Konferenza Ġenerali
Kien Hemm il-Ħobż
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Kien Hemm il-Ħobż

Hekk kif infittxu li nsiru preparati b’mod temporali, aħna nistgħu niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja b’kunfidenza akbar

Qabel ma bdew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minħabba l-pandemija kurrenti, jiena kont ninsab fi triqti d-dar wara assenjazzjoni internazzjonali li, minħabba tibdil fl-iskeda, kelli ngħaddi ħin f’jum il-Ħadd nistenna sakemm naqbad it-titjira li jmiss. Kelli ħin bejn it-titjiriet biex nattendi laqgħa tas-sagrament lokali, fejn kelli wkoll l-opportunità naqsam messaġġ qasir. Wara l-laqgħa, wieħed djaknu mimli entużjażmu ġie fuqi u staqsieni jekk kontx naf lill-President Nelson u jekk qattx kelli ċ-ċans li neħodlu b’idu. Weġibtu li kont nafu, li kont ħadtlu b’idu u li, bħala membru tal-Veskovat li Jippresedi kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-President Nelson u l-kunsilliera tiegħu numru ta’ drabi fil-ġimgħa.

Id-djaknu żagħżugħ imbagħad poġġa bilqiegħda, għolla jdejh fl-arja, u għajjat, “Dan hu l-akbar jum ta’ ħajti!” Ħuti, jista’ jkun li jien ma ngħollix idejja fl-arja u naqbad ngħajjat, iżda jien eternament grat għal profeta ħaj u għad-direzzjoni li nirċievu minn profeti, veġġenti, u rivelaturi, speċjalment waqt dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Mill-bidu taż-żmien, il-Mulej ipprovda direzzjoni biex jgħin lin-nies tiegħu jitħejjew, b’mod spiritwali u temporali, kontra l-għawġ u l-isfidi li Hu jaf se jkun parti minn din l-esperjenza mortali. Dan l-għawġ jista’ jkun ta’ natura personali jew ġenerali, iżda l-gwida tal-Mulej tipprovdilna l-protezzjoni u s-sapport sal-punt li aħna nagħtu widen, u naġixxu skont, il-parir tiegħu. Eżempju mill-isbaħ ta’ dan insibuh fir-rakkont mill-Ktieb tal-Ġenesi, fejn nitgħallmu dwar Ġużeppi fl-Eġittu u l-interpretazzjoni spirata tiegħu tal-ħolma tal-Fargħun.

“U Ġużeppi qal lill-Fargħun, … Kull ma se jagħmel, Alla ħabbru lill-Fargħun. …

“Araw, ġejjin seba’ snin ta’ xaba’ kbir fl-art kollha tal-Eġittu.

“U warajhom jiġu seba’ snin ta’ ġuħ, u jintesa x-xaba’ kollu fl-art tal-Eġittu.”1

Il-Fargħun sema’ minn Ġużeppi u wieġeb għal dak li kien urih Alla f’ħolma u immedjatament beda jħejji għal dak li kien ġej. L-iskrittura mbagħad tgħidilna:

“U matul is-seba’ snin tax-xaba, li laħqu l-art tal-Eġittu, l-art għamlet frott bil-kotra.

“U ġabar l-ikel kollu tas-seba’ snin. …

“U Ġużeppi ġabar qamħ daqs ir-ramel tal-baħar, … li għeja jkejjlu, għax kien bla qjies.”2

La darba għaddew is-seba’ snin ta’ xaba’, naqraw li “laħqu s-seba’ snin tal-ġuħ, bħalma kien qal Ġużeppi; u kien hemm il-ġuħ fl-artijiet kollha, imma fl-art kollha tal-Eġittu kien hemm il-ħobż.”3

Illum, aħna mberkin li ninsabu immexxijin minn profeti li jifhmu l-bżonn li aħna nitħejjew kontra l-għawġ “li għandu jiġi”4 u li jagħrfu wkoll il-limitazzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li nistgħu niltaqgħu magħhom meta nippruvaw nimxu wara l-parir tagħhom.

Hawn għarfien ċar li l-effetti tal-COVID-19, kif ukoll id-diżastri naturali devastanti, ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, u li jibqgħu għaddejjin minn fuq il-fruntieri etniċi, soċjali, u reliġjużi ta’ kull kontinent. Nies tilfu l-impjieg u naqsilhom id-dħul hekk kif l-opportunità li jaħdmu ġiet affettwata minħabba s-sensji u l-abbiltà li wieħed jaħdem ġiet milquta minn sfidi ta’ saħħa u dawk legali.

