Konferenza Ġenerali
Nimxu ’l quddiem
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Nimxu ’l quddiem

Il-ħidma tal-Mulej tinsab miexja ’l quddiem b’konsistenza.

Għeżież ħuti, kemm jien ferħan li ninsab magħkom hawn hekk kif nibdew il-190 Konferenza Ġenerali Semiannwali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Veru nieħu gost ningħaqad magħkom li tinsabu fi djarkom jew f’postijiet oħra, biex nisimgħu flimkien il-messaġġi ta’ profeti, veġġenti, u rivelaturi u mexxejja oħra tal-Knisja.

Kemm aħna grati għat-teknoloġija li tagħtina ċ-ċans li ningħaqdu flimkien f’laqgħa waħda kbira u dinjija bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Il-konferenza ġenerali ta’ April li għadda rawha aktar nies minn kull konferenza oħra ta’ qabilha, u aħna qed nistennew li dan jerġa’ jiġri.

Tul dawn l-aħħar xhur, pandemija globali, nirien mill-aktar qerrieda, u xi diżastri naturali oħra qallbu lid-dinja ta’ taħt fuq. Ningħaqad ma’ dawk kollha li tliftu lil xi ħadd f’dawn iż-żminijiet fin-niket tagħkom. U nitlob għal dawk kollha li bħalissa qed ibatu.

Sadattant, il-ħidma tal-Mulej tinsab miexja ’l quddiem b’konsistenza. Fost id-distanza soċjali, il-maskri tal-wiċċ, u l-laqgħat biz-Zoom, tgħallimna nagħmlu ċerti affarijiet b’mod differenti u oħrajn b’mod aktar effettiv. Żminijiet mhux tas-soltu jistgħu jġibulna barkiet mhux tas-soltu.

Il-missjunarji u l-mexxejja tal-missjoni tagħna kienu verament effiċjenti, reżiljenti, u meraviljużi. Minkejja li bosta missjunarji kellhom isibu modi ġodda u kreattivi kif iwettqu l-ħidma tagħhom, ħafna missjonijiet irrapportaw li għallmu aktar tagħlim minn qatt qabel.

Kellna nagħlqu t-tempji għal xi żmien, u ċerti proġetti ta’ kostruzzjoni baqgħu ftit lura, iżda issa kollox miexi ’l quddiem. Fis-sena 2020, se nkunu tajna bidu għal bini ta’ 20 tempju ġdid!

Il-ħidma tal-istorja tal-familja kibret b’mod esponenzjali. Inħolqu wkoll bosta oqsma u utied. U b’sodisfazzjon inħabbru li waqt il-pandemija, il-Knisja pprovdiet għajnuna umanitarja għal 895 proġett f’150 pajjiż.

Żieda fl-istudju tal-evanġelju f’ħafna djar qed jirriżulta f’testimonjanzi u relazzjonijiet tal-familja aktar b’saħħithom. Waħda omm kitbitli: “Inħossuna aktar viċin ta’ wliedna u tan-neputijiet tagħna issa li qed ninġabru flimkien fuq Zoom kull nhar ta’ Ħadd. Ilkoll qed naqsmu l-ħsibijiet tagħna fil-lezzjoni ta’ Come, Follow Me. It-talb għall-membri tal-familja tagħna nbidel għaliex qed nifhmu aħjar huma x’jeħtieġu.”

Nitlob li aħna bħala nies nużaw dan iż-żmien uniku biex nikbru spiritwalment. Aħna ninsabu hawn fid-dinja biex niġu ppruvati, biex naraw aħniex lesti li nimxu wara Ġesù Kristu, li nindmu regolarment, li nitgħallmu, u li nibqgħu mexjin ’il quddiem. L-ispirti tagħna jixtiequ jkomplu jagħmlu aktar progress. U aħna nagħmlu l-almu tagħna billi nibqgħu sodi fit-triq tal-patt.

Fuq kollox, Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, iħobbuna! Jimpurtahom minna! Huma u l-anġli mqaddsa tagħhom qed iħarsuna.1 Jien naf li dan hu minnu.

Hekk kif ninġabru biex nisimgħu l-kliem li l-Mulej ispira li għandhom jgħidu l-qaddejja tiegħu, nistedinkom biex tixtarru wegħda li għamel il-Mulej. Hu ddikjara li “Kull min, iżomm sħiħ mal-kelma ta’ Alla, li hi ħajja u qawwija, li ġġib fix-xejn il-makkakerija … u t-tnassis tax-xitan, u tmexxi lid-dixxipli ta’ Kristu fit-triq stretta u dejqa.”2

Nitlob li intom tagħżlu li żżommu sod mal-kelma ta’ Alla hekk kif hija mxandra f’din il-konferenza ġenerali. U nitlob li intom tkunu tistgħu tħossu l-imħabba perfetta li l-Mulej għandu għalikom ,3 fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen