Konferenza Ġenerali
Rakkomandati lill-Mulej
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Rakkomandati lill-Mulej

Ibdew il-proċess issa biex issiru “rakkomandati lill-Mulej” biex l-Ispirtu tiegħu ikun magħkom b’abbundanza.

Bonġu, ħuti. Bħala dixxiplu tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, kont qed inħares ’il quddiem b’ħerqa għal din il-konferenza fejn qed niltaqgħu b’mod virtwali minn kull rokna tad-dinja.

Tempju ta’ Durban, Afrika t’Isfel

Din kienet sena verament mhux tas-soltu. Għalija bdiet b’essajnment mingħand l-Ewwel Presidenza li niddedika tempju mqaddes għall-Mulej ġewwa Durban, l-Afrika t’Isfel. Qatt ma nista’ ninsa l-grandjożità ta’ dak il-bini. Iżda aktar mill-post fiżiku, se nibqa’ ngħożż għal dejjem id-dinjità tan-nies li kienu verament ippreparati biex jidħlu f’dak il-bini sagru. Huma ġew lesti biex igawdu minn waħda mill-akbar barkiet tar-Restawrazzjoni: id-dedikazzjoni tad-dar tal-Mulej. Ġew b’qalbhom mimlija mħabba lejh u lejn l-Espjazzjoni tiegħu. Ġew mimlija gratitudni lejn Missierna fis-Smewwiet talli pprovda ordinanzi sagri li setgħu jwasslu għall-eżaltazzjoni. Ġew denji.

Membri tat-Tempju ta’ Durban, l-Afrika t’Isfel

It-tempji, jinsabu fejn jinsabu, jinsabu elevati ’l fuq mid-dinja. Kull tempju tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien fid-dinja—il-168 li huma—jinsab wieqaf bħala testment tal-fidi tagħna fil-ħajja eterna u l-ferħ li ngħadduha mal-familji tagħna u ma’ Missierna fis-Smewwiet. Li nattendu t-tempju jkabbar l-għarfien tagħna tad-Divinità u tal-evanġelju ta’ dejjem, l-impenn tagħna li ngħixu u ngħallmu l-verità, u r-rieda tagħna li nimxu wara l-eżempju tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.

Qdusija lill-Mulej

Fuq in-naħa ta’ barra ta’ kull tempju fil-Knisja nsibu l-kliem xieraq, “Qdusija lill-Mulej.” It-tempju huwa d-dar tal-Mulej u santwarju lil hinn mid-dinja. L-Ispirtu tiegħu jinżel fuq dawk kollha li jqimu bejn il-ħitan sagri tiegħu. Hu jfassal l-istandards li permezz tagħhom nidħlu bħala l-mistednin tiegħu.

Blaine Twitchell

Blaine Twitchell, il-kunjatu tiegħi, wieħed mill-aktar nies meraviljużi li naf, għallimni lezzjoni importanti. Jien u Sister Rasband morna nżuruh meta kien riesaq lejn it-tmiem tal-vjaġġ mortali tiegħu. Hekk kif dħalna fil-kamra, l-isqof tiegħu kien wasal biex jitlaq. Aħna u nsellmu lill-isqof, jien għidt bejni u bejn ruħi, “Kemm hu minn tagħna dan l-isqof. Qiegħed jimministra lil membru fidil tal-qasam tiegħu.”

Jien qsamt ħsibijieti ma’ Blaine, “Kemm hi ħaġa sabiħa, hux, li l-isqof ġie jżurek.”

Blaine ħares lejja u wieġeb, “Mhux hekk biss. Jiena tlabt lill-isqof biex jiġi għaliex ridt li jintervistani għar-rakkomandazzjoni tat-tempju. Irrid immut rakkomandat lill-Mulej.” U hekk għamel!

