Konferenza Ġenerali
Alla Se Jagħmel Xi Ħaġa Inimmaġinabbli
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Alla Se Jagħmel Xi Ħaġa Inimmaġinabbli

Alla ħejja lil uliedu u l-Knisja tiegħu għal dan iż-żmien.

Ftit wara li waslu fil-Wied ta’ Salt Lake, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bdew jibnu t-tempju mqaddes tagħhom. Huma ħassew li fl-aħħar kienu sabu post fejn setgħu jqimu lil Alla fil-paċi u jkunu ħielsa minn kull persekuzzjoni.

Madankollu, hekk kif il-pedament tat-tempju kien kważi lest, waslet armata ta’ suldati tal-Istati Uniti biex b’forza jiddikjaraw gvernatur ġdid.

Peress li l-mexxejja tal-Knisja ma bassrux kemm setgħet tkun ostili l-armata, Brigham Young ordna lill-Qaddisin biex jevakwaw u jidfnu l-pedament tat-tempju.

Jien ċert li xi membri tal-Knisja bdew jistaqsu għalfejn l-isforzi tagħhom li jibnu s-saltna ta’ Alla kienu kull darba qed jiġu frustrati.

Eventwalment, il-periklu għadda, u s-sisien tat-tempju ġew skavati u spezzjonati. Kien f’dak il-mument li l-bennejja pijunieri skoprew li ftit mill-ġebel ramli oriġinali kien beda jinqasam, u b’hekk ma kienx tajjeb bħala pedament.

Konsegwentament, Brigham talabhom isewwu l-pedament ħalli dan ikun jista’ jissapportja b’mod adegwat il-ħitan1 tal-granit tat-tempju majestuż ta’ Salt Lake.2 Finalment, il-Qaddisin setgħu jkantaw l-għanja “X’Sisien Sodi Ferm”3 għax kienu jafu li t-tempju mqaddes tagħhom kien mibni fuq pedament sod li kien se jibqa’ b’saħħtu għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Pedament tat-Tempju ta’ Salt Lake

Din l-istorja tista’ tgħallimna kif Alla juża l-avversità biex iġib fis-seħħ l-għanijiet tiegħu.

Pandemija Dinjija

Jekk din il-ħaġa tinstama’ familjari meta tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom illum, fil-fatt hekk hu.

Niddubita jekk hawnx persuna li qed tisma’ leħni jew taqra kliemi li ma ġietx affettwata mill-pandemija dinjija.

Lil dawk li qed jibku t-telfien ta’ xi ħadd mill-familja u ħbieb, aħna nibku magħkom. Nitolbu lill-Missierna fis-Smewwiet biex ifarraġkom u jikkonslakom.

Il-konsegwenzi fit-tul ta’ dan il-virus imorru lil hinn mis-saħħa fiżika. Bosta familji tilfu d-dħul tagħhom u qed jiġu mhedda mill-ġuħ, mill-inċertezza, u mill-biża’. Aħna nammiraw l-isforzi altruwisti ta’ bosta biex jipprevjenu l-firxa ta’ din il-marda. Aħna nħossu fina sens ta’ umiltà bis-sagrifiċċju sieket u l-isforzi nobbli ta’ dawk li rriskjaw ħajjithom biex jassistu, ifejqu, u jissapportjaw lil nies fil-bżonn. Qlubna mimlija gratitudni għat-tjubija u l-kompassjoni tagħkom.

Nitolbu b’qawwa li Alla jiftaħ bwieb is-sema u jimla ħajjitkom bil-barkiet eterni ta’ Alla.

Aħna Żerriegħa

Hawn ħafna affarijiet li għadna ma nafux dwar dan il-virus. Iżda jekk hemm xi ħaġa li jien naf, hi li dan il-virus ma sabx lil Missierna fis-Smewwiet fuq sieq waħda. Hu ma kellux għalfejn jiġbor flimkien aktar battaljuni ta’ anġli, isejjaħ għal laqgħat ta’ emerġenza, jew jiddevja r-riżorsi mid-diviżjoni tal-ħolqien tad-dinja biex jimmaniġġja xi affarijiet mhux mistennija.

