Sejħa Nobbli mill-Aktar Speċjali
Bħala nisa ta’ fidi, aħna nistgħu nirrikorru għall-prinċipji tal-verità mill-esperjenzi tal-Profeta Joseph li jagħtuna ċerti ideat kif aħna nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni tagħna.
Jiena grata li llum nista’ niffoka r-rimarki tiegħi fuq l-irwol kontinwu tan-nisa fir-Restawrazzjoni. Huwa mil-aktar ċar li tul l-istorja n-nisa dejjem żammew post distintiv fil-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Il-President Russell M. Nelson għallem, “Se tkun ħaġa impossibbli li nkejlu l-influwenza li … in-nisa għandhom, mhux biss fuq il-familji iżda wkoll fuq il-Knisja tal-Mulej, bħala nisa miżżewġin, ommijiet, u nanniet; bħala aħwa u zijiet; bħala għalliema u mexxejja; u speċjalment bħala nies eżemplari u difensuri devoti tal-fidi.”1
178 sena ilu, fis-Soċjetà tal-Għajnuna tal-ewwel żminijiet ġo Nauvoo, il-Profeta Joseph Smith ta parir lill-aħwa nisa biex “jagħmlu li jistgħu biex jiksbu l-milja tal-privileġġ disponibbli għalihom.”2 Illum aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tagħhom. Huma mxew magħqudin wara l-leħen tal-profeta u għexu b’fidi ferma f’Ġesù Kristu hekk kif għenu fil-bini tal-pedament li ninsabu weqfin fuqu bħalissa. Ħuti, issa jeħtieġ nagħmlu xi ħaġa aħna wkoll. Aħna ngħatajna responsabbiltà divina mill-Mulej, u l-kontribut leali u uniku tagħna hu mill-aktar importanti.
Il-President Spencer W. Kimball spjega: “Li tkun mara ġusta f’dan l-aħħar żmien fuq din id-dinja, qabel it-tieni miġja tas-Salvatur tagħna, hija sejħa nobbli mill-aktar speċjali. Il-qawwa u l-influwenza ta’ mara ġusta illum jistgħu jinħassu għaxar darbiet aktar milli fi żmien aktar trankwill.”3
Bl-istess mod il-President Nelson ħeġġiġna: “Nitlob lill-ħuti n-nisa tal-Knisja … biex tagħmlu pass ’il quddiem! Araw li tokkupaw il-post xieraq u bżonnjuż tagħkom fid-djar tagħkom, fil-komunità tagħkom, u fis-saltna ta’ Alla—aktar minn qatt qabel.”4
M’ilux, jiena kelli l-privileġġ, flimkien ma’ grupp ta’ tfal tal-Primarja, li niltaqa’ mal-President Russell M. Nelson fir-replika tad-dar tal-familja Smith ġewwa Palmyra, New York. Isimgħu lill-maħbub profeta tagħna jgħallem lit-tfal x’jistgħu jagħmlu huma biex jagħmlu pass ’il quddiem.
Sister Jones: “Għandi kurżità li nkun naf jekk għandkomx xi mistoqsija li tixtiequ tistaqsu lill-President Nelson. Intom tinsabu bilqiegħda hawnhekk mal-profeta. Hemm xi ħaġa li dejjem ridtu tistaqsu profeta? Iva, Pearl.”
Pearl: “Diffiċli tkun profeta? Inti, per eżempju, dejjem ikollok x’tagħmel?”
President Nelson: “Dażgur diffiċli. Kull ħaġa li ħa twassal biex issir tixbah aktar lis-Salvatur hi diffiċli. Per eżempju, meta Alla ried jagħti l-Għaxar Kmandamenti lil Mosè, fejn qallu biex imur lil Mosè? Fuq il-quċċata ta’ muntanja, fuq il-quċċata tal-Muntanja Sinaj. Għalhekk Mosè kellu jimxi sa’ fuq il-quċċata ta’ dik il-muntanja biex jikseb l-Għaxar Kmandamenti. Issa, Missierna tas-Smewwiet seta’ qallu, ‘Mosè, inti ibda miexi minn hemm u jiena nibda minn hawn, u niltaqgħu f’nofs triq.’ Le, il-Mulej iħobb jara l-isforzi li nagħmlu, għax l-isforz iġibilna l-barkiet li ma nistgħux niksbuhom mingħajru. Per eżempju, intom ġieli attendejtu għal-lezzjonijiet tal-pjanu?”
Tfal: “Iva.”
Pearl: “Jien nitgħallem il-vjolin.”