Dik il-frażi, “rakkomandat lill-Mulej,” baqgħet f’moħħi. Tagħtni perspettiva ġdida dwar li wieħed jiġi intervistat regolarment mill-mexxejja tal-Knisja. Tant hi importanti r-rakkomandazzjoni tat-tempju li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, sal-1891, kull rakkomandazzjoni tat-tempju kienet tiġi endorsjata mill-President tal-Knisja.1

Kemm jekk hi għaż-żgħażagħ jew għall-adulti, l-intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju mhijiex dwar x’tagħmel u x’ma tagħmilx. Rakkomandazzjoni mhijiex xi lista ta’ kontroll, xi permess biex tidħol fil-post, jew xi biljett għal siġġu speċjali f’avveniment. Għandha għan ferm ogħla u aktar qaddis. Biex tikkwalifikaw għall-unur ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju, intom tridu tgħixu f’armonija mat-tagħlim tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Fl-intervista tagħkom għandkom l-opportunità li tfittxu fil-fond ta’ ruħkom dwar il-fidi personali tagħkom f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu. Għandkom il-barka li tesprimu t-testimonjanza tagħkom tal-evanġelju rrestawrat; ir-rieda tagħkom li ssostnu lil dawk li l-Mulej sejjaħ biex imexxu lill-Knisja tiegħu; il-fidi tagħkom fid-duttrina tal-evanġelju; it-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħkom fil-familja; u l-kwalitajiet tagħkom tal-onestà, tal-kastità, tal-fedeltà, tal-ubbidjenza, u tal-osservanza tal-Kelma tal-Għerf, tal-liġi tad-dieċmi, u tas-santità ta’ Jum il-Mulej. Dawn huma prinċipji ewlenin ta’ ħajja devota lejn Ġesù Kristu u l-ħidma tiegħu.

Ir-rakkomandazzjoni tat-tempju tagħkom tirrifletti intenzjoni spiritwali profonda li qed tagħmlu li tistgħu biex tgħixu l-liġijiet tal-Mulej u tħobbu dak li jħobb Hu: l-umiltà, il-ħlewwa, is-sodezza, il-karità, il-kuraġġ, il-kompassjoni, il-maħfra, u l-ubbidjenza. U intom tikkommettu ruħkom għal dawk l-istandards meta tiffirmaw isimkom fuq dak id-dokument sagru.

Ir-rakkomandazzjoni tat-tempju tagħkom tiftaħ il-kanċelli tas-smewwiet għalikom u għal oħrajn bir-riti u l-ordinanzi ta’ sinifikat etern inkluż il-magħmudijiet, id-doti, iż-żwiġijiet, u s-siġilli.

Li tiġu “rakkomandati lill-Mulej” ifisser li tiġu mfakkra x’inhu mistenni minn Qaddis tal-Aħħar Żmien li jżomm il-patti tiegħu. Il-kunjatu tiegħi Blaine, ħares lejha bħala tħejjija imprezzabbli għall-jum li fih kien se jieqaf b’umiltà quddiem il-Mulej.

L-għollieq jaqbad

Ikkunsidraw meta Mosè tela’ fuq il-Muntanja ta’ Ħoreb u deherlu l-Mulej Jaħweh f’għollieq jaqbad. Alla qallu, “La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa.”2

Li qabel nidħlu fit-tempju ninżgħu ż-żarbun jindika li qed inħallu warajna x-xewqat materjali jew il-pjaċiri tagħna li jżommuna milli nikbru spiritwalment, inwarrbu dawk il-ħwejjeġ li jfixkluna fil-mortalità prezzjuża tagħna, nelevaw ruħna ’il fuq minn kull imġieba kontenzjuża, u nfittxu ħin biex nitqaddsu.

Bi pjan divin, il-ġisem fiżiku tagħna hu ħolqien ta’ Alla, tempju tal-ispirtu tagħna, u għandu jiġi ttrattat b’qima. Verament hu minnu l-kliem tal-għanja tal-Primarja: “Ġismi hu tempju li jeħtieġ l-aqwa kura.”3 Meta l-Mulej deher lin-Nefiti, Hu qalilhom, “Tqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu, biex tkunu tistgħu tieqfu bla tebgħa quddiemi.”4 “X’tip ta’ bnedmin jeħtieġ li tkunu?” staqsa l-Mulej, u mbagħad wieġeb, “Sewwasew kif jiena jien”5 Biex niġu “rakkomandati lill-Mulej,” jeħtieġ nagħmlu li nistgħu biex inkunu bħalu.