Il-messaġġ tiegħi llum hu li minkejja din il-pandemija mhijiex dak li aħna ridna jew stennejna, Alla ħejja lil uliedu u l-Knisja tiegħu għal dan iż-żmien.

Aħna se jirnexxielna ngħaddu minnha, iva. Iżda se nagħmlu ferm aktar milli sempliċiment nheżżu snienna, nieqfu, u nistennew li l-affarijiet jerġgħu lura għan-normal. Aħna se nibqgħu mexjin ’il quddiem, u b’riżultat ta’ dan se nkunu nies aħjar.

F’ċertu sens, aħna żerriegħa. U biex iż-żerriegħa tilħaq il-potenzjal tagħha, jeħtieġ li tindifen taħt il-ħamrija qabel ma tibda tinbet. Hi x-xhieda tiegħi li minkejja xi kultant aħna nħossuna nindifnu permezz tal-isfidi tal-ħajja jew ninsabu mdawrin b’dalma emozzjonali, l-imħabba ta’ Alla u l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jġibulna xi ħaġa inimmaġinabbli li tasal biex tinbet.

Il-Barkiet Niksbuhom wara t-Tbatija

Kull dispensazzjoni ffaċċjat żminijiet ta’ sfida u tbatija.

Ħenok u l-poplu tiegħu għexu fi żmien ta’ ħażen, gwerer, u tixrid tad-demm. “Iżda l-Mulej ġie u għammar mal-poplu tiegħu.” Hu kellu xi ħaġa inimmaġinabbli f’moħħu għalihom. Hu għenhom jistabbilixxu Sijon—poplu “ta’ qalb waħda u moħħ wieħed” li “għammar fis-sewwa.”4

It-tfajjel Ġużeppi, iben Ġakobb, inxteħet ġo bir, ġie mibjugħ fil-jasar, ġie ttradut, u abbandunat.5 Ġużeppi probabbilment staqsa jekk Alla kienx nesieh. Alla kellu xi ħaġa inimmaġinabbli f’moħħu għal Ġużeppi. Hu uża dan il-perjodu ta’ prova biex iqawwi l-karattru ta’ Ġużeppi u jpoġġih f’pożizzjoni li jsalva l-familja tiegħu.6

Joseph Smith fiċ-Ċella ta’ Liberty

Aħsbu dwar Joseph Smith il-Profeta meta kien maqful fiċ-Ċella ta’ Liberty, kif hu talab biex il-Qaddisin jinħelsu mis-sofferenza. Hu probabbilment staqsha kif Sijon setgħet tiġi stabbilita f’dawk iċ-ċirkustanzi. Iżda l-Mulej imlieh bil-paċi, u r-rivelazzjoni glorjuża li ġiet wara ġabet il-paċi lill-Qaddisin—u tkompli ġġib il-paċi lilkom u lili.7

Kemm-il darba fl-ewwel żminijiet tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien il-Qaddisin iddispraw u staqsew lilhom infushom jekk Alla kienx nesiehom? Iżda qalb il-persekuzzjoni, il-periklu, u t-theddid ta’ esterminazzjoni, il-Mulej Alla ta’ Iżrael kellu xi ħaġa oħra f’moħħu għall-merħla ċkejkna tiegħu. Xi ħaġa inimmaġinabbli.

X’nitgħallmu minn dawn l-eżempji—u l-mijiet ta’ oħrajn fl-iskrittura?

L-ewwel, it-twajbin mhux se jkollhom ħajja faċli li tippermettilhom li jevitaw il-widien mudlama. Aħna lkoll jeħtieġ li ngħaddu minn żminijiet diffiċli, għax huwa f’dawn iż-żminijiet ta’ avversità li nitgħallmu prinċipji li jiffortifikaw il-karattri tagħna u jwassluna biex nersqu aktar viċin Alla.

It-tieni, Missierna fis-Smewwiet jaf li aħna nbatu, u peress li aħna wliedu, Hu mhux se jabbandunana.8

Aħsbu ftit dwar is-Salvatur mimli kompassjoni, li qatta’ parti kbira minn ħajtu jimministra lill-foqra, lil dawk li jinsabu weħidhom, lil dawk maħkumin mid-dubju u d-disperazzjoni.9 Taħsbu li llum Hu jinsab anqas ikkonċernat dwarkom?

