Konferenza Ġenerali
Itlob, Fittex, u Ħabbat
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Itlob, Fittex, u Ħabbat

Parti importanti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet hu l-opportunità li nikkomunikaw miegħu kull meta rridu.

Erba’ xhur ilu, waqt l-istudju tiegħi tal-iskrittura, kont qed naqra dwar il-missjoni ta’ Alma ġo Ammonija meta ltqajt ma’ dan is-suġġeriment f’ Come, Follow Me: “Hekk kif taqra dwar il-barkiet kbar li Alla ta lin-nies ta’ Nefi (ara Alma 9:19–23), xtarr dwar il-barkiet kbar li Hu ta lilek.”1 Jien iddeċidejt li nagħmel lista tal-barkiet li tani Alla u nirreġistraha fil-verżjoni diġitali tiegħi tal-manwal. Fi ftit minuti, niżżilt 16-il barka.

Ewlenin fosthom kien hemm il-barkiet kbar tal-ħniena u s-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur f’ismi. Ktibt ukoll dwar il-barka li kelli li nirrappreżenta lis-Salvatur bħala missjunarju żagħżugħ fil-Portugal u, aktar tard, mal-maħbuba sieħba eterna tiegħi, Patricia, fil-Missjoni tan-Naħa t’Isfel ta’ Porto Alegre, fil-Brażil, fejn servejna ma’ grupp ta’ 522 missjunarju mill-aktar kuraġġjużi u meraviljużi. Rigward Patricia, bosta mill-barkiet li rreġistrajt dak inhar huma barkiet li aħna gawdejna flimkien tul l-40 sena ta’ żwieġ tagħna—fosthom is-siġill tagħna fit-Tempju ta’ São Paulo, il-Brażil, it-tliet itfal meraviljużi tagħna, il-konjuġi tagħhom, u t-13 in-neputijiet tagħna.

Il-ħsibijiet tiegħi daru wkoll lejn il-ġenituri twajbin tiegħi, li rabbewni fil-prinċipji tal-evanġelju. Ġie f’moħħi, b’mod partikolari, mument meta l-għażiża ommi niżżlet għarkupptejha miegħi ħdejn is-sodda tiegħi meta kelli madwar 10 snin. Probabbilment ħasset li jekk talbi ried jilħaq lil Missieri fis-Smewwiet, kien hemm bżonn nitgħallem nitlob aħjar. Għalhekk qaltli, “L-ewwel nitlob jien, u wara t-talba tiegħi, itlob int.” Kompliet b’dan il-mod għal bosta ljieli, sakemm kienet kunfidenti li jien tgħallimt permezz tal-prinċipju u tal-prattika kif nitkellem ma’ Missierna fis-Smewwiet. Jiena grat għal dejjem lejha talli għallmitni nitlob, għax tgħallimt li Missieri fis-Smewwiet jisma’ u jwieġeb talbi.

Fil-fatt, dik kienet barka oħra li inkludejt fil-lista tiegħi—id-don li kapaċi nisma’ u nitgħallem x’inhi r-rieda tal-Mulej. Parti importanti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet hu l-opportunità li nikkomunikaw miegħu kull meta rridu.

Stedina mill-Mulej

Meta s-Salvatur żar il-Kontinent Amerikan wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, Hu reġa’ tenna stedina li kien għamel lid-dixxipli tiegħu fil-Galilija. Huwa qal:

“Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.

“Għax kull min jitlob, jaqla’; u min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu” (3 Nephi 14:7–8; ara wkoll Mattew 7:7–8).

