hu jħobbkom, u nwegħidkom li Hu jibgħat l-anġli biex jgħinukom.

Fi kliemu stess is-Salvatur qal: “Jiena se nkun quddiemkom. Jiena se nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi se jkun f’qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom” (Doctrine and Covenants 84:88).

It-tieni għan għalfejn jien qsamt magħkom dawn l-esperjenzi hu biex nibgħat messaġġ lill-membri kollha tal-Knisja—lilna lkoll. Jeħtieġ niftakru li mhux faċli għall-membri ġodda, għal dawk li reġgħu lura, u dawk bi stil ta’ ħajja differenti biex jiffittjaw mill-ewwel. Il-Mulej konxju tal-isfidi li jiffaċċjaw, u Hu qed ifittex l-anġli li huma lesti biex jgħinuna. Il-Mulej dejjem jinsab ifittex voluntiera lesti biex ikunu anġli fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Ħuti, intom lesti biex tkunu strument f’idejn il-Mulej? Lesti tkunu wieħed mill-anġli tiegħu? Li tkunu rappreżentanti, mibgħuta minn Alla, minn din in-naħa tal-velu, għal xi ħadd li Hu jinsab inkwetat dwaru? Hu għandu bżonnkom. Huma għandhom bżonnkom.

Bla dubju, aħna dejjem nistgħu niddependu fuq il-missjunarji tagħna. Huma dejjem jinsabu lesti, l-ewwel nies li jinkitbu għal dan l-impjieg anġeliku. Iżda huma mhux biżżejjed.

Jekk tħarsu madwarkom bir-reqqa ssibu ħafna li huma fil-bżonn tal-għajnuna ta’ xi anġlu. Dawn in-nies jafu ma jkunux lebsin qmis bajda, xi libsa skura, jew xi lbies li normalment nilbsu nhar ta’ Ħadd. Jafu jkunu bilqiegħda weħidhom, fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella jew tal-klassi, xi kultant b’sentiment fihom bħallikieku li huma inviżibbli. L-istil ta’ xagħarhom jaf ikun ftit eżeġerat jew il-lingwaġġ tagħhom differenti, iżda huma jinsabu hemm, u qed jippruvaw.

Xi wħud jafu jistaqsu lilhom infushom, “Tgħid nibqa’ nattendi? Tgħid nibqa’ nipprova?” Oħrajn jafu qed jistaqsu lilhom infushom jekk qattx se jħossuhom aċċettati u maħbuba. Hemm bżonn tal-anġli, issa stess; anġli li lesti jagħmlu daqsxejn ta’ sforz biex iħaddnuhom magħhom; “Nies verament twajbin u daqstant safja li ma nistax naħseb f’kelma aħjar biex niddeskrivihom minn angeliċi ” (Jeffrey R. Holland, “The Ministry of Angels,” 30).

Ħuti, jien nemmen fl-anġli! Aħna ninsabu hawn illum, armata enormi ta’ anġli distinti għal dawn l-aħħar żminijiet, biex nimministraw lil ħaddieħor bħala estensjoni ta’ jdejn il-Ħallieq li tant iħobbna. Inwegħidkom li jekk aħna lesti li nservu, il-Mulej jagħtina opportunitajiet biex inkunu anġli li jimministraw. Hu jaf min jeħtieġ l-għajnuna anġelika, u Hu jlaqqagħhom magħna. Il-Mulej ipoġġi lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna anġelika fit-triq tagħna kuljum.

Jien verament grat għall-ħafna anġli li l-Mulej poġġa fit-triq tiegħi tul ħajti. Huma kien hemm bżonnhom. Jiena grat ukoll għall-evanġelju tiegħu li jgħinna ninbidlu u jagħtina ċ-ċans li nkunu aħjar.

Dan hu evanġelju ta’ mħabba, evanġelju ta’ ministeru. Ta’ dan jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, amen.