Fittxu lil Kristu f’Kull Ħsieb
Biex niġġieldu kontra t-tentazzjoni jeħtieġ li ngħixu ħajjitna b’diliġenza u fedeltà. Iżda jekk jogħġobkom kunu afu li l-Mulej jinsab lest biex jassistina.
Fl-għanja poetika tiegħu ta’ tifħir, is-Salmista ddikjara:
“Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
“Int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
“Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi; triqati kollha inti tafhom sewwa.”1
Fil-paralleliżmu semantiku ta’ din il-poeżija, is-Salmista jfaħħar il-kwalità divina tal-omnixxenza tal-Mulej għax Hu jaf verament kull aspett ta’ ruħna.2 Peress li konxju ta’ dak kollu li hu neċessarju għalina f’din il-ħajja, is-Salvatur jistedinna biex infittxuh f’kull ħsieb u nimxu warajh b’qalbna kollha.3 Dan jagħtina l-wegħda li nistgħu nimxu fid-dawl tiegħu u li l-gwida tiegħu tipprevjeni l-influwenza tad-dalma f’ħajjitna.4
Li nfittxu lil Kristu f’kull ħsieb u nimxu warajh b’qalbna kollha jeħtieġ minna li nallinjaw moħħna u x-xewqat tagħna ma’ tiegħu.5 L-iskrittura tirreferi għal dan l-allinjament bħala “inżommu sħaħ fil-Mulej.”6 Din it-tip ta’ azzjoni timplika li f’ħajjitna nimxu kontinwament f’armonija mal-evanġelju ta’ Kristu u niffokaw kuljum fuq kull ħaġa tajba.7 Hekk biss nistgħu niksbu “is-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem” u li se “iżomm qalbna u moħħna sħaħ fi Kristu Ġesù.”8 Is-Salvatur innifsu għallem lill-presbiteri tal-Knisja fi Frar 1831, “Għożżu dawn il-ħwejjeġ b’qalbkom kollha, u ħalli moħħkom jinħakem mis-solennitajiet tal-eternità.”9
Minkejja l-isforzi kontinwi li nfittxu lill-Mulej, ċerti ħsibijiet mhux xierqa jafu jippenetraw moħħna. Meta dawn il-ħsibijiet nippermettuhom u saħansitra nistednuhom biex jibqgħu f’moħħna, jistgħu jfasslu x-xewqat ta’ qalbna u jmexxuna lejn dak li se nsiru f’din il-ħajja u eventwalment dak li se nirtu fl-eternità.10 Il-Presbiteru Neal A. Maxwell darba enfasizza dan il-prinċipju billi qal, “Ix-xewqat … jiddeterminaw il-gradazzjonijiet tal-eżitu, inkluż għaliex ‘ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin.’”11
Il-profeti tagħna tal-qedem u ta’ żmienna kontinwament fakkruna biex nirreżistu t-tentazzjoni ħalli nevitaw li nitilfu t-trazzjoni spiritwali tagħna u nibdew inħossuna mħawdin, diżorjentati, u disillużi f’ħajjitna.
B’mod metaforiku, li naqgħu għat-tentazzjoni jixbah lil meta wieħed jibda riesaq lejn kalamita b’oġġett tal-metall. Il-forza inviżibbli tal-kalamita tiġbed lejha l-oġġetti tal-metall u żżommhom imwaħħlin magħha. Il-kalamita tista’ biss titlef il-qawwa tagħha fuq l-oġġett tal-metall meta dan jitpoġġa ’l bogħol minnha. Għalhekk, bl-istess mod kif il-kalamita ma tkunx kapaċi teżerċita l-qawwa fuq oġġett tal-metall li jkun jinsab ’il bogħod, hekk kif nirreżistu t-tentazzjoni, din tibda tgħib u titlef il-qawwa tagħha fuq moħħna u qalbna u, konsegwentament, fuq għemilna.