Lil dawk kollha li ġew affettwati, ngħidulkom li aħna nifhmukom u ninkwetaw għas-sitwazzjoni tagħkom, kif ukoll nesprimu l-konvinzjoni ferma tagħna li għad naraw futur aħjar. Intom ġejtu mberkin b’isqfijiet u presidenti tal-fergħa li jfittxu lill-membri tal-kongregazzjonijiet tagħhom bil-bżonnijiet temporali tagħhom u li għandhom aċċess għall-għodda u r-riżorsi li jistgħu jgħinukom terġgħu tistabbilixxu ħajjitkom u terġgħu lura fit-triq tal-awto-dipendenza hekk kif tapplikaw il-prinċipji tal-preparazzjoni.

Fl-ambjent ta’ żmienna, b’pandemija li qerdet ekonomiji sħaħ kif ukoll għadd ta’ ħajjiet individwali, tkun ħaġa inkonsistenti ma’ Salvatur kompassjonali li jinjora r-realtà li ħafna qed jiffaċċjaw, u jitlobhom biex jibdew jibnu riserva ta’ ikel u flus għall-futur. Madankollu, dan ma jfissirx li għandna ninjoraw b’mod permanenti l-prinċipji tal-preparazzjoni—iżda sempliċiment li dawn il-prinċipji għandna napplikawhom “bl-għerf u l-ordni,”5 ħalli fil-futur inkunu nistgħu ngħidu, kif qal Ġużeppi fl-Eġittu, “Kien hemm il-ħobż.”6

Il-Mulej ma jistenniex li nagħmlu aktar milli nifilħu, iżda jistenna minna li nagħmlu dak li nistgħu, meta nistgħu nagħmlu dan. Kif l-President Nelson fakkarna fl-aħħar konferenza ġenerali, “Il-Mulej iħobb jara l-isforz.”7

Manwal dwar Finanzi Personali f’bosta lingwi

Il-mexxejja tal-Knisja spiss iħeġġu lill-Qaddisin tal-Aħħar Żmien “biex iħejju għall-avversità fil-ħajja billi jaħżnu konsenja bażika ta’ ikel u ilma u jfaddlu xi ftit flus.”8 Fl-istess ħin, aħna mħeġġin biex “inkunu għaqlin” u “ma narawx kbir”9 fl-isforzi tagħna li nistabbilixxu ħażna ta’ ikel fid-dar tagħna u riserva finanzjarja. Riżors bl-isem ta’ Personal Finances for Self-Reliance, ippubblikat fl-2017 u bħalissa disponibbli fuq il-websajt tal-Knisja f’36 lingwa, jibda b’messaġġ mill-Ewwel Presidenza, li jgħid:

“Il-Mulej iddikjara, ‘Hu l-għan tiegħi li nipprovdi għall-qaddisin tiegħi’ [Doctrine and Covenants 104:15]. Din ir-rivelazzjoni hi wegħda mill-Mulej li Hu se jipprovdi barkiet temporali u jiftaħ il-bieb tal-awto-dipendenza. …

“… Li taċċettaw u tgħixu dawn il-prinċipji jwassalkom biex tirċievu l-barkiet temporali mwiegħda mill-Mulej.

“Nistednukom biex b’diliġenza tistudjaw u tapplikaw dawn il-prinċipji u tgħallmuhom lill-membri tal-familja tagħkom. Hekk kif tagħmlu dan, ħajjitkom tkun imbierka … [għaliex] intom ulied Missierna fis-Smewwiet. Hu jħobbkom u qatt mhu se jabbandunakom. Hu jafkom u lest li jestendilkom il-barkiet spiritwali u temporali tal-awto-dipendenza.”10

Dan ir-riżors jinkludi fih kapitli ddedikati biex toħolqu baġit u tgħixu skont dan l-istess baġit, tipproteġu l-familja tagħkom kontra d-diffikultajiet, timmaniġjaw kriżi finanzjarja, tinvestu għall-ġejjieni, u ferm aktar, u hu disponibbli għal kulħadd fuq il-websajt tal-knisja jew permezz tal-mexxejja lokali tagħkom.

