Konferenza Ġenerali
Insiru Bħalu
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Insiru Bħalu

Hu biss permezz tal-għajnuna divina tas-Salvatur li nistgħu nibqgħu naħdmu biex insiru bħalu.

Anke għall-istudent li jistudja b’reqqa kbira l-ħajja u l-ministeru ta’ Ġesù Kristu, dak li talabna s-Salvatur biex inkunu “Sewwasew kif jiena jiena”1 hi xi ħaġa intimidanti u li tidher diffiċli ħafna. Jista’ jkun li intom bħali—konxji wisq tad-difetti u n-nuqqasijiet tagħkom, għalhekk issibuha mentalment aktar ta’ faraġ li timxu fi triq li mhijiex għat-telgħa u li fiha ma tantx hemm lok li tikbru. “Bla dubju, dan it-tagħlim mhux realistiku u huwa esaġerat,” nirrazzjonalizzaw aħna, hekk kif b’mod aktar komdu nagħżlu t-triq tal-anqas reżistenza, li fiha naħlu anqas kaloriji mill-bidla meħtieġa.

Xi ngħidu jekk li nsiru “sewwasew kif [inhu hu]” mhijiex xi ħaġa figurattiva, anke fil-kundizzjoni mortali tagħna? Xi ngħidu jekk, sa ċertu punt, hi xi ħaġa possibbli f’din il-ħajja u, fil-fatt, prerekwiżit biex nerġgħu nkunu miegħu? Xi ngħidu jekk “sewwasew kif jiena jiena” hi eżattament u preċiżament dak li ried ifisser is-Salvatur? Xi ngħidu jekk hu hekk? Kemm hu kbir l-isforz li lesti nagħmlu biex nistiednu l-qawwa mirakoluża tiegħu f’ħajjitna ħalli nkunu nistgħu nibdlu l-istess natura tagħna?

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: “Hekk kif nixtarru fuq dak li ġejna mitlubin minn Ġesù li nsiru bħalu, naraw li ċ-ċirkustanza preżenti tagħna hi waħda li fiha m’aħniex neċessarjament ħżiena, iżda, pjuttost, hi waħda li ninsabu fiha b’nofs qalb u neqsin mill-entużjażmu għall-kawża tiegħu—li hi l-kawża tagħna, ukoll! Aħna nirrikonoxxuh iżda rari nimitawh.”2 Wieħed reliġjuż żagħżugħ, Charles M. Sheldon, esprima sentimenti simili b’dan il-mod: “Il-Kristjanità tagħna tħobb il-kumdità wisq biex iġġorr xi ħaġa daqstant ħarxa u tqila bħalma hu s-salib.”3

Fil-fatt, aħna lkoll ġejna mitlubin biex insiru bħalu, kif Ġesù Kristu sar bħall-Missier.4 Kif aħna nagħmlu l-progress, insiru aktar sħaħ, raffinati, u żviluppati sew.5 Dan it-tagħlim mhuwiex ibbażat fuq xi duttrina ta’ xi setta partikolari iżda ġej direttament mingħand l-Imgħallem innifsu. Hu permezz ta’ din il-lenti li għandna ngħixu ħajjitna, nikkunsidraw kif nikkomunikaw ma’ ħaddieħor, u niżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħna. Tabilħaqq, m’hemmx mod ieħor kif nistgħu nfejqu l-ġrieħi tar-relazzjonijiet imkissrin jew ta’ soċjetà maqsuma milli nimitaw ilkoll b’mod aktar sħiħ lill-Prinċep tal-Paċi.6

Ejjew nikkunsidraw kif nistgħu nibdew insegwiment serju, intenzjonat u bil-ħsieb li nsiru bħalu billi niksbu l-istess kwalitajiet ta’ Ġesù Kristu.

Nirriżolvu u Nikkommettu

Ftit tas-snin ilu, jien u marti konna ninsabu weqfin fil-bidu ta’ trejqa fuq il-Muntanja Fuji, l-ogħla muntanja fil-Ġappun. Hekk kif bdejna telgħin it-telgħa ħarisna ’il fuq lejn il-quċċata fil-bogħod u bdejna nikkontemplaw jekk kienx se jirnexxielna naslu s’hemm.

Muntanja Fuji

Aħna u telgħin aktar ’il fuq, bdejna nesperjenzaw l-għeja, uġigħ fil-muskoli, u l-effetti tal-altitudni. Mentalment, kien importanti għalina li niffokaw biss fuq il-pass li kien imiss. Bdejna ngħidu, “Jista’ jkun li se ndum ma nasal sal-quċċata, iżda bħalissa nista’ nagħmel il-pass li jmiss.” Aktar ma beda jgħaddi l-ħin dak li deher verament diffiċli sar possibli—pass wara pass.

