Konferenza Ġenerali
Insibu l-Ferħ fi Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Insibu l-Ferħ fi Kristu

L-aqwa mod kif insibu l-ferħ f’din il-ħajja hu li ningħaqdu ma’ Kristu f’li ngħinu lil ħaddieħor.

Il-Mulej ma jitlobx liż-żgħażagħ tas-Saċerdozju ta’ Aron biex jagħmlu kollox, iżda dak li jitlobhom hi vera ħaġa li tispirana.

Ftit tas-snin ilu, il-familja tagħna għaddiet minn dak li bosta familji jiffaċċjaw f’din id-dinja mitlufa. It-tifel iż-żgħir tagħna, Tanner Christian Lund, intlaqat mill-marda tal-kanċer. Kien tifel inkredibbli, kif normalment huma t-tfal ta’ disa’ snin. Kien verament imqareb u fl-istess ħin verament konxju spiritwalment. Makakk u anġlu, imqareb u ħelu. Meta kien ċkejken u kull jum kien jissorprendina bil-bużulotti tiegħu, ma konniex nafu meta jikber kienx se jsir profeta jew ħalliel tal-banek. Isir xi jsir, kien jidher li kien se jħalli effett fuq id-dinja.

U mbagħad, hu nħakem minn marda qerrieda. Fit-tliet snin ta’ wara, ix-xjenza moderna għenet biex ittieħdu miżuri erojċi, inkluż żewġ trapjanti tal-mudullun, fejn spiċċat qabditu l-pulmonite, u għadda 10 ġimgħat fuq ventilatur mitluf minn sensih. Mirakolożament, għal żmien qasir ħassu aħjar, iżda mbagħad reġa’ feġġlu l-kanċer.

Ftit qabel ma miet, il-marda ta’ Tanner invadietlu għadmu, u anke bl-għajnuna tal-mediċina, xorta baqa’ muġugħ. Bilkemm kien jista’ jqum mis-sodda. F’għodwa ta’ jum il-Ħadd, ommu, Kalleen, marret fil-kamra tiegħu biex tittawwallu qabel ma l-familja konna se nitilqu għall-knisja. Issorprendiet ruħha meta rat li b’xi mod kien qam, libes, u kien bilqiegħda f’tarf is-sodda, fejn b’diffikultà kien qed jipprova jaqfel il-qmis tiegħu. Kalleen poġġiet ħdejh. “Tanner,” staqsietu, “żgur tħossok tajjeb biżżejjed biex tiġi l-knisja? Forsi aħjar illum tibqa’ d-dar u tistrieħ.”

Hu niżżel ħarstu lejn l-art. Hu kien djaknu. Kien fil-kworum. U kellu essajnment.

“Illum suppost se nqassam is-sagrament.”

“Mela, jien ċerta li xi ħadd ieħor jista’ jagħmel dan għalik.”

“Iva,” huwa qal, “iżda … jien naf kif iħarsu lejja n-nies meta nqassam is-sagrament. Naħseb li jgħinhom.”

Għalhekk Kalleen għenitu jaqfel il-qmis u jaqfel l-ingravata, u saqu flimkien lejn il-knisja. Kien jidher ċar li kienet qed isseħħ xi ħaġa importanti.

Jiena dħalt fil-kappella wara laqgħa li kelli qabel u kont verment sorpriż li rajt lil Tanner bilqiegħda fir-ringiela tad-djakni. Kalleen qaltli b’leħen sieket għalfejn kien hemm u x’kien qal: “Dan jgħin lin-nies.”

Għalhekk ħarist lejn id-djakni hekk kif bdew resqin lejn il-mejda tas-sagrament. Hu inklina ruħu lejn djaknu ieħor waqt li l-qassisin għaddewlhom il-kontenituri bil-ħobż. U mbagħad Tanner mexa b’diffikultà lejn il-post minn fejn kellu jibda u żamm ma’ tarf il-bank biex ikun jista’ jieqaf sew hekk kif ippreżenta s-sagrament.

Kien jidher li kull min kien fil-kappella beda jħares lejh, kommossi bil-mod kif beda jitqabad hekk kif għamel il-parti sempliċi tiegħu. B’xi mod Tanner esprima priedka siekta hekk kif hu, b’mod solenni, beda jimxi bilmod qalb ir-ringieli—ir-ras bla xagħar tiegħu tleqq bl-għaraq —jirrappreżenta lis-Salvatur kif jagħmlu d-djakni. Il-ġisem ta’ dan id-djaknu li darba kien mimli ħajja kien hu stess xi ftit imbenġel, imkisser, u mtertaq, li minn jeddu bata biex iservi billi jġorr l-emblemi tal-Espjazzjoni tas-Salvatur f’ħajjitna.

Meta rajna kif kien iħares lejn id-dmir tiegħu bħala djaknu wasalna biex inħarsu b’mod differenti lejn is-sagrament —lejn is-Salvatur—u naħsbu b’mod differenti dwar id-djakni, l-għalliema, u l-qassisin.

Nimmeravilja ruħi bil-miraklu mhux mitkellem li wasslu biex f’dik l-għodwa jwieġeb b’daqstant qlubija għal dik is-sejħa siekta u ċkejkna, u bil-qawwa u l-kapaċitajiet taż-żgħażagħ emerġenti kollha tagħna hekk kif huma jagħmlu l-almu tagħhom biex iwieġbu għas-sejħa ta’ profeta li jingaġġaw ruħhom mal-battaljun ta’ Alla u jingħaqdu fil-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni.

Kull darba li djaknu jieħu f’idu l-kontenitur tas-sagrament, aħna niġu mfakkra dwar l-istorja sagra tal-Aħħar Ikla, tal-Ġetsemani, tal-Kalvarju, u tal-qabar tal-ġnien. Meta s-Salvatur qal lill-Appostli Tiegħu, “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi,”1 Hu kien qed ikellem ukoll tul iż-żminijiet lil kull wieħed u waħda minna. Kien qed jitkellem dwar il-miraklu bla tmiem li kien se jipprovdilna hekk kif id-djakni, l-għalliema, u l-qassisin futuri kienu se jippreżentaw l-emblemi tiegħu u jistiednu lil uliedu biex jaċċettaw ir-rigal tal-espjazzjoni tiegħu.

Is-simboli kollha tas-sagrament ifakkruna f’dak ir-rigal. Aħna nikkontemplaw dwar il-ħobż li Hu darba qasam—u dwar il-ħobż li l-qassisin, min-naħa tagħhom, issa jaqsmu quddiemna. Naħsbu dwar it-tifsira tal-likwidu kkonsagrat, kemm f’dak iż-żmien u llum, hekk kif it-talb tas-sagrament solennement jgħaddi minn fomm il-qassisin żgħażagħ għal ġo qalbna u fis-smewwiet, fejn inġeddu l-patti li jgħaqqduna mal-istess qawwiet tas-salvazzjoni ta’ Kristu. Aħna nafu naħsbu dwar xi jfisser meta djaknu jwasslilna l-emblemi sagri, jieqaf fejn kieku jieqaf Ġesù jekk kien ikun fostna, joffrilna biex itaffilna t-tagħbija u l-uġigħ tagħna.

Fortunatament, iż-żgħażagħ tagħna m’hemmx għalfejn jimirdu biex jiskopru l-ferħ u l-għan li jservu lis-Salvatur.

Il-Presbiteru David A. Bednar għallem li biex nikbru u nsiru kif inhuma l-missjunarji, jeħtieġ li nagħmlu dak li jagħmlu, l-missjunarji, u mbagħad “linja wara linja, preċett wara preċett, … [aħna] nistgħu gradwalment insiru l-missjunarju … li jistenna minna s-Salvatur.”2

Bl-istess mod, jekk nixtiequ “inkunu bħal Ġesù,”3 jeħtieġ nagħmlu dak li jagħmel Ġesù, u f’sentenza mill-aktar sinjifikanti fl-iskrittura, il-Mulej spjega x’inhu dak li jagħmel: Hu qal, “Għax araw, din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”4

Il-missjoni tas-Salvatur minn dejjem kienet u se tibqa’ li jservi lil Missieru billi jsalva lil uliedu.

U l-aqwa mod kif insibu l-ferħ f’din id-dinja hu meta ningħaqdu ma’ Kristu f’li ngħinu lil ħaddieħor.

Din hi l-verità sempliċi li ispirat il-programm Tfal u Żgħażagħ.

L-attivitajiet u t-tagħlim fil-programm Tfal u Żgħażagħ huma dwar li ngħinu liż-żgħażagħ isiru aktar bħal Ġesù billi jingaġġaw irwieħhom fil-ħidma tiegħu tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni.

It-Tfal u Żgħażagħ hu għodda biex tgħin lit-tfal tal-Primarja u ż-żgħażagħ kollha jikbru fid-dixxipulat u jiksbu viżjoni mimlija fidi dwar kif tkun it-triq tal-ferħ. Huma jistgħu jibdew jantiċipaw u jfittxu t-tabbelli tul it-triq tal-patt fejn huma jitgħammdu u jiġu kkonfermati bid-don tal-Ispirtu s-Santu u ma jdumux ma jsiru parti minn kwora u klassijiet tat-Tfajliet, fejn hemm iħossu l-ferħ li jgħinu lil ħaddieħor permezz ta’ għadd ta’ għemejjel ta’ servizz Kristjan. Huma jagħmlu ċerti pjanijiet, kbar jew żgħar, li jġibu bilanċ f’ħajjithom hekk kif isiru jixbhu aktar lis-Salvatur. Il-konferenzi u r-rivisti ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, il- Friend, u l-Gospel Living app jgħinhom jiċċentraw lilhom infushom fuq li jsibu l-ferħ fi Kristu. Huma jantiċipaw il-barkiet li jġorru fuqhom rakkomandazzjoni tat-tempju u jħossu l-ispirtu ta’ Elija permezz tal-influwenza tal-Ispirtu s-Santu hekk kif igawdu mill-barkiet tat-tempju u l-ħidma tal-familja. Huma jiġu ggwidati permezz tal-barkiet patrijarkali. Maż-żmien, huma jaslu biex imorru fit-tempji biex jiġu ddotati bil-qawwa, u biex hemmhekk isibu l-ferħ, hekk kif jingħaqdu eternament, jiġri x’jiġri, mal-familji tagħhom.