Din l-analoġija tfakkarni dwar esperjenza li membru fidil ħafna tal-Knisja qasmet miegħi xi żmien ilu. Din il-membru qaltli li għodwa waħda, meta stenbħet, ħsieb mhux xieraq li qatt ma kienet esperjenzat qabel feġġ f’moħħha. Minkejja li ssorprendiet ruħha b’dan il-ħsieb, f’ħakka t’għajn hi rreaġixxiet kontra s-sitwazzjoni, fejn qalet lilha nnifsha u lil dak il-ħsieb, “Le!” u floku ħasbet f’xi ħaġa tajba biex tiddevja moħħha mill-ħsieb mhux mixtieq. Qaltli li hekk kif eżerċitat il-volontà morali tagħha fis-sewwa, dak il-ħsieb negattiv u involontarju għeb immedjatament.
Meta Moroni talab lin-nies biex jemmnu fi Kristu u jindmu, hu talabhom biex jersqu lejn is-Salvatur b’qalbhom kollha, filwaqt li jinżgħu minn fuqhom kull ħaġa mniġġsa. Barra minn hekk, Moroni stedinhom biex jitolbu lil Alla, b’determinazzjon soda, biex ma jaqgħux fit-tentazzjoni.12 Biex napplikaw dawn il-prinċipji f’ħajjitna jeħtieġ minna aktar minn sempliċiment twemmin; jeħtieġ li naġġustaw moħħna u qalbna skont dawn il-prinċipji divini. Dan l-aġġustament jeħtieġ minna sforz personali u kostanti ta’ kuljum, minbarra d-dipendenza tagħna fuq is-Salvatur, peress li l-inklinazzjonijiet morali tagħna ma jogħsfrux weħidhom. Biex niġġieldu kontra t-tentazzjoni jeħtieġ li ngħixu ħajjitna b’diliġenza u fedeltà. Iżda jekk jogħġobkom kunu afu li l-Mulej jinsab lest biex jassistina fl-isforzi personali tagħna u jwegħidna barkiet meraviljużi jekk nibqgħu nikkumbattu sal-aħħar.
Fi żmien partikolarment diffiċli meta Joseph Smith u sħabu l-ħabsin fiċ-Ċella ta’ Liberty ma kellhom libertà f’xejn ħlief fi ħsibijiethom, il-Mulej ipprovdielhom parir mill-aktar utli u tahom wegħda li qed jestendiha lilna lkoll:
“Araw li qalbkom tkun mimlija karità lejn il-bnedmin kollha, u lejn dawk kollha li jħaddnu l-fidi, u ħallu ħsibijietkom jiġu ddominati mill-virtù kontinwament; imbagħad timtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla; …
“L-Ispirtu s-Santu se jkun is-sieħeb kostanti tagħkom, u x-xettru tagħkom se jkun xettru tas-sewwa u l-verità.”13
Jekk nagħmlu hekk, ħsibijiet qaddisa kontinwament jgħammru f’moħħna u x-xewqat safja jwassluna biex nagħmlu għemejjel tajbin.
Moroni fakkar ukoll lin-nies tiegħu biex ma jiġux ikkunsmati permezz tax-xewqat ta’ ġisimhom.14 Il-kelma xewqa tal-ġisem tirreferi għal xewqa intensa u mhux xierqa għal xi ħaġa.15 Tiġbor fiha kull ħsibijiet u xewqat ħżiena li jikkawżaw li individwu jiffoka fuq drawwiet egoisti jew possessjoni materjali minflok ma jagħmel it-tajjeb, ikun ħanin, iżomm il-kmandamenti ta’ Alla, u aktar. Dan jidher permezz tal-aktar sentimenti karnali tar-ruħ. L-Appostlu Pawlu identifika xi wħud minn dawn is-sentimenti, bħall- “faħx, in-nuqqas ta’ rażan, … il-mibegħda, … il-korla, il-ġlied, … l-għira, … u affarijiet bħal dawn.16 Minkejja l-aspett ħażin kollu tax-xewqa tal-ġisem, ma nistgħux ninsew li l-għadu jużaha bħala arma sigrieta u qarrieqa kontrina meta jħajjarna biex nagħmlu xi ħaġa ħażina.