L-ewwel pass f’din it-triq biex insiru bħal Ġesù Kristu hu li jkollna x-xewqa li nagħmlu dan. Li nifhmu l-kmand tiegħu li nkunu bħalu hi ħaġa tajba, iżda jeħtieġ ukoll li jkollna x-xewqa li nittrasformaw irwieħna, pass wara pass, lil hinn mill-bniedem naturali.7 Biex niżviluppaw din ix-xewqa, jeħtieġ inkunu nafu min Hu Ġesù Kristu. Jeħtieġ inkunu nafu xi ħaġa dwar il-karattru tiegħu,8 u jeħtieġ infittxu l-kwalitajiet tiegħu fl-iskrittura, fis-servizzi ta’ qima, u f’postijiet qaddisa oħra. Hekk kif nibdew insiru nafu aktar dwaru, nibdew naraw il-kwalitajiet tiegħu jirriflettu f’ħaddieħor. Dan iħeġġiġna biex infittxu dwarna nfusna, għax jekk oħrajn jistgħu jiksbu, b’xi mod, il-kwalitajiet tiegħu, aħna nistgħu nagħmlu l-istess.

Jekk inkunu onesti magħna nfusna, id-Dawl ta’ Kristu9 ġewwa fina jgħidilna b’leħen sieket li hemm daqsxejn ta’ distanza bejn fejn ninsabu mqabbel mal-karattru mixtieq tas-Salvatur.10 Din l-onestà hi mill-aktar importanti jekk irridu nagħmlu progress li nsiru bħalu. Fil-fatt, l-onestà hi waħda mill-kwalitajiet tiegħu.

Mera li tgħawweġ il-figura tagħna

Issa, aħna li aħna għaqlin nafu nikkunsidraw nistaqsu lil xi membru tal-familja, lill-konjuġi tagħna, u lil xi ħbieb jew mexxej spiritwali liema hi l-kwalità ta’ Kristu li neħtieġu—u jaf ikun hemm bżonn li naċċettaw dak li jgħidulna! Xi kultant naraw lilna nfusna bħallikieku f’mera li tgħawweġ il-figura tagħna u ġġibna nidhru ferm eħxen jew ferm irqaq milli fil-fatt aħna.

Ħbieb u membri tal-familja li nafdawhom jistgħu jgħinuna nħarsu lejna nfusna b’mod aktar ċar, iżda anke huma, minkejja li jħobbuna u jridu jgħinuna, jistgħu jaraw l-affarijiet b’mod imperfett. Minħabba f’hekk, importanti ħafna li nistaqsu wkoll lill-Missierna fis-Smewwiet x’neħtieġu u fuq xiex għandna niffokaw l-isforzi tagħna. Hu qed jara l-veduta sħiħa tagħna u b’imħabba jurina d-dgħjufija tagħna.11 Intom tafu titgħallmu li teħtieġu aktar paċenzja, umiltà, karità, imħabba, tama, diliġenza, jew ubbidjenza, biex nagħti eżempju ta’ ftit.12

M’ilux, jien kelli esperjenza li daħħlitni f’qoxorti meta mexxej tal-Knisja mill-aktar maħbub issuġġerieli b’mod dirett li jien stajt nuri aktar fija ċerta kwalità partikolari. Hu b’imħabba ma qagħadx jgħawweġ il-kliem. Dak il-lejl, jien qsamt din l-esperjenza ma’ marti. Hi b’sens karitattevoli wriet il-ħniena miegħi minkejja li qablet mas-suġġeriment tiegħu. L-Ispirtu s-Santu kkonfermali li l-parir tiegħu kien ġej minn Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna.