Għeżież ħbieb tiegħi, għeżież ħuti, Alla jħariskom u jidderiġikom waqt dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza u biża’. Huwa jafkom. Huwa jisma’ talbkom. Hu fidil u ta’ min joqgħod fuqu. Hu jżomm il-wegħdiet tiegħu.

Alla għandu xi ħaġa inimmaġinabbli f’moħħu għalikom personalment u għall-Knisja kollettivament—ħidma meraviljuża u li tgħaġġbek.

Grazzi, O Alla, li Tajtna Profeta

L-aqwa żmien għadu ġej, u mhux għadda. Għalhekk Alla tana r-rivelazzjoni moderna ! Mingħajrha, il-ħajja tkun qisha ajruplan itir fl-istess spazju, jistenna biex jgħaddi ċ-ċpar ħalli jkun jista’ jibda bl-inżul tiegħu. L-għanijiet tal-Mulej għalina huma ferm ogħla minn hekk. Peress li din hi l-Knisja ta’ Kristu l-ħaj, u peress li Hu jmexxi l-profeti tiegħu, aħna ninsabu mexjin ’il quddiem u telgħin ’il fuq, lejn postijiet li qatt ma żorna qabel, lejn għoli li qatt ma biss immaġinajna!

Issa, dan ma jfissirx li mhux se nesperjenzaw taqlib fit-titjira tagħna f’din il-ħajja mortali. Ma jfissirx li mhux se nistennew li jkollna xi ħsara fl-istrumenti, xi problemi mekkaniċi, jew ċerti sfidi serji minħabba t-temp. Fil-fatt, l-affarijiet jafu jaqilbu għall-agħar qabel ma jmorru għall-aħjar.

Bħala pilota u kaptan ma’ linja tal-ajru, jien tgħallimt li filwaqt li ma stajtx nagħżel l-avversità li kelli niltaqa’ magħha waqt titjira, stajt nagħżel kif nipprepara u nirreaġixxi għaliha. Li hu meħtieġ fi żmien ta’ kriżi hu li nibqgħu kalmi u naħsbu b’moħħna.

Kif nistgħu nagħmlu dan?

Billi niffaċċjaw il-fatti u nduru lejn il-fundamentali, lejn il-prinċipji bażiċi tal-evanġelju, lejn l-aktar ħwejjeġ importanti. Saħħaħ l-imġieba reliġjuża privata tiegħek—bħat-talb u l-istudju tal-iskrittura u ż-żamma tal-kmandamenti ta’ Alla. Ħu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-aħjar prattiċi ppruvati.

Iffoka fuq dak li tista’ tagħmel, u mhux fuq dak li ma tistax.

Jeħtieġ tħaddem il-fidi tiegħek. U tisma’ l-kliem ta’ gwida tal-Mulej u tal-profeta tiegħu biex iwassluk lejn post sigur.

Ftakru, din hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu—Hu jinsab fit-tmun.

Aħsbu dwar il-ħafna avvanzi ispirati li seħħew sewwasew f’dawn l-aħħar għaxar snin. Biex insemmi ftit minnhom:

  • Is-sagrament ġie enfasizzat mill-ġdid bħala l-qofol tal-qima tagħna f’Jum il-Mulej.

  • Come, Follow Me ġie pprovdut bħala għodda ċċentrata madwar id-dar u ssapportjata mill-Knisja biex issaħħaħ l-individwi u l-familji.

  • Bdejna mod ogħla u aktar qaddis kif nimministraw lil kulħadd.

  • L-użu tat-teknoloġija biex naqsmu l-evanġelju u nwettqu l-ħidma tal-Mulej inxtered madwar il-Knisja.

Anke dawn is-sessjonijiet tal-konferenza ġenerali ma kenux ikunu possibbli mingħajr l-għodda meraviljuża tat-teknoloġija.

Ħuti, bi Kristu fit-tmun, l-affarijiet mhux biss jirnexxu; iżda jkunu inimmaġinabbli.

Il-Ħidma tal-Ġabra ta’ Iżrael Miexja ’l Quddiem

Għall-ewwel seta’ deher li l-pandemija dinjija kienet se żżomm lura l-ħidma tal-Mulej. Per eżempju, ċerti metodi tradizzjonali kif naqsmu l-evanġelju ma baqgħux possibbli. Madankollu, il-pandemija qed tiżvela aktar modi kreattivi ġodda kif nilħqu lil dawk ta’ qalb onesta. Il-ħidma tal-ġabra ta’ Iżrael qed tikber fil-qawwa u l-entużjażmu. Mijiet u eluf ta’ stejjer jixhdu dan.

Ħabiba tal-qalb tagħna li tgħix fil-pajjiż sabiħ tan-Norveġja kitbet lili u lil Harriet dwar kemm dan l-aħħar qed jiżdiedu l-magħmudijiet. “F’postijiet fejn il-Knisja hi żgħira,” hi kitbet, “il-friegħi se jsiru fergħat, u l-fergħat se jsiru oqsma!!”

Fil-Latvja, mara li skopriet il-Knisja billi għafset fuq riklam fuq l-internet tant imtliet b’ħerqa biex titgħallem dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li spiċċat marret għall-appuntament tagħha siegħa qabel, u l-missjunarji kienu għadhom lanqas spiċċaw l-ewwel lezzjoni li hi ma staqsietx meta kienet se titgħammed.

Fl-Ewropa tal-Lvant, waħda mara li rċeviet telefonata mill-missjunarji qalet, “Sisters, għalfejn ma ċempiltux qabel? Kont qed nistenniekom!”

Ħafna mill-missjunarji tagħna għandhom x’jagħmlu aktar minn qatt qabel. Ħafna qed jgħallmu aktar nies mis-soltu. Hemm konnessjoni akbar bejn il-membri u l-missjunarji.

Fil-passat, nafu li konna qed inħossuna komdi wisq bil-modi tradizzjonali li kien hemm bżonn ta’ pandemija biex tiftħilna għajnejna. Jista’ jkun li konna għadna qed nibnu bil-ġebel tar-ramel meta kellna disponibbli diġà l-granit. Sforz in-neċessità, issa qed nitgħallmu kif nużaw varjetà ta’ metodi, inkluż it-teknoloġija, biex nistiednu n-nies—b’modi normali u naturali—biex jiġu u jaraw, jiġu u jgħinu, u jiġu u jappartjenu.

Il-Ħidma Tiegħu, il-Modi Tiegħu

Din hi l-ħidma tal-Mulej. Hu jistedinna biex insibu l-modi kif Hu jridna nagħmlu l-affarijiet, u dawn jafu jkunu differenti mill-esperjenzi passati tagħna.

Hekk ġara lil Xmun Pietru u lid-dixxipli l-oħra li marru jistadu fil-Baħar ta’ Tiberija.

“Dak il-lejl ma qabdu xejn.

“Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt. …

“Qalilhom, Waddbu x-xibkan-naħatal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu.”

Huma waddbu x-xbiek fuq in-naħa l-oħra u “ma felħux jiġbduh daqs kemm qabdu ħut.”10

Alla żvela u jkompli jiżvela l-influwenza setgħana tiegħu. Il-jum jasal meta nħarsu lura u nindunaw li tul dan iż-żmien ta’ avversità, Alla kien qed jgħinna nsibu modi aħjar—il-modi tiegħu—biex nibnu s-saltna tiegħu fuq sisien sodi.

Jien naqsam ix-xhieda tiegħi li din hi l-ħidma ta’ Alla u li Hu se jkompli jwettaq bosta ħwejjeġ inimmaġinabbli fost uliedu, il-poplu tiegħu. Alla jżommna fuq wiċċ l-idejn kollha mħabba u kompassjoni tiegħu.

Jiena nixhed li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ta’ Alla għal żmienna.

Bħala Appostlu tal-Mulej, nistedinkom u nberikkom biex “twettqu b’ferħ dak kollu li tistgħu; u mbagħad tistgħu tieqfu, b’ċertezza kbira, biex taraw is-salvazzjoni ta’ Alla, u dirgħajh jiġu żvelati lilkom.”11 U nwegħidkom li l-Mulej iwassalkom biex tesperjenzaw ħwejjeġ inimmaġinabbli b’riżultat tal-ħidma ġusta tagħkom. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Monzonite tal-kwarz li jixbah il-granit li ttieħed minn barriera fil-ftuħ tal-Kanjon Little Cottonwood, 20 mil fil-lbiċ tal-belt.