Il-President Nelson: “U tagħmlu xejn prattika?”
Tfal: “Iva.”
Il-President Nelson: “X’jiġri jekk ma tipprattikawx?”
Pearl: “Tinsa.”
Il-President Nelson: “Iva, ma tagħmilx progress, hux hekk? Għalhekk it-tweġiba hija iva, Pearl. Jeħtieġ ħafna sforz, ħafna xogħol iebes, ħafna studju, u ma tispiċċa qatt. Dik ħaġa tajba! Dik ħaġa tajba, għaliex aħna dejjem qed nagħmlu progress. Anke fil-ħajja li jmiss inkunu qed nagħmlu progress.”
Ir-rispons tal-President Nelson lil dawn it-tfal prezzjużi qiegħed jestendih lilna lkoll. Il-Mulej iħobb jara l-isforzi li nagħmlu, għax l-isforz iġibilna l-barkiet. Aħna nibqgħu nipprattikaw. Aħna dejjem qegħdin nagħmlu progress sakemm inkunu qed nagħmlu li nistgħu biex nimxu wara l-Mulej.5 Hu ma jistenniex il-perfezzjoni minna llum. Aħna nibqgħu telgħin il-Muntanja Sinaj personali tagħna. Kif ġara fil-passat, il-vjaġġ tagħna fil-fatt għandu bżonn minna ċert sforz, li naħdmu iebes u nistudjaw, iżda l-impenn tagħna li nagħmlu progress iġibilna barkiet eterni.6
X’nitgħallmu aktar mill-Profeta Joseph Smith u l-Ewwel Viżjoni dwar l-isforz, ix-xogħol iebes, u l-istudju? L-Ewwel Viżjoni tagħtina ċerta direzzjoni fl-irwol uniku u kontinwu tagħna . Bħala nisa ta’ fidi, aħna nistgħu nirrikorru għall-prinċipji tal-verità mill-esperjenzi tal-Profeta Joseph li jipprovdulna ċerti ideat kif aħna nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni tagħna. Per eżempju:
-
Aħna qed naħdmu fost ħafna diffikultajiet.
-
Aħna nduru lejn l-iskrittura biex nirċievu l-għerf li naġixxu.
-
Aħna nuru l-fidi u l-fiduċja tagħna f’Alla.
-
Aħna nestendu l-qawwa tagħna li nitolbu lil Alla biex jgħinna nwaqqfu l-influwenza tal-avversarju.
-
Aħna noffru x-xewqat ta’ qalbna lil Alla.
-
Aħna niffokaw fuq id-dawl Tiegħu li jiggwida ħajjitna u jieqaf fuqna meta aħna nduru lejh.
-
Aħna nirrealizzaw li Hu jaf lil kull wieħed u waħda minna u għandu rwoli individwali għalina xi nwettqu.7
Barra minn hekk, Joseph Smith irrestawra l-għarfien li aħna għandna dwar il-potenzjal divin u l-valur etern tagħna. Minħabba dik ir-relazzjoni ma’ Missierna tas-Smewwiet, jien nemmen li Hu jistenna minna li nirċievu r-rivelazzjoni mingħandu.
Il-Mulej talab lil Emma Smith biex “tirċievi l-Ispirtu s-Santu,” biex titgħallem ħafna, biex “tpoġġi fil-ġenb il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, … tfittex li tagħmel dak li hu l-aħjar,” u biex “tibqa’ fidila lejn il-patti tagħha” ma’ Alla.8 It-tagħlim hu integrali biex inkunu nistgħu nagħmlu progress, speċjalment hekk kif is-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu tgħallimna x’inhu meħtieġ li lkoll kemm aħna nwarrbu minn ħajjitna—jiġifieri dak li jista’ jaljenana jew itellef il-progress tagħna.
Il-President Nelson qal, “Jiena nitlobkom sabiex tkabbru l-kapaċità spiritwali tagħkom biex tirċievu r-rivelazzjoni.”9 Il-kliem tal-profeta tagħna jinsab dejjem f’qalbi hekk kif jien nikkontempla l-abbiltà tal-mara li tagħmel pass ’il quddiem. Huwa qed jitlobna bil-ħerqa, u dan jindika s-sens ta’ prijorità. Hu qed jgħallimna kif nistgħu nsalvaw spiritwalment f’dinja marida bid-dnub billi nirċievu u naġixxu skont ir-rivelazzjoni.10 Hekk kif nagħmlu dan, li nonoraw u ngħixu l-kmandamenti tal-Mulej, aħna niġu mