Konferenza Ġenerali
Agħmlu l-qalb
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Agħmlu l-qalb

Il-fidi soda tagħna fid-duttrina tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu tiggwida l-passi tagħna u timliena bil-ferħ.

Fl-aħħar jiem tal-ħajja mortali tiegħu, Ġesù Kristu qal lill-Appostli tiegħu dwar il-persekuzzjoni u t-tbatija li kienu se jbatu.1 Hu temm id-diskors b’dan il-kliem mimli assigurazzjoni: “Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt lid-dinja” (Ġwanni 16:33). Dak hu l-messaġġ tas-Salvatur lill-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet. Din hi l-aqwa aħbar għalina lkoll fil-ħajja mortali tagħna.

“Agħmlu l-qalb” kienet ukoll assigurazzjoni meħtieġa fid-dinja li fiha Kristu mqajjem mill-imwiet bagħat lill-Appostli tiegħu. “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin,” qal wara l-Appostlu Pawlu lill-Korintin, “iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin” (2 Korintin 4:8–9).

Ġesù jaqdi persuna wara persuna

Elfejn sena wara aħna wkoll “minn kullimkien ninsabu magħfusin,” u neħtieġu wkoll l-istess messaġġ li m’għandniex naqtgħu qalbna iżda li għandna nagħmlu l-qalb. Il-Mulej għandu mħabba u sens ta’ responsabbiltà speċjali lejn l-ulied nisa tiegħu mill-aktar prezzjużi. Hu jaf ix-xewqat, il-bżonnijiet, u l-biżgħat tagħkom. Il-Mulej hu verament setgħan. Afdawh.

Il-Profeta Joseph Smith ġie mgħallem li “l-għemejjel, u l-pjanijiet, u l-għanijiet ta’ Alla ma jistgħux jiġu ffrustrati, lanqas ma jistgħu jisfumaw fix-xejn” (Doctrine and Covenants 3:1). Lil uliedu li qed jitqabdu, il-Mulej ta dawn iż-żewġ assigurazzjonijiet importanti:

“Araw, din hi l-wegħda tal-Mulej għalikom, O qaddejja tiegħi.

“Għalhekk, agħmlu l-qalb, u tibżgħux, għax jiena l-Mulej ninsab magħkom, u se nieqaf magħkom; u intom tagħtu xhieda tiegħi, l-isess Ġesù Kristu, li jiena Bin Alla l-ħaj” (Doctrine and Covenants 68:5–6).

Il-Mulej jinsab ħdejna, u Hu qal:

“Dak li ngħid lil wieħed inkun qed ngħidu lil kulħadd, agħmlu l-qalb, O tfal ċkejknin; għax jien ninsab f’nofskom, u mhux se nħallikom” (Doctrine and Covenants 61:36).

“Għax wara tant taħbit jaslu l-barkiet” (Doctrine and Covenants 58:4).

Ħuti, nixhed li dawn il-wegħdiet, mogħtija f’mument ta’ persekuzzjoni u traġedji personali, japplikaw għalikom ilkoll li llum tinsabu f’ċirkustanzi diffiċli. Huma prezzjużi ħafna u jfakkruna ħalli nagħmlu l-qalb u nkunu ferħanin fil-milja tal-evanġelju hekk kif nibqgħu mexjin ’il quddiem f’nofs l-isfidi tal-mortalità.

It-taħbit u l-isfidi huma l-esperjenzi komuni tal-mortalità. L-oppożizzjoni hi parti essenzjali tal-pjan divin biex tgħinna nikbru,2 u f’nofs dak il-proċess, għandna l-assigurazzjoni ta’ Alla li fil-perspettiva twila tal-eternità, l-oppożizzjoni mhux se tingħata ċ-ċans li tegħlibna. Bl-għajnuna tiegħu u permezz tal-fedeltà u r-reżistenza tagħna, aħna nirnexxu. Bħall-ħajja mortali li huma parti minnha, it-tbatijiet kollha huma temporanji. Fil-kontroversji li nqalgħu qabel faqqgħet gwerra diżastruża, il-president tal-Istati Uniti Abraham Lincoln b’għaqal fakkar lill-udjenza tiegħu fit-tagħlim antik li “dan ukoll, għad jgħaddi.”3

Kif tafu, l-avversità mortali li qed nitkellem dwarha—li tagħmilha diffiċli li nagħmlu l-qalb—xi kultant tolqotna kif tolqot lil ħafna oħrajn, bħall-miljuni li bħalissa qed ibatu minħabba xi wħud mill-ħafna effetti devastanti tal-pandemija COVID-19. Bl-istess mod, fl-Istati Uniti miljuni qed ibatu waqt perjodu ta’ ostilità u tilwim li jidher li dejjem jakkumpanja l-elezzjonijiet presidenzjali, iżda din id-darba hu l-aktar żmien sever li l-aktar anzjani fostna qatt jiftakru.