  2. Għal ħarsa aktar fid-dettall dwar dan il-perjodu tal-istorja, ara Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 2, No Unhallowed Hand, 1846–1893 (2020), kapitli 17, 19, u 21.

  3. Ara “X’Sisien Sodi Ferm,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 6.

    Il-versi ta’ dan l-innu meraviljuż jistgħu jservu bħala tema għal żminijietna u, meta nisimgħu l-lirika b’widnejn ġodda, din tipprovdilna għarfien ġdid dwar l-isfidi li qed niffaċċjaw:

    Mingħajr kundizzjoni—kemm f’saħħa, anke f’mard,

    Fil-faqar tal-jasar jew mogħni b’ġid mill-kbar,

    Fid-dar jew lil hinn, fuq baħar jew art tkun—

    Hi x’inhi s-sitwazzjoni … l-għajnuna tiegħek hu.

    Tibżax, jiena miegħek; dik qalbek la taqtax,

    Għax jien Alla tiegħek, jien ngħinek tinkwetax.

    Insaħħek, u ngħinek biex wieqaf sod tkun,

    B’idi l-omnipotenti, … inżommok jien fiż-żgur.

    Meta f’qiegħ ta’ baħar, nitolbok sabiex tmur,

    Ix-xmajjar ta’ niket lilek ma jeqirdukx,

    Għax jiena nkunu miegħek, għalik jiena nħenn,

    Inbierek u inqaddes … l-isforz tiegħek fil-hemm.

    Fil-prova tal-ħajja ser tgħaddi minn tfixkil,

    Iżda l-grazzja tiegħi tħaffiflek il-piż tqil.

    Il-fjamma le tweġġgħek, għax l-għan tiegħi hu dan

    Li l-ħmieġ ta’ ġo fik tarmi … tpoġġi floku d-deheb. …

    Ir-ruħ li f’Ġesù dejjem sabet is-serħan

    Jiena ma nistax żgur inħalliha fid-dlam;

    Għalkemm l-għadu jaħdem biex lilha huwa jwaqqa’

    Le, le, qatt ma nħalliha, … tintilef fid-dlam!

  4. Ara Moses 7:13–18.

  5. Ġużeppi kellu probabbilment madwar 17-il sena meta ħutu bigħuh fl-iskjavitù (ara Ġenesi 37:2). Hu kellu 30 sena meta daħal bħala qaddej mal-Fargħun (ara Ġenesi 41:46). Tistgħu timmaġinaw kemm kien diffiċli għal tfajjel daqstant żagħżugħ li jiġi ttradut, mibjugħ fl-iskjavitù, akkużat b’mod falz, u mbagħad mitfugħ f’ħabs? Ġużeppi ċertament hu mudell mhux biss għaż-żgħażagħ tal-Knisja iżda wkoll għal kull raġel, mara, tifel u tifla li jixtiequ jġorru salibhom u jimxu wara s-Salvatur.

  6. Ara Ġenesi 45:4–11; 50:20–21. F’ Salm 105:17–18, naqraw, “Kien bagħat qabilhom raġel, ’il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir: rabtulu riġlejh bil-ktajjen, dawrulu l-ħadid ma’ għonqu.” Fi traduzzjoni oħra, vers 18 jgħid, “Huma rabtulu riġlejh bil-ktajjen, il-ħadid nifidlu ruħu” (Young’s Literal Translation). Għalija dan juri li s-sofferenza ta’ Ġużeppi tagħtu ruħ b’saħħitha u reżiljenti daqs il-ħadid—kwalità li kien se jkun jeħtieġ għall-futur meraviljuż u inimmaġinabbli li l-Mulej kellu mħejji għalih.

  7. Ara Doctrine and Covenants 121–23.

  8. Jekk Alla jitlob lil uliedu biex ikunu konxji u kompassjonali lejn min hu bil-ġuħ, lejn min hu fil-bżonn, lejn min hu għeri, marid u qed ibati, bla dubju Hu se jkun konxju minna u ħanin magħna, l-istess uliedu (ara Mormon 8:39).

  9. Ara Luqa 7:11–17.

  10. Ara Ġwanni 21:1–6.

  11. Doctrine and Covenants 123:17.