Niftakarni nisma’ lill-President Howard W. Hunter fl-ewwel diskors tiegħu fil-konferenza ġenerali bħala l-14-il President tal-Knisja. Hu qal: F’qalbi għandi xewqa mill-aktar kbira li nara lil kull membru tal-Knisja den jidħol fit-tempju. Kemm ikun ferħan il-Mulej jekk kull membru adult ikun den li jkollu—u jġorr fuqu—rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti.”6 Jiena nżid li rakkomandazzjoni għal użu limitat twassal biex tagħti direzzjoni ċara liż-żgħażagħ prezzjużi tagħna.

Il-President Russell M. Nelson fakkarna fil-kliem tal-President Hunter, “Dak inhar, fis-6 ta’ Ġunju, 1994, ir-rakkomandazzjoni tat-tempju li nġorru fuqna saret oġġett differenti fil-kartiera tiegħi. Qabel dak inhar, kienet tfisser ħaġa waħda. Kienet il-mezz li tippermettili nidħol fid-dar sagra tal-Mulej; iżda wara li hu għamel dik id-dikjarazzjoni, hi stess saret l-għan. Saret il-beġġ li tindika l-ubbidjenza tiegħi lejn profeta ta’ Alla.”7

Tempju ta’ Nauvoo

Jekk għadkom ma rċevejtux rakkomandazzjoni jew jekk ir-rakkomandazzjoni tagħkom skadiet, morru quddiem il-bieb tal-isqof l-istess kif il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet marru quddiem il-bieb tat-Tempju ta’ Nauvoo fl-1846.8 L-antenati tiegħi kienu fost dawk il-fidili. Huma kienu qed iħallu warajhom il-belt sabiħa tagħhom u kienu telqin lejn il-punent, iżda kienu jafu li kien hemm esperjenzi sagri jistennewhom fit-tempju. Sarah Rich kitbet dwar it-trejqa mħarbta ġewwa Iowa, “Li kieku ma kienx għall-fidi u l-għarfien li ksibna ġewwa dak it-tempju … , il-vjaġġ tagħna kien ikun qisu … nies mexjin fid-dlam.”9 Dak li nkunu qed nitilfu jekk nimxu din il-ħajja weħidna mingħajr l-ispirazzjoni u l-paċi mwiegħda fit-tempju.

Ibdew il-proċess issa biex issiru “rakkomandati lill-Mulej” sabiex l-Ispirtu tiegħu ikun magħkom b’abbundanza u l-istandards tiegħu jġibulkom “il-paċi fil-kuxjenza.”10

Il-mexxejja taż-żgħażagħ, il-president tal-kworum tal-presbiteri, il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna, u l-aħwa tal-ministeru tagħkom jgħinukom titħejjew, u l-isqof jew il-president tal-fergħa tagħkom jiggwidakom bil-ħlewwa.

Aħna qed nesperjenzaw żmien fejn it-tempji ġew magħluqin jew id-dħul kien limitat. Għall-President Nelson u għal dawk minna li nservu miegħu, id-deċiżjoni ispirata li jingħalqu t-tempji kienet waħda “diffiċli” u “li nkwetatna.” Il-President Nelson spiċċa jistaqsi, “X’se naqbad ngħid lill-Profeta Joseph Smith? X’se ngħid lil Brigham Young, lil Wilford Woodruff, u lill-Presidenti l-oħra, sal-President Thomas S. Monson?”11

Illum, b’mod gradwali u bi gratitudni qed nerġgħu niftħu t-tempji fuq skala limitata għas-siġill u d-dota.

Madankollu, ma ssospendejniex li wieħed ikun den li jidħol it-tempju. Ippermettuli nenfasizza, li irrispettivament jekk għandkomx aċċess għal tempju, intom teħtieġu rakkomandazzjoni kurrenti tat-tempju biex tibqgħu sodi fit-triq tal-patt.