Għeżież ħuti, jiena nixhed li hekk kif aħna niddependu fuq il-blata tas-salvazzjoni, is-Salvatur ta’ ruħna, u nimxu wara l-parir ta’ Moroni, l-abbiltà tagħna li nikkontrollaw ħsibijietna tikber b’mod sinifikanti. Niżgurakom li l-maturità spiritwali tagħna tikber b’pass mgħaġġel, twassal għal bidla f’qalbna, u tagħmilna aktar bħal Ġesù Kristu. Barra minn hekk, l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu ssir aktar intensa u kontinwa. Imbagħad, it-tentazzjoni tal-għadu, ftit ftit, titlef il-qawwa tagħha fuqna, u twassal biex ikollna ħajja aktar ferħana u aktar safja u kkonsagrata.
Għal dawk li, għal xi raġuni jew oħra, jaqgħu fit-tentazzjoni, u qed iwettqu għemejjel ħżiena, nassigurakom li hemm mod kif terġgħu lura, li hemm it-tama fi Kristu. Ftit tas-snin ilu, kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ membru għażiż tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li kien għadda minn żmien diffiċli f’ħajtu wara li kkommetta dnub serju. Hekk kif rajtu, stajt nara ċerta dieqa f’għajnejh, flimkien ma’ dija ta’ tama fuq wiċċu. L-espressjoni tiegħu kienet tirrifletti qalb mill-aktar umli li fiha seħħet bidla. Hu kien raġel Kristjan iddedikat u kien ġie mbierek ħafna mill-Mulej. Madankollu, hu ħalla ħsieb wieħed mhux xieraq jinvadilu moħħu, li mbagħad wassal għal ħsieb ieħor. Hekk kif bil-mod il-mod hu beda jippermetti aktar dawn il-ħsibijiet, huma nibtu ġewwa moħħu u bdew jikbru fil-fond ta’ qalbu. Hu eventwalment irreaġixxa skont dawn ix-xewqat mhux xierqa, li wassluh biex jieħu deċiżjonijiet kontra dak kollu li l-aktar kien prezzjuż f’ħajtu. Hu qalli li kieku ma ħalliex dak il-ħsieb ta’ bluha jinvadilu moħħu, hu ma kienx isir daqstant vulnerabbli u suxxettibbli għat-tentazzjoni tal-għadu—tentazzjoni li ġabitlu tant niket f’ħajtu, tal-anqas għal perjodu ta’ żmien.
Fortunatament, bħall-iben il-ħali fil-parabbola famuża fl-evanġelju ta’ Luqa, “hu ġie f’sensih” u qam mill-ħolma kerha.17 Hu ġedded il-fiduċja tiegħu fil-Mulej u ħass fih kontrizzjoni vera, u kellu x-xewqa li eventwalment jerġa’ lura fil-merħla tal-Mulej. Dak inhar it-tnejn li aħna ħassejna l-imħabba feddejja li s-Salvatur kellu għalina. Fi tmiem il-laqgħa tagħna, it-tnejn li aħna ħassejna rwieħna kommossi, u sal-lum għadni niftakar il-ferħ risplendenti fuq wiċċu meta ħareġ mill-uffiċċju tiegħi.
Għeżież ħbieb tiegħi, meta nirreżistu t-tentazzjonijiet żgħar li ħafna drabi jiġu meta ma nkunux qed nistennewhom f’ħajjitna, aħna nkunu ppreparati aħjar biex nevitaw id-dnubijiet serji. Kif qal il-President Spencer W. Kimball: “Rari bniedem jaqa’ f’xi dnub kbir mingħajr ma l-ewwel jaqa’ għal oħrajn anqas gravi, li jiftħu l-bieb għall-dnub akbar. … ‘Għalqa nadifa ma timteliex bil-ħaxix ħażin f’daqqa waħda.’”18
Waqt li kien qed iħejji biex iwettaq il-missjoni divina tiegħu fid-dinja, is-Salvatur Ġesù Kristu tana eżempju tal-importanza li kontinwament nirreżistu kull ħaġa li tista’ żżommna lura milli nirrealizzaw l-għan etern tagħna. Wara għadd ta’ attakki mingħajr suċċess mill-għadu, li pprova jiddevjah mill-missjoni tiegħu, is-Salvatur b’mod kategoriku keċċa lix-xitan billi qallu: “Itlaq minn hawn, Satana. … Imbagħad ix-xitan ħallieh, u minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.”19
Tistgħu timmaġinaw, ħuti, x’jista’ jiġri jekk kellna niksbu l-qawwa u l-kuraġġ mingħand is-Salvatur u ngħidu “Le” u “Itlaq minn hawn” lill-ħsibijiet xejn virtużi hekk kif dawn ifeġġu f’moħħna? Xi jkun l-impatt fuq ix-xewqat ta’ qalbna? Kif jistgħu jżommuna viċin is-Salvatur l-azzjonijiet li jirriżultaw minnhom u jagħtuna ċ-ċans li jkollna l-influwenza kontinwa tal-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna? Naf li jekk nimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù, aħna nevitaw bosta traġedji u mġieba xejn mixtieqa li tista’ twassal għal problemi u nuqqas ta’ qbil fil-familja, għal emozzjonijiet u inklinazzjonijiet negattivi, għal inġustizzji u abbużi, għall-jasar minn vizzji ħżiena, u għal kull ħaġa li tmur kontra l-kmandamenti tal-Mulej.
Fil-messaġġ storiku u kommoventi tiegħu f’April ta’ din is-sena, l-għażiż profeta tagħna il-President Russell M. Nelson għamel wegħda li dawk kollha li huma lesti biex “jisimgħuh”—jisimgħu lil Ġesù Kristu—u jobdu l-kmandamenti tiegħu “se jkunu mberkin b’aktar qawwa biex jiffaċċjaw it-tentazzjoni, it-taqbid, u d-dgħjufija” u li l-kapaċità tagħna li nħossu l-ferħ se tikber, anke waqt it-taqlib kurrenti dejjem jiżdied.20
Nixhed magħkom li l-wegħdiet mogħtija lilna mill-maħbub profeta tagħna huma l-wegħdiet mogħtija mis-Salvatur innifsu. Nistieden lilna lkoll biex “nisimgħuh” f’kull ħsieb u nimxu warajh b’qalbna kollha biex niksbu l-qawwa u l-kuraġġ li ngħidu “Le” u “Itlaq minn hawn” għal kull ħaġa li tista’ ġġibilna n-niket f’ħajjitna. Jekk nagħmlu dan, inwegħidkom li l-Mulej jibgħatilna doża akbar tal-Ispirtu s-Santu tiegħu biex iqawwina u jfarraġna, u hekk nistgħu nsiru individwi għal qalb il-Mulej.21
Naqsam ix-xhieda tiegħi magħkom li Ġesù Kristu jgħix u li permezz tiegħu, aħna nistgħu nittrijonfaw kontra l-influwenzi ħżiena tal-għadu u nikkwalifikaw biex ngħixu għall-eternità mal-Mulej u fil-preżenza tal-għażiż Missierna fis-Smewwiet. Nixhed dwar dawn il-veritajiet b’imħabba kbira lejkom u lejn is-Salvatur għażiż tagħna, li lil ismu nagħti glorja, unur, u tifħir għal dejjem. Jiena ngħid dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.