Jaf ikun ta’ għajnuna wkoll li b’onestà nagħmlu l-attività dwar il-kwalitajiet Kristjani li hemm f’kapitlu 6 ta’ Preach My Gospel.13

La darba tkunu għamiltu evalwazzjoni onesta u tiddeċiedu li se tibdew mexjin ’il fuq fil-muntanja, jeħtieġ li tindmu. Il-President Russell M. Nelson qal: “Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-ferħ—il-ferħ tal-fidwa fih. Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu.”14

Biex insiru kif inhu Ġesù Kristu jeħtieġ minna li nagħmlu bidla f’qalbna u f’moħħna, sewwasew, fl-istess karattru tagħna, u li nagħmlu dan hu possibbli biss permezz tal-grazzja li ssalvana ta’ Ġesù Kristu.15

Nidentifikaw u Naġixxu

Issa li ddeċidejtu li tinbidlu u tindmu u fittixtu l-gwida permezz tat-talb, u xtarrejtu b’onestà, u possibbilment iddiskutejtu ma’ ħaddieħor, jeħtieġ li tagħżlu xi kwalità lesti tiffokaw fuqha b’ħerqa. Hemm bżonn tikkommettu rwieħkom li se tkunu lesti tagħmlu sforz sinifikanti. Dawn il-kwalitajiet ma niksbuhomx f’ħakka t’għajn bla ebda sforz, iżda permezz tal-grazzja tiegħu nibdew niksbuhom inkrementalment waqt li nagħmlu l-almu tagħna.

Il-kwalitajiet Kristjani huma doni minn Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba biex ibierek lilna u lil ta’ madwarna. Għaldaqstant, l-isforzi tagħna li niksbu dawn il-kwalitajiet jeħtieġu minna li nitolbu minn qalbna għall-assistenza divina tiegħu. Jekk infittxu dawn id-doni biex naqdu lil ħaddieħor aħjar, Hu jberikkna fl-isforzi tagħna. Jekk infittxu b’egoiżmu xi don mingħand Alla dan iwassal għad-diżappunt u l-frustrazzjoni.

Jekk tiffokaw b’qawwa fuq kwalità meħtieġa waħda, hekk kif tibdew tirnexxu f’li tiksbu dik il-kwalità, ma ddumux ma tibdew tiksbu kwalitajiet oħra. Jista’ jkun xi ħadd li qed jiffoka b’qawwa fuq il-karità ma jikbirx ukoll fl-imħabba u l-umiltà? Jista’ jkun xi ħadd li qed jiffoka fuq l-ubbidjenza ma jiksibx diliġenza u tama akbar? L-isforzi sinifikanti tagħkom biex tiksbu xi kwalità isiru l-marea li tgħolli d-dgħajjes fil-port.

Nirreġistraw u Nsostnu

Importanti għalija hekk kif nagħmel li nista’ biex insir bħalu li nirreġistra l-esperjenzi tiegħi u x’qed nitgħallem. Hekk kif nistudja b’waħda mill-kwalitajiet tiegħu f’moħħi, nibda nħares lejn l-iskrittura minn lenti differenti kif nibda nara eżempji ta’ din il-kwalità fit-tagħlim, fil-ministeru, u fid-dixxipli tiegħu. Għajnejja jibdew jiffokaw aktar fuq li nagħraf dik il-kwalità f’ħaddieħor. Jien osservajt ċerti individwi meraviljużi kemm fil-Knisja u kemm barra li għandhom fihom kwalitajiet jixbhu lil tiegħu. Huma eżempji mill-aqwa ta’ kif dawn il-kwalitajiet nistgħu narawhom fi bnedmin mortali permezz tal-grazzja tiegħu kollha mħabba.

Biex taraw progress veru, jeħtieġ li turu sforz kontinwu. Bl-istess mod kif wieħed li jitla’ fuq muntanja jeħtieġ li jitħejja minn qabel, kif ukoll jeħtieġ il-perseveranza u li jibqa’ jirreżisti waqt li jkun tiela’, hekk ukoll dan il-vjaġġ jeħtieġ sforz u sagrifiċċju reali. Il-vera Kristjanità, li fiha nagħmlu li nistgħu biex insiru bħall-Imgħallem tagħna, dejjem talbet minna li nagħmlu dak kollu li nistgħu.16

Issa kelma ta’ twissija. Il-kmandament li nkunu bħalu mhux intenzjonat biex aħna nħossuna ħatja, indenji, jew mhux maħbuba. L-esperjenza mortali sħiħa tagħna hi kkaraterizzata milli nixmu ’l quddiem, nippruvaw, naqgħu, u nirnexxu. L-istess kif jien u marti xtaqna li stajna nagħlqu għajnejna u b’mod maġiku nittrasportaw lilna nfusna sal-quċċata, dan mhux l-għan tal-ħajja.

Intom tajbin biżżejjed, intom maħbubin, iżda dan ma jfissirx li intom diġà perfetti. Baqa’ ħafna xi jsir f’din il-ħajja u f’li jmiss. Hu biss permezz tal-għajnuna divina tiegħu li nistgħu nibqgħu naħdmu biex insiru bħalu.