Fuq bażi personali, ilkoll kemm aħna nitqabdu personalment b’xi wħud mill-ħafna avversitajiet tal-mortalità bħall-faqar, ir-razziżmu, il-mard, it-telfien ta’ impjiegi jew xi diżappunti, minħabba tfal li qabdu triq ħażina, żwiġijiet ħżiena jew għax tkun għadek ma żżewwiġtx, u l-effetti tad-dnub—tagħna jew ta’ ħaddieħor’.

Madankollu, f’nofs dan kollu, għandna dak il-parir divin li nagħmlu l-qalb u nsibu l-ferħ fil-prinċipji u l-wegħdiet tal-evanġelju u fil-frott ta’ ħidmietna.4 Dak il-parir minn dejjem kien l-istess, għall-profeti u għalina lkoll. Aħna dan nafuh mill-esperjenzi tal-predeċessuri tagħna u x’qalilhom il-Mulej.

Ħuna Joseph

Ftakru fiċ-ċirkustanzi tal-Profeta Joseph Smith. Jekk tħarsu lejha mil-lenti tal-avversità, ħajtu kienet waħda ta’ faqar, persekuzzjoni, frustrazzjoni, niket fil-familja, u finalment martirju. Hekk kif huwa bata fil-ħabs, martu u wliedu u l-Qaddisin l-oħra batew tbatija inkredibbli meta ġew imkeċċijin minn Missouri.

Meta Joseph talab għall-għajnuna, il-Mulej wieġbu:

“Ibni, sliem għalik; l-avversità tiegħek u t-tbatija tiegħek sa jkunu biss għal żmien qasir;

“Imbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti b’kuraġġ, Alla se jeżaltak fil-għoli; inti se tittrijonfa fuq l-għedewwa tiegħek” (Doctrine and Covenants 121:7–8).

Dan kien il-parir personali u etern li għen lill-Profeta Joseph ma jitlifx in-natura ħelwa tiegħu u l-imħabba u l-lealtà tal-poplu tiegħu. Dawn l-istess kwalitajiet qawwew lill-mexxejja u lill-pijunieri li ġew wara u jistgħu jqawwu lilkom ukoll.

Missjunarji tal-ewwel żminijiet jimxu qalb is-silġ

Aħsbu ftit dwar dawk il-membri tal-ewwel żminijiet! Għal bosta drabi, ġew imkeċċijin mill-postijiet li kienu fihom. Finalment huma ffaċċjaw għadd ta’ sfidi biex jistabbilixxu djarhom u l-Knisja f’deżert.5 Sentejn wara li l-ewwel grupp ta’ pijunieri waslu fil-wied tal-Great Salt Lake, is-sitwazzjoni tal-pijunieri li jirnexxielhom ikampaw f’dak il-post ostili kienet għadha waħda prekarja. Bosta membri kienu għadhom fi triqthom jaqsmu l-pjanuri jew jitqabdu biex ikollhom ir-riżorsi li jagħmlu dan. Madankollu, il-mexxejja u l-membri xorta waħda baqgħu mimlijin tama u kuraġġ.

Minkejja li l-Qaddisin kienu għadhom ma sabux posthom fid-djar ġodda tagħhom, fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 1849 grupp ġdid ta’ missjunarji ntbagħtu l-Iskandinavja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, u fin-Nofsinhar tal-Paċifiku.6 Fi żmien li fih setgħu tilfu kull interess, il-pijunieri wrew l-akbar qlubija tagħhom. U tliet snin biss wara, 98 persuna oħra ġew imsejħin ukoll biex jiġbru flimkien lil ulied Iżrael li huma mxerrdin. Wieħed mill-mexxejja tal-Knisja spjega li dawn il-missjonijiet “ġeneralment, m’għandhomx ikunu twal ħafna; probabbilment minn 3 sa 7 snin se jkun iż-żmien li raġel ikun ’il bogħod mill-familja tiegħu.”7

Ħuti, aħna, l-Ewwel Presidenza, ninsabu mħassbin dwar l-isfidi tagħkom. Aħna nħobbukom u nitolbu għalikom. Fl-istess ħin, aħna spiss noffru r-ringrazzjament tagħna li l-isfidi fiżiċi tagħna—apparti t-terrimoti, in-nirien, l-għargħar, u l-uragani—normalment huma anqas milli ffaċċjaw il-predeċessuri tagħna.

