Konferenza Ġenerali
Il-Qawwa li Tfejjaq ta’ Ġesù Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Il-Qawwa li Tfejjaq ta’ Ġesù Kristu

Hekk kif nersqu lejn Kristu billi neżerċitaw il-fidi tagħna fih, nindmu, u nagħmlu u nżommu l-patti, aħna nistgħu nitfejqu—hi x’inhi l-kawża—fejn għandna mkisser.

Mill-bidu tas-sena, iffaċċjajna bosta avvenimenti li ma konniex qed nistennew. It-telfien ta’ ħajja u ta’ dħul finanzjarju minħabba l-pandemija dinjija affettwaw serjament il-komunità u l-ekonomija globali.

Terrimoti, nirien, u għargħar f’partijiet differenti tad-dinja, kif ukoll diżastri oħra relatati mat-temp, wasslu biex għadd ta’ nies bdew iħossuhom impotenti, bla tama, u b’qalbhom miksura, ma jafux jekk ħajjithom qattx se terġa’ tkun l-istess.

Ippermettuli ngħidilkom storja personali dwar li jkollok xi ħaġa u titkisser.

Meta wliedna kienu għadhom żgħar, iddeċidew li riedu jitgħallmu l-pjanu. Jien u żewġi, Rudy, ridna li nagħtuhom din l-opportunità, iżda ma kellniex pjanu. Ma konniex naffordjaw pjanu ġdid, u għalhekk Rudy beda jfittex wieħed użat.

F’dik is-sena, għall-Milied, hu ssorprendiena lkoll billi xtara pjanu, u tul is-snin, it-tfal tagħna tgħallmu jdoqquh.

Pjanu antik

Meta wliedna s-subien kibru u telqu mid-dar, il-pjanu l-antik spiċċa ma jużah ħadd, għalhekk bigħejnieh. Għaddew ftit snin, u konna faddalna xi ftit flus. Darba waħda Rudy qal, “Naħseb li wasal iż-żmien li nixtru pjanu ġdid.”

Staqsejtu, “Għalfejn nixtru pjanu ġdid, meta ħadd minna ma jaf idoqqu?”

Hu wieġeb, “Iżda nistgħu nixtru pjanu li jdoqq waħdu! Permezz ta’ iPad, tista’ tipprogramma l-pjanu biex idoqq ’il fuq minn 4,000 kanzunetta, fosthom innijiet, kanzunetti mill-Kor tat-Tabernaklu, l-għanjiet kollha tal-Primarja, u ferm aktar.”

M’hemmx dubju li Rudy hu veru bejjiegħ tajjeb.

Pjanu ġdid

Aħna xtrajna pjanu ġdid mill-isbaħ, u ftit jiem wara, żewġt irġiel b’saħħithom wassluhulna sad-dar tagħna.

Jien urejthom fejn xtaqthom ipoġġuh u warrabt min-nofs.

Ġarr ta’ pjanu

Kien baby grand tqil mhux ħażin, u biex għadda mill-bieb, neħħewlu s-saqajn u rnexxielhom jaqilbu l-pjanu fuq ġenbu u jpoġġuh fuq karretta li ġabu magħhom.

Id-dar tagħna kienet tinsab fuq telgħa żgħira, u sfortunatament aktar kmieni fil-jum kien għamel is-silġ, u kollox spiċċa mxarrab u jiżloq. Indunajtu kif se tkompli l-istorja?

Waqt li l-irġiel bdew jimbuttaw il-pjanu għat-tegħla, ħarbilhom minn idejhom, u smajt ħoss ta’ tisbita kbira. Il-pjanu kien waqa’ minn fuq il-karru u nstabat mal-art b’tant qawwa li spiċċa ħalla l-forma tiegħu fl-art.

Jien għidt, “Mamma mia. “Intom OK?”

Fortunatament it-tnejn li huma ma kien ġralhom xejn.

B’għajnejhom iċċassati ħarsu lejn xulxin, imbagħad ħarsu lejja u qaluli, “Jiddispjaċina. Ħa nerġgħu neħduh il-ħanut u ngħidu lill-maniġer biex iċemplilkom.”

Ftit wara l-maniġer kellem lil Rudy biex jifthiemu ħalli jġibilna pjanu ġdid. Rudy bniedem veru twajjeb u jaf jaħfer u qal lill-maniġer li mhux problema jekk sempliċiment jirranġaw il-ħsara u jerġgħu jġibulna l-istess pjanu, iżda l-maniġer insista li jagħtina wieħed ġdid.

Rudy wieġeb, “Ma nimmaġinax li tkisser daqshekk. Tistgħu tirranġawh u ġġibuhulna lura.”

Il-maniġer qal, “L-injam imkisser, u la darba l-injam jitkisser, il-ħoss tiegħu qatt ma jerġa’ jiġi l-istess. Se tirċievu pjanu ġdid.”

Ħuti, mhux ilkoll kemm aħna bħal dan il-pjanu, xi ftit miksurin, maqsumin u bil-ħsara, u nħossuna bħallikieku qatt aktar mhu se nerġgħu niġu bħalli konna? Madankollu, hekk kif nersqu lejn Kristu billi neżerċitaw il-fidi tagħna fih, nindmu, u nagħmlu u nżommu l-patti, aħna nistgħu nitfejqu—hi x’inhi l-kawża—fejn għandna mkisser. Dan il-proċess, li jistieden il-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur f’ħajjitna, mhux biss jirrestawrana għal dak li konna qabel iżda jagħmilna aħjar milli qatt konna. Jien naf li permezz tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, aħna lkoll nistgħu nissewwew, nitfejqu, u nwettqu l-għan tagħna, bħal pjanu ġdid fjamant b’ħoss mill-isbaħ.

