Konferenza Ġenerali
Żomm il-Bqija
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Żomm il-Bqija

Permezz ta’ Ġesù Kristu, aħna niġu mogħtija l-qawwa li nagħmlu tibdil li jibqa’. Hekk kif b’umiltà nduru lejh, Hu jkabbar il-kapaċità tagħna li ninbidlu.

Ħuti, inħossni verament ferħan li ninsab magħkom.

Tħallas ġewwa suq

Immaġinaw persuna li tmur is-suq biex tixtri xi ħaġa. Jekk lill-kaxxier tagħtih aktar milli jiswa l-oġġett, hu jagħtiha l-bqija.

Tirċievi l-bqija

Is-Sultan Benjamin għallem lill-poplu tiegħu fl-Amerka tal-qedem dwar il-barkiet tremendi li nirċievu mingħand is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu ħoloq is-sema, l-art, u kull ħaġa sabiħa li aħna ngawdu.1 Permezz tal-Espjazzjoni tiegħu kollha mħabba, Hu jipprovdi mod kif ninfdew mid-dnub u l-mewt.2 Hekk kif nuru l-gratitudni tagħna lejh billi b’diliġenza ngħixu l-kmandamenti tiegħu, Hu immedjatament iberikna, fejn nibqgħu dejjem imdejnin miegħu.

Hu jagħtina ferm aktar mill-valur li aħna qatt nistgħu nagħtuh lura. Għalhekk, x’nistgħu nagħtuh, lilu li ħallas il-prezz inkalkulabbli għal dnubietna? Nistgħu nagħtuh il-‘bqija’ jew kif nafuha wkoll il-‘bidla’. Nistgħu nagħtuh il-bidla tagħna. Din taf tkun ‘bidla’ fil-ħsieb, fid-drawwiet, jew fid-direzzjoni li sejrin fiha. Biex inpattu għall-ħlas imprezzabbli tiegħu għal kull waħda minna, il-Mulej talabna li jkollna bidla f’qalbna. Il-bidla li qed jitlob minna mhijiex għall-benefiċċju tiegħu, iżda tagħna. Iżda b’differenza minn tal-ħanut li tieħu lura l-bqija li noffrulu, is-Salvatur grazzjuż tagħna jitlobna biex inżommu l-bqija jew aħjar il-bidla.

Wara li semgħu dak li kellu jgħidilhom is-Sultan Benjamin, in-nies tiegħu għollew leħinhom fejn iddikjaraw li kienet seħħet bidla f’qalbhom, meta qalu, “Minħabba l-Ispirtu tal-Mulej Omnipotenti, li ġab bidla mill-aktar kbira ġewwa fina, … m’għandniex aktar dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażin, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament.”3 L-iskrittura ma tgħidx li huma immedjatament saru perfetti; iżda li x-xewqa tagħhom biex jinbidlu wasslithom biex jaġixxu. Il-bidla f’qalbhom kienet tfisser li neżgħu minn fuqhom il-bniedem naturali u semgħu mill-Ispirtu hekk kif għamlu li setgħu biex isiru jixbhu aktar lil Ġesù Kristu.

Il-President Henry B. Eyring jgħallem: “Il-konverżjoni vera tiddependi kemm infittxu verament bil-fidi, bi sforz kbir u bi ftit uġigħ. Imbagħad ikun il-Mulej li jagħtina … l-miraklu tat-tindif u l-bidla.”4 Billi nikkombinaw l-isforzi tagħna mal-abbiltà tas-Salvatur li jibdilna, aħna nsiru kreaturi ġodda.