Meta nikkunsidraw il-prinċipju tal-preparazzjoni, aħna nistgħu nħarsu lura lejn Ġużeppi fl-Eġittu għall-ispirazzjoni. L-għarfien biss li kienu jafu x’se jiġri ma kienx se jkun biżżejjed biex huma jgħaddu mis-snin “ta’ ġuħ” mingħajr xi ftit sagrifiċċju fis-snin ta’ abbundanza. Minflok ma kielu dak kollu li setgħu jipproduċu dawk li kienu maħkumin mill-Fargħun, huma stabbilixxew u mxew wara ċerti limiti, li kienu suffiċjenti għall-bżonnijiet immedjati, kif ukoll dawk futuri. Ma kienx biżżejjed li kienu jafu li kienu ġejjin żminijiet ta’ sfida. Kellhom jaġixxu, u minħabba l-isforzi tagħhom, “kien hemm il-ħobż.”11

Dan iwassal għal mistoqsija importanti: “Għalhekk, x’għandi nagħmel?” Post tajjeb minn fejn tibda hu li tifhem li kull ħaġa hi spiritwali għall-Mulej, “u fl-ebda żmien” Hu qatt ma tana “liġi li kienet temporali.”12 Kollox, mela, jidderiġina lejn Ġesù Kristu bħala l-pedament li fuqu għandna nibnu, anke l-preparazzjoni temporali tagħna.

Li nkunu mħejjija b’mod temporali kif ukoll awto-dipendenti jfisser li “nemmnu li permezz tal-grazzja, jew il-qawwa li ssaħħaħna, ta’ Ġesù Kristu u l-isforzi tagħna, aħna kapaċi niksbu il-bżonnijiet spiritwali u temporali kollha tal-ħajja li neħtieġu għalina u għall-familji tagħna.”13

Aspetti oħra tas-sisien spiritwali għall-preparazzjoni temporali jinkludu li naġixxu “fl-għerf u l-ordni,”14 li jimplika li nkabbru gradwalment il-ħażna tal-ikel u t-tfaddil ta’ flus tagħna maż-żmien, kif ukoll kif napplikaw mezzi “żgħar u sempliċi,”15 li hi turija ta’ fidi li l-Mulej se jkabbar l-isforzi żgħar iżda konsistenti tagħna.

Wara li nħejju dan il-pedament spiritwali, aħna nistgħu mbagħad napplikaw b’suċċess żewġ elementi importanti ta’ preparazzjoni temporali—nimmaniġġjaw il-finanzi u l-ħażna tal-ikel fid-dar tagħna.

Il-prinċipji ewlenin biex timmaniġġjaw il-finanzi jinkludu l-ħlas tad-dieċmi u l-offerti, li neliminaw u nevitaw id-dejn, li nħejju u ngħixu skont baġit, u li nfaddlu għall-ġejjieni.

Prinċipji dwar il-ħażna ta’ ikel fid-dar jinkludu l-istess ħażna tal-ikel, il-ħażna tal-ilma, u l-ħażna ta’ neċessitajiet oħra, ibbażati fuq il-bżonnijiet individwali u fil-familja, dan kollu għaliex “l-aqwa maħżen”16 hu d-dar, li ssir “l-aktar riserva aċċessibbli fi żminijiet ta’ bżonn.”17

Hekk kif aħna nħaddnu prinċipji spiritwali u nfittxu l-ispirazzjoni mingħand il-Mulej, niġu ggwidati biex inkunu nafu r-rieda tal-Mulej għalina, bħala individi u familji, u kif l-aħjar napplikaw il-prinċipji importanti tal-preparazzjoni temporali. L-aqwa pass fosthom kollha hu li nibdew.

Il-Presbiteru David A.Bednar għallem dan il-prinċipju meta qal: “Li naġixxu huwa eżerċizzju ta’ fidi.16 Il-fidi vera tiffoka fuq il-Mulej u twassal dejjem għal għemejjel tajba.”18

Ħuti, f’dinja dejjem tinbidel jeħtieġ nitħejjew għall-inċertezzi. Anke jekk iż-żmien li ġej se jkun isbaħ, nafu li l-għoljiet u l-widien tal-ħajja mortali se jkomplu. Hekk kif infittxu li nsiru preparati b’mod temporali, aħna nistgħu niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja b’kunfidenza akbar, b’paċi f’qalbna u, bħal Ġużeppi fl-Eġittu, inkunu kapaċi ngħidu, anke f’ċirkustanzi stressanti, “Hemm il-ħobż.”19 F’isem Ġesù Kristu, amen.