Il-President Russell M. Nelson għallem: “Meta nesperjenzaw ċerti sfidi diffiċli, ikun iż-żmien li fih insaħħu l-fidi tagħna f’Alla, li naħdmu ħafna, u naqdu lil ħaddieħor. Imbagħad Hu jkun jista’ jfejjaq lill-qalb maqsuma tagħna. Hu jsawwab fuqna l-paċi u l-faraġ personali. Dawk ir-rigali meraviljużi qatt ma jinqerdu, lanqas permezz tal-mewt.”1

Ġesù qal:

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mattew 11:28–30).

Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu

Biex nitfejqu mill-qalb maqsuma billi nersqu lejh, jeħtieġ li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu. “Li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu ifisser li nafdaw fih kompletament—nafdaw fil-qawwa infinita … u l-imħabba tiegħu. Dan jinkludi li nemmnu fit-tagħlim tiegħu. Ifisser li nemmnu li minkejja li aħna ma nifhmux kull ħaġa, Huwa jifhimha. Peress li Hu esperjenza kull uġigħ, tbatija, u mard, Hu jaf kif jista’ jgħinna nqumu fuq saqajna qalb id-diffikultajiet tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.”2

Hekk kif nersqu lejh, “nistgħu nimtlew bil-ferħ, bil-paċi, u bil-konsolazzjoni. Dak kollu li hu diffiċli u ta’ sfida f’din il-ħajja jista’ jiġi rranġat permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.”3 Huwa qalilna, “Ħarsu lejja f’kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux” (Doctrine and Covenants 6:36).

Fil-Ktieb ta’ Mormon meta Alma u l-poplu tiegħu ħassewhom kważi mgħaffġin bit-tagħbija li tpoġġiet fuqhom, in-nies talbu għall-għajnuna. Il-Mulej ma neħħilhomx it-tagħbija tagħhom; minflok wegħedhom:

“U jiena nħaffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, li anke intom stess ma tħossuhiex aktar fuq daharkom; u dan jien nagħmlu sabiex minn issa ’l quddiem intom tieqfu bħala xhieda għalija, u sabiex tkunu tafu b’ċertezza li jiena, il-Mulej Alla, inżur il-poplu tiegħi waqt is-sofferenza li jgħaddi minnha.

“U issa ġara li t-tagħbija li Alma u ħutu kienu qed iġorru ħfiefet; iva, il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssommettew ruħhom b’ferħ u b’tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej” (Mosiah 24:14–15).

Dwar l-abbiltà tas-Salvatur li jfejjaq u jtaffi t-tagħbija, il-Presbiteru Tad R. Callister għallem:

“Waħda mill-barkiet tal-Espjazzjoni hi li nistgħu nirċievu l-qawwiet li jserrħuna tas-Salvatur. Isaija tkellem ripetutament dwar l-influwenza li tfejjaqna u tikkalmana tal-Mulej. Hu xehed li s-Salvatur kien ‘kenn għall-imsejken, kenn għall-fqir fid-dwejjaq tiegħu, kenn fl-irwiefen u dell fis-sħana’ (Isaija 25:4). U għal dawk li jinsabu mnikktin, Isaija ddikjara li s-Salvatur kellu l-qawwa li ‘ifarraġ lill-imnikktin’ (Isaija 61:2), u ‘jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ’ (Isaija 25:8; ara wkoll Apokalissi 7:17); ‘jaħji r-ruħ umiljata’ (Isaija 57:15); u ‘idewwi l-qalb miksura’ (Isaija 61:1; ara wkoll Luqa 4:18; Salm 147:3). Tant kienet espansiva l-qawwa tiegħu li sserraħ li hu seta’ jagħti ‘kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu, l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa’ (Isaija 61:3).

“O, x’tama għandu jkollna minħabba dawk il-wegħdiet! … L-ispirtu tiegħu jfejjaq; isaffina, ifarraġna; jagħti ħajja ġdida lill-qlub bla tama. Għandu l-qawwa li jittrasforma dak kollu li fil-ħajja hu ikrah u kiefer u bla siwi b’xi ħaġa ta’ splendur suprem u glorjuż. Hu għandu l-qawwa li jikkonverti l-irmied tal-mortalità fis-sbuħija tal-eternità.”4

Jiena nixhed li Ġesù Kristu hu s-Salvatur, il-Feddej tagħna, l-Aqwa Tabib, u l-ħabib fidil tagħna li tant iħobbna. Jekk induru lejh, Hu jfejjaqna u jirrestawrana. Nixhed li din hi l-Knisja tiegħu u li Hu qed iħejji ħalli jerġa’ jiġi biex isaltan bil-qawwa u l-glorja f’din id-dinja. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Jesus Christ—the Master Healer,” Liahona, Nov. 2005, 87.

  2. Faith in Jesus Christ,” Gospel Topics, topics.ChurchofJesusChrist.org.

  3. Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service, riv. ed. (2018), 52, ChurchofJesusChrist.org.

  4. Tad R. Callister, The Infinite Atonement (2000), 206–7.