Meta kont iżgħar, kont nimmaġina lili nnifsi miexja tul triq dritta u għat-tegħla lejn l-għan tiegħi tal-ħajja eterna. Kull darba li kont nagħmel jew ngħid xi ħaġa ħażina, kont inħossni nibda nieżla lura fit-triq, fejn kien ikollu nerġa’ nibda mill-ġdid bil-vjaġġ tiegħi. Kont qisni qed nerġa’ nispiċċa fuq dik il-kaxxa fil-logħba tat-tfal Chutes and Ladders li titfgħek ’l isfel mill-aħħar tal-bord lura għall-bidu tal-logħba! Kienet ħaġa li vera taqtagħlek qalbek! Iżda hekk kif bdejt nifhem id-duttrina ta’ Kristu5 u kif stajt napplikaha f’ħajti, jien sibt it-tama.

Il-proċess tal-bidla jinkludi li nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar

Ġesù Kristu tana mudell kontinwu kif nistgħu ninbidlu. Hu jistedinna biex neżerċitaw il-fidi tagħna fih, li tispirana biex nindmu—“liema fidi u ndiema jwasslu għal bidla f’qalbna.”6 Hekk kif nindmu, aħna niksbu fina xewqa akbar li nagħmlu u ngħixu l-patti qaddisa. Aħna nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar billi nkomplu napplikaw dawn il-prinċipji tul ħajjitna u nistiednu lill-Matul biex jibdilna. Li nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar ifisser li nibqgħu ninbidlu sal-aħħar. Illum nifhem li m’hemmx għalfejn noqgħod nibda mill-ġdid kull darba li naqa’, iżda kull darba li nipprova, inkun qed inkompli bil-proċess tiegħi tal-bidla.

Hemm fażi li tispirak fit-tema tat-Tfajliet li tiddikjara b’mod ċar, “Jien ngħożż id-don tal-indiema u nfittex li ntejbu kuljum.”7 Nitlob li aħna ngħożżu dan id-don sabiħ u li l-intenzjoni tagħna tkun verament li nfittxu li ninbidlu. Xi kultant it-tibdil li neħtieġu nagħmlu hu assoċjat ma’ xi dnub serju. Iżda ħafna drabi, aħna nagħmlu li nistgħu biex nirraffinaw il-karattru tagħna ħalli nallinjaw irwieħna mal-kwalitajiet ta’ Ġesù Kristu. L-għażliet tagħna ta’ kuljum jistgħu jew jgħinuna jew inkella jwaqqfu l-progress tagħna. Ċertu tibdil żgħir iżda kostanti li nagħmlu minn jeddna jgħinna nitjiebu. Taqtgħux qalbkom. Il-bidla hi proċess tul ħajjitna. Jiena grata li fit-taqbid tagħna biex ninbidlu, il-Mulej hu veru paċenzjuż magħna.

Permezz ta’ Ġesù Kristu, aħna niġu mogħtija l-qawwa li nagħmlu tibdil li jibqa’. Hekk kif b’umiltà nduru lejh, Hu jkabbar il-kapaċità tagħna li ninbidlu.

Minbarra l-qawwa li tittrasformana tal-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna, l-Ispirtu s-Santu jissapportjana u jiggwidana hekk kif nagħmlu dak kollu li nistgħu. Hu anke jista’ jgħinna nkunu nafu x’tibdil jeħtieġ li nagħmlu. Nistgħu nsibu wkoll l-għajnuna u l-inkuraġġiment permezz tal-barkiet tas-saċerdozju, tat-talb, tas-sawm, u billi nattendu t-tempju.

Bl-istess mod, ċerti membri tal-familja, mexxejja u ħbieb li nafdaw fihom jistgħu jkunu ta’ għajnuna fl-isforzi tagħna li ninbidlu. Meta kelli tmien snin, ħija l-kbir, Lee, u jien konna nqattgħu ħin ma’ sħabna nilagħbu fil-friegħi ta’ siġra li kien hemm ħdejn id-dar tagħna. Konna nieħdu gost hemmhekk fil-kumpanija ta’ sħabna fid-dell ta’ dik is-siġra. Darba waħda, Lee waqa’ minn fuq is-siġra u kiser driegħu. Peress li kiser driegħu kien diffiċli għalih li jitla’ fis-siġra mingħajr għajnuna. Iżda l-ħajja fis-siġra ma kenitx l-istess mingħajru. Għalhekk, xi wħud minna imbottajnieh minn wara hekk kif oħrajn ġibduh minn driegħu t-tajba, u mingħajr wisq diffikultà, Lee reġa’ lura fis-siġra. Driegħu kienet għadha miksura, iżda hu reġa’ ngħaqad magħna jgawdi l-ħbiberija tagħna waqt li kompla jfieq.