Fi żmienna, il-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, għamlilna stedina simili. Huwa qal: “Itolbu f’isem Ġesu Kristu dwar dak li qed jinkwetakom, u dwar il-biżgħat u d-dgħjufijiet tagħkom—iva, sewwasew dwar ix-xewqat ta’ qalbkom. Imbagħad isimgħu x’għandu jgħidilkom! Iktbu l-ħsibijiet li jiġu f’moħħkom. Niżżlu s-sentimenti tagħkom u mbagħad aġixxu skont dak li intom tkunu ktibtu. Hekk kif jum wara jum, xahar wara xahar, sena wara sena, intom tirrepetu dan il-proċess, intom ‘tikbru fil-prinċipju tar-rivelazzjoni.’”2

Il-President Russell M. Nelson kompla jżid, “Fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”3

Għalfejn ir-rivelazzjoni hi daqstant essenzjali għas-sopravivenza spiritwali tagħna? Għaliex id-dinja taf tkun post mill-aktar konfuż u storbjuż, mimli qerq u distrazzjonijiet. Il-komunikazzjoni ma’ Missierna fis-Smewwiet tagħtina ċ-ċans li nagħrfu x’inhu veru u x’inhu falz, x’inhu relevanti għall-pjan tal-Mulej għalina, u x’mhuwiex. Id-dinja taf ukoll tkun post kiefer u ta’ qsim il-qalb. Iżda hekk kif niftħu qlubna fit-talb, aħna nħossu l-faraġ li jiġi mingħand Missierna fis-Smewwiet u l-assigurazzjoni li Hu jħobbna u japprezzana.

Staqsi

Il-Mulej qal li “kull min jitlob, jaqla’.” Li titlob tidher xi ħaġa faċli, madankollu hi ħaġa qawwija għax tiżvela x-xewqat u l-fidi tagħna. Minkejja dan kollu, jirrikjedi minna l-ħin, u l-paċenzja, biex nifhmu leħen il-Mulej. Noqogħdu attenti għall-ħsibijiet u s-sentimenti li nirċievu f’moħħna u f’qalbna, u nirreġistrawhom, kif talabna nagħmlu l-profeta tagħna. Li nirreġistraw il-ħsibijiet tagħna hi parti importanti milli nirċievu. Tgħinna niftakru, nirrevedu, u nħossu mill-ġdid dak li qed jgħallimna l-Mulej.

M’ilux persuna għażiża għalija qaltli, “Nemmen li r-rivelazzjoni personali hija vera. Nemmen li l-Ispirtu s-Santu jurini dak kollu li għandi nagħmel.4 Faċli nemmen meta nħoss il-konvinzjoni ċerta tbaqbaq ġo fija.5 Iżda kif nista’ jkolli l-Ispirtu s-Santu dejjem jitkellem miegħi b’dan il-mod?”

Lil din l-għażiża tiegħi, u lilkom ilkoll, ngħidilkom li anke jien nixtieq li l-ħin kollu nħoss fija dawk is-sentimenti qawwija mingħand l-Ispirtu u dejjem nara b’ċarezza t-triq li għandi nimxi fiha. Iżda mhux dejjem il-każ. Madankollu, dak li nafu nħossu aktar ta’ spiss hu l-leħen ħelu u sieket tal-Mulej ikellimna f’moħħna u f’qalba: “Jiena hawn. Inħobbok. Ejja, agħmel l-almu tiegħek. Jien nissapportjak.” M’hemmx għalfejn dejjem inkunu nafu kollox jew naraw kollox.

Il-leħen ħelu u sieket hu wieħed li jsaħħaħna, jinkuraġġina, u jfarraġna—u ħafna drabi hu li jkollna bżonn f’dak il-mument. L-Ispirtu s-Santu hu reali, u s-suġġerimenti tiegħu huma reali— il-kbar u ż-żgħar.

Fittxu

Il-Mulej kompla bil-wegħda, “Min ifittex, isib.” Li nfittxu jimplika sforz mentali u spiritwali—nixtarru, nittestjaw, nippruvaw, u nistudjaw. Aħna nfittxu għax nafdaw fil-wegħdiet tal-Mulej. “Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh” (Lhud 11:6). Meta nfittxu, b’umiltà nkunu qed nagħrfu li għad baqgħalna ħafna x’nitgħallmu, u l-Mulej jespandi l-għarfien tagħna, filwaqt li jħejjina biex nirċievu aktar. “Għax araw, jgħid il-Mulej: jiena nagħti lil ulied il-bnedmin linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm; … għaliex dak li jirċievi dan lilu nagħtih aktar” (2 Nephi 28:30).