F’dawn iż-żminijiet meta, “kollox [jidher] li jinsab f’konfużjoni; u … l-biża’ [bħal qisha] qed taħkem lil kulħadd,”17 l-uniku antidot, l-uniku rimedju, hu li nagħmlu li nistgħu biex insiru bħas-Salvatur,18 il-Feddej19 tal-umanità kollha, id-Dawl tad-Dinja,20 u li nimxu wara Dak li ddikjara, “Jiena t-triq.”21

Il-Feddej

Jiena naf li nsiru bħalu permezz tal-għajnuna u l-qawwa divina tiegħu hi xi ħaġa li nistgħu niksbuha pass pass. Kieku mhux hekk ma kienx se jagħtina dan il-kmandament.22 Jiena naf dan—minħabba li ċerti kwalitajiet tiegħu narahom f’ħafna minnkom. Dwar dan kollu jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. 3 Nephi 27:27. Għal twissijiet relatati mingħand is-Salvatur, ara Mattew 5:48 (“Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”); 1 Ġwanni 2:6 (“Min jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu stess”); Mosiah 3:19 (“Għax il-bniedem naturali huwa għadu ta’ Alla, u ilu hekk mill-waqgħa ta’ Adam, u hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm hu ma jismax mill-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u jinża’ minn fuqu l-bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej, u jsir bħat-tfal, sottomess, umli, paċenzjuż, kollu mħabba, lest li jissottometti ruħu għal dak kollu li l-Mulej iħoss li għandu jgħabbih bih, sewwasew kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru”); Alma 5:14 (“U issa araw, nitlobkom, ħuti tal-knisja, twelidtu intom spiritwalment minn Alla? Irċevejtu intom ix-xbieha tiegħu fuq ħaddejkom?”); 3 Nephi 12:48 (“Għalhekk nitlobkom sabiex tkunu perfetti anke kif jiena, jew missierkom li hu fis-Smewwiet hu perfett”).

  2. Neal A. Maxwell, Even as I Am (1982), 16.

  3. Charles M. Sheldon, In His Steps (1979), 185.

  4. Ara Doctrine and Covenants 93:12–17.

  5. Ara Mattew 5:48, nota f’qiegħ il-paġna b.

  6. Ara Isaija 9:6; 2 Nephi 19:6.

  7. Ara 1 Korintin 2:14; Mosiah 3:19.

  8. Ara Mattew 7:23; 25:12; Mosiah 26:24; ara wkoll in-noti f’qiegħ il-paġna għal kull skrittura; David A. Bednar, “If Ye Had Known Me,” Liahona, Nov. 2016, 102–5.

  9. Ara Doctrine and Covenants 93:2.

  10. Ara Moroni 7:12–19.

  11. Ara Ether 12:27.

  12. Ara Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service, riv. ed. (2019), 6, “How Do I Develop Christlike Attributes?” Referenzi għal kwalitajiet oħra tas-Salvatur jinsabu mferrxin mal-iskrittura kollha. Ftit eżempji oħra jinkludu Mosiah 3:19; Alma 7:23; Articles of Faith 1:13.

  13. Ara Preach My Gospel, 132.

  14. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67.

  15. Ara Bible Dictionary, “Grace”; Guide to the Scriptures, “Grace,” scriptures.ChurchofJesusChrist.org.

  16. Ara Sheldon, In His Steps, 246: “Jekk id-definizzjoni tagħna ta’ li tkun Kristjan hi sempliċiment li ngawdu l-privileġġi ta’ qima, li nkunu ġenerużi mingħar wisq sforz min-naħa tagħna, li ngħaddu l-ħin tagħna fil-kumdità mdawrin bi ħbieb simpatiċi u bi ħwejjeġ komdi, li ngħixu ħajja mhux ħażina u fl-istess ħin nevitaw l-istress kbir tad-dnub u l-inkwiet tal-ħajja għax diffiċli ħafna nġorruh fuqna—jekk din hi d-definizzjoni tal-Kristjanità, mela ninsabu ’l bogħod milli nimxu fuq il-passi ta’ Dak li fassal it-triq permezz tal-uġigħ u d-dmugħ u diqa kbira għal umanità mitlufa; li għoroq għaraq li kien qisu ċarċir tad-demm, li għajjat minn fuq is-salib, ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’”

  17. Doctrine and Covenants 88:91.

  18. Ara Isaija 43:3.

  19. Ara Ġob 19:25.

  20. Ara Ġwanni 8:12.

  21. Ġwanni 14:6.

  22. Ara 1 Nephi 3:7.