Jien spiss ħarist lejn l-esperjenza tiegħi nilgħab fis-siġra bħala tip ta’ attività tagħna fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Fid-dell tal-friegħi tal-evanġelju, aħna ngawdu bosta barkiet marbutin mal-patti tagħna. Xi wħud setgħu waqgħu mis-sigurtà tal-patti tagħhom u jeħtieġu l-għajnuna tagħna biex jerġgħu jitilgħu fis-sigurtà tal-fergħat tal-evanġelju. Taf tkun diffiċli għalihom li jerġgħu lura weħidhom. Nistgħu aħna nimbottawhom xi ftit biex ngħinuhom ifiequ filwaqt li jgawdu l-ħbiberija tagħna?

Jekk intom qed tbatu minn xi korriment minħabba xi waqgħa, jekk jogħġobkom agħtu ċ-ċans li ħaddieħor jgħinkom terġgħu lura għall-patti tagħkom u l-barkiet li joffrulkom. Is-Salvatur jista’ jgħinkom tfiequ, u tinbidlu, waqt li tkunu mdawrin b’dawk li jħobbukom.

Xi kultant niltaqa’ ma’ ħbieb li nkun ili ma narahom għal bosta snin. Xi kultant jgħiduli, “Inti xejn ma nbdilt!” Kull darba li nisma’ hekk, inħossni ftit skomda, għax nittama li jien inbdilt tul is-snin. Nittama li nbdilt mill-bieraħ! Nittama li jien ftit aktar ħanina, niġġudika anqas, u nuri aktar kompassjoni. Nittama li aktar lesta li nwieġeb għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, u nittama li jien ftit aktar paċenzjuża.

Jien nieħu gost immur mixja qalb il-muntanji fejn noqgħod. Ħafna drabi, waqt li nkun miexja, tidħolli xi ġebla żgħira fiż-żarbun. Eventwalment, nieqaf u noħroġha miż-żarbun. Nistagħġeb kemm jirnexxieli nibqa’ miexja muġugħa qabel nieqaf u neħles minn dik il-ħaġa li qed tirritani.

Hekk kif nimxu tul it-triq tal-patt, xi kultant jidħlilna ċertu ġebel fiż-żarbun tagħna bħal vizzji ħżiena, dnubiet, jew attitudnijiet ħżiena. Aktar ma nneħħuhom malajr minn ħajjitna, aktar inkunu ferħanin fil-vjaġġ mortali tagħna.

Li nżommu l-bidla jeħtieġ minna ċertu sforz. Ma nistax nimmaġina li noqgħod nieqaf tul it-triq biex imbagħad nerġa’ ndaħħal fiż-żarbun il-ġebel tedjanti u li jweġġa’ li kont għadni kif neħħejt. Din żgur ħaġa li ma rridx nagħmilha daqs kemm farfett sabiħ ma jridx li jerġa’ lura fil-kokun tiegħu.

Jiena nixhed li grazzi għal Ġesù Kristu, aħna nistgħu ninbidlu. Nistgħu naġġustaw id-drawwiet tagħna, nibdlu ħsibijietna, u nirraffinaw il-karattru tagħna biex insiru aktar bħalu. U bl-għajnuna tiegħu, nistgħu nżommu l-bidla. F’isem Ġesù Kristu, amen.