Grupp fi New Zealand

Fl-aħħar tas-sena l-oħra jien u Sister Rasband konna fuq ħidma tal-Knisja fi New Zealand nitkellmu ma’ grupp kbir ta’ adulti żgħażagħ single. Huma ma kellhomx aċċess għal tempju; dak li hemm f’Hamilton kien qed jiġi rrinovat, u kienu għadhom qed jistennew iċ-ċerimonja tal-bidu tal-proġett tat-Tempju f’Auckland. Madankollu, jien ħassejt l-Ispirtu jgħidli biex inħeġġiġhom sabiex iġeddu jew jirċievu rakkomandazzjoni tat-tempju.

Minkejja li ma setgħux jippreżentawha fit-tempju, huma kienu se jkunu qed jippreżentaw lilhom infushom quddiem il-Mulej safja u preparati biex iservuh. Li tkun den li tħaddan rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti hija kemm protezzjoni mill-avversarju, għax inti tajt il-kelma soda tiegħek lill-Mulej dwar ħajtek, kif ukoll wegħda li l-Ispirtu se jkun miegħek.

Aħna nagħmlu l-ħidma tat-tempju meta nfittxu l-antenati tagħna u nissottomettu isimhom għall-ordinanzi. Filwaqt li t-tempji tagħna kienu magħluqin, xorta waħda stajna nagħmlu riċerka dwar il-familji tagħna. Bl-Ispirtu ta’ Alla f’qalbna, aħna nkunu qegħdin, bi prokura, nieqfu f’isimhom biex ikunu “rakkomandati lill-Mulej.”

Meta kont qed inservi bħala d-Direttur Eżekuttiv tad-Dipartiment tat-Tempju, kont smajt lill-President Gordon B. Hinckley jirreferi għal din l-iskrittura fejn il-Mulej innifsu jitkellem dwar it-Tempju ta’ Nauvoo: “Araw li l-ħidma tat-tempju tiegħi, u l-ħidma kollha li afdajt f’idejkom, tkompli għaddejja u mhux tieqaf; u araw li d-diliġenza tagħkom, u l-perseveranza, u l-paċenzja, u l-għemejjel tagħkom jirdoppjaw ruħhom, u intom bl-ebda mod ma titilfu l-premju tagħkom, qal il-Mulej tal-Eżerċti.”12

Il-ħidma tagħna fit-tempju hi marbuta mal-premju etern tagħna. M’ilux aħna għaddejna minn test. Il-Mulej sejħilna biex naħdmu fit-tempji b’“diliġenza, … b’perseveranza, u bil-paċenzja.”13 Li nkunu “rakkomandati lill-Mulej” jirrikjedi dawk il-kwalitajiet. Jeħtieġ inkunu diliġenti fil-mod li ngħixu l-kmandamenti, nipperseveraw fl-attenzjoni tagħna għall-patti tagħna tat-tempju, u nkunu grati għal dak li l-Mulej ikompli jgħallimna dwarhom, u nkunu paċenzjużi hekk kif nistennew biex it-tempji jiftħu bla restrizzjonijiet.

Meta l-Mulej jitlobna biex “nirdoppjaw” l-isforzi tagħna, Hu qed jitlobna biex nikbru fis-sewwa. Per eżempju, aħna nistgħu nespandu l-istudju tagħna tal-iskrittura, ir-riċerka tal-istorja tal-familja tagħna, u t-talb ta’ fidi tagħna biex inkunu nistgħu naqsmu l-imħabba tagħna għal dar il-Mulej ma’ dawk li qed jitħejjew biex jirċievu rakkomandazzjoni tat-tempju, partikolarment il-membri tal-familja tagħna.

Inwegħidkom bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu li hekk kif intom tagħmlu li tistgħu biex tirdoppjaw l-isforzi tajbin tagħkom, intom tħossukom imġedda fid-devozzjoni tagħkom lejn Alla l-Missier u Ġesù Kristu, tħossu abbundanza tal-Ispirtu s-Santu tiggwidakom, tkunu grati għall-patti sagri tagħkom, u tħossu l-paċi għax tafu li intom “rakkomandati lill-Mulej.” F’isem Ġesù Kristu, amen.