Ħabbat

Finalment il-Mulej qal: “Min iħabbat, jiftħulu.” Li tħabbat hu li taġixxi b’fidi. Meta nimxu warajh b’mod attiv, il-Mulej jiftħilna t-triq. Hemm għanja sabiħa li tgħidilna “qumu u agħmlu aktar milli sempliċiment toħolmu dwar il-palazz li hemm fuq. Pjaċir li nagħmlu t-tajjeb, ferħ enormi, barka ta’ dmir u mħabba.”6 Il-Presbiteru Gerrit W. Gong tal-Kworum tat-Tnax m’ilux spjega li r-rivelazzjoni ħafna drabi tasal meta nkunu qed nagħmlu għemejjel tajbin. Hu qal: “Hekk kif nippruvaw nilħqu lil ta’ madwarna permezz tas-servizz, naħseb li l-Mulej jixtħet fuqna doża akbar ta’ mħabbtu kemm għalihom, kif ukoll għalina. Naħseb li nisimgħu leħnu—inħossuh b’mod differenti—hekk kif nitlobu biex ngħinu lil dawk ta’ madwarna għax dik waħda mit-talb li l-aktar lest li jisma’.”7

L-Eżempju ta’ Alma

Dak is-suġġeriment sempliċi f’ Come, Follow Me biex naħseb dwar il-barkiet tiegħi ġabli spirtu ħelu u xi ftit ta’ ħsibijiet spiritwali bla mistenni. Hekk kif komplejt naqra dwar Alma u l-ministeru tiegħu f’Ammonija, skoprejt li Alma jipprovdilna eżempju tajjeb dwar xi jfisser li titlob, tfittex, u tħabbat. Naqraw li “Alma ħadem ħafna fl-ispirtu, tqabad ma’ Alla permezz tat-talb setgħan, biex jixħet l-Ispirtu tiegħu fuq il-poplu.” Dak it-talb, madankollu, ma nstemax bil-mod kif hu xtaq, u Alma tkeċċa ’l barra mill-belt. “Mgħobbi bin-niket,” Alma kien għoddu se jaqta’ qalbu, meta anġlu wassallu dan il-messaġġ: “Imbierek int, Alma; għalhekk, għolli rasek ’il fuq u ifraħ għax għandek verament għalfejn tifraħ.” L-anġlu mbagħad qallu biex jerġa’ lura f’Ammonija u jerġa’ jipprova, u Alma “telaq ħesrem.”8

X’nitgħallmu minn Alma dwar il-ħtieġa li nitolbu, infittxu, u nħabbtu? Nitgħallmu li t-talb jeħtieġ minna ħidma spiritwali, u mhux dejjem iwassal għal dak li nkunu qed nittamaw għalih. Iżda meta nħossuna qed naqtgħu qalbna jew mgħobbijin bin-niket, il-Mulej jagħtina l-faraġ u l-qawwa b’diversi modi. Hu jaf ma jweġibx il-mistoqsijiet kollha tagħna jew ma jsolvix il-problemi tagħna fil-pront; iżda Hu jaf jinkuraġġina biex nibqgħu nippruvaw. Jekk imbagħad nallinjaw il-pjan tagħna mal-pjan tiegħu, Hu jiftħilna t-triq, kif għamel ma’ Alma.

Hi t-testimonjanza tiegħi li din hi d-dispensazzjoni tal-milja tal-evanġelju. Nistgħu ngawdu l-barkiet tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu f’ħajjitna. Għandna l-iskrittura disponibbli b’kull mod għalina. Ninsabu mmexxija minn profeti li jgħallmuna r-rieda tal-Mulej għaż-żminijiet diffiċli li ngħixu fihom. Barra minn hekk, għandna aċċess dirett għar-rivelazzjoni tagħna ħalli l-Mulej ikun jista’ jfarraġna u jiggwidana personalment. Kif l-anġlu qal lil Alma, aħna għandna “verament għalfejn nifirħu” (Alma 8:15). F’isem Ġesù Kristu, amen.