Minbarra l-isfidi tal-pandemija u l-problemi li għaddejin minnhom, li nġibu fis-seħħ il-wegħda sħiħa tal-programm Tfal u Żgħażagħ hi xi ħaġa li tieħu ż-żmien—u hawn ċerta urġenza. Iż-żgħażagħ tagħna ma jistgħux jistennew biex id-dinja tikkoreġi lilha nnifisha biex isiru jafu lis-Salvatur. Xi wħud qed jieħdu deċiżjonijiet anke bħalissa li żgur ma jeħdux kieku fehmu l-vera idenitità tagħhom—u tiegħu.

U għalhekk, is-sejħa urġenti mill-battaljuni ta’ Alla li qed jitħarrġu b’qawwa hi biex “kulħadd imidd idejh!”

Intom l-ommijiet u l-missirijiet, uliedkom għandhom bżonnkom biex tissapportjawhom issa bl-istess passjoni kif għamiltu fil-passat meta kienu qed iwettqu ħwejjeġ anqas importanti. Intom l-ommijiet u l-missirijiet, u l-mexxejja tas-saċerdozju u tat-Tfajliet, jekk iż-żgħażagħ tagħkom qed jitqabdu mal-ħajja, il-programm Tfal u Żgħażagħ se jgħin biex iressaqhom lejn is-Salvatur u s-Salvatur iġibilhom il-paċi.5

Intom il-presidenzi tal-kworum u tal-klassi, xammru l-kmiem u ħudu postkom fil-ħidma tal-Mulej.

Intom l-isqfijiet, għaqqdu l-imfietaħ tagħkom ma’ dawk tal-presidenti tal-kworum, u l-kwora tagħkom—u l-oqsma tagħkom—jinbidlu għal dejjem.

U Intom tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, jien nixhed magħkom, bħala wieħed li jaf, li intom ulied maħbubin ta’ Alla, u Hu għandu ħidma lesta għalikom.

Hekk kif tonoraw il-majestà tas-sejħiet tagħkom, b’qalbhom kollha, b’moħħkom kollu, u bis-setgħa u l-qawwa tagħkom kollha, intom issiru tħobbu lil Alla u żżommu l-patti tagħkom u tafdaw fis-saċerdozju tiegħu hekk kif tbierku lil ħaddieħor, billi tibdew tbierku l-istess darkom.

Nitlob li tagħmlu li tistgħu, b’enerġija akbar, denja għal dan iż-żmien, biex isservu, teżerċitaw il-fidi, tindmu, u titjiebu kuljum, biex tikkwalifikaw ħalli tirċievu l-barkiet tat-tempju u l-ferħ dejjiem li jinkiseb biss permezz tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Nitlob li intom tippreparaw biex issiru dak il-missjunarju diliġenti, dak ir-raġel jew mara leali fiż-żwieġ, dak il-missier jew omm kollha mħabba li ġejtu mwiegħda li ultimament issiru billi tkunu dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

Jalla intom tgħinu tħejju lid-dinja għar-ritorn tas-Salvatur, billi tistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu u jirċievi l-barkiet tal-Espjazzjoni Tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Luqa 22:19.

  2. David A. Bednar, “Becoming a Missionary,” Liahona, Nov. 2005, 46.

  3. “Qed nipprova nkun bħal Ġesù, qed nimxi fit-triqat tiegħu. Qed nipprova nħobb kif ħabb hu, f’dak kollu li nagħmel u ngħid” (“I’m Trying to Be like Jesus,” Children’s Songbook, 78–79).

  4. Moses 1:39.

  5. Jien nixtieq nesprimi personalment l-apprezzament tiegħi għal ġenituri u mexxejja ddedikati tul l-istorja tagħna li b’tant qlubija għenu liż-żgħażagħ jesperjenzaw it-tkabbir. Nagħraf li l-isforz il-ġdid Tfal u Żgħażagħ seta’ jseħħ grazzi għal kull programm ta’ attività u kisbiet li ġie qablu.