F’nofs it-tbatija, l-assigurazzjoni divina hi dejjem “agħmlu l-qalb, għaliex jiena se nkun qed immexxikom. Is-saltna hi tagħkom u l-barkiet tagħha huma tagħkom, u r-rikkezzi tal-eternità huma tagħkom” (Doctrine and Covenants 78:18). Dan kif jista’ jiġri? Kif irnexxilhom il-pijunieri? Kif se jirnexxilhom in-nisa ta’ Alla llum? Jekk aħna nimxu wara l-gwida profetika, “is-setgħat tal-infern ma jegħlbuniex,” qal il-Mulej permezz ta’ rivelazzjoni f’April 1830. “Iva,” Huwa qal, “… il-Mulej Alla sa jkeċċi qawwiet id-dlam minn quddiemkom, u jġiegħel li jitriegħdu s-smewwiet minħabba fikom u minħabba l-glorja ta’ ismu” (Doctrine and Covenants 21:6). “Tibżgħux, merħla ċkejkna; agħmlu l-ġid; ħallu d-dinja u l-infern jingħaqdu t-tnejn kontrikom, għax jekk tkunu mibnija fuq il-blata tiegħi, ma jegħlbukomx” (Doctrine and Covenants 6:34).

Permezz tal-wegħdiet tal-Mulej, aħna “nagħmlu l-qalb u nifirħu” (Doctrine and Covenants 25:13), u “b’qalb kuntenta u dehra ferrieħa” (Doctrine and Covenants 59:15), nimxu ’l quddiem fit-triq tal-patt. Ħafna minna ma niffaċċjawx deċiżjonijiet ta’ kobor ġgantesk, bħal li jkollna naħarbu minn djarna u mmorru f’art li ma nafu xejn dwarha. Bosta mid-deċiżjonijiet tagħna huma parti mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum, iżda kif qalilna l-Mulej, “Qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għax intom qed tibnu l-pedament ta’ ħidma mill-aqwa. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar” (Doctrine and Covenants 64:33).

Teżisti qawwa bla limitu fid-duttrina tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Il-fidi soda tagħna f’dik id-duttrina tiggwida l-passi tagħna u timliena bil-ferħ. Iddawwal moħħna u tagħtina l-qawwa u l-kunfidenza f’dak li nagħmlu. Din il-gwida u qawwa u dan id-dawl huma doni mwiegħda li rċevejna mingħand Missierna fis-Smewwiet. Jekk aħna nifhmu u ngħixu ħajjitna skont dik id-duttrina, inkluż id-don divin tal-indiema, aħna nistgħu nagħmlu l-qalb hekk kif naraw li nibqgħu mexjin fit-triq lejn id-destin etern tagħna—ir-riunjoni u l-eżaltazzjoni mal-ġenituri tas-smewwiet tagħna mimlijin imħabba.

“Intom tafu qed tiffaċċjaw sfidi mill-aktar kbar,” għallem il-Presbiteru Richard G. Scott. “Xi kultant tant huma diffiċli, tant huma kontinwi, li tafu tħossuhom itqal milli tifilħu tikkumbattu. Tiffaċċjawx lid-dinja weħidkom. ‘Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek’ [Proverbji 3:5]. … L-għan kien li l-ħajja tkun sfida, mhux biex ma tirnexxux, iżda biex intom tirnexxu billi tegħlbuha.”8

Dan kollu parti mill-pjan ta’ Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, li dwarhom jiena nixhed, hekk kif nitlob li lkoll nibqgħu nippersistu lejn id-destinazzjoni tagħna fis-smewwiet, f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Ġwanni 13–16.

  2. Ara 2 Nephi 2:11.

  3. Abraham Lincoln, diskors mogħti lis-Soċjetà Agrikola tal-Istat ta’ Wisconsin, Milwaukee, 30 ta’ Sett., 1859; fi John Bartlett, Bartlett’s Familiar Quotations, 18-il ed. (2012), 444.

  4. Ara Doctrine and Covenants 6:31.

  5. Ara Lawrence E. Corbridge, “Surviving and Thriving like the Pioneers,” Ensign, Lulju 2020, 23–24.

  6. Ara “Minutes of the General Conference of 6 October 1849,” Ġabra Ġenerali ta’ Minuti tal-Knisja, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake.

  7. George A. Smith, f’Journal History of The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 28 ta’ Aww., 1852, 1, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake.

  8. Richard G. Scott, Finding Peace, Happiness, and Joy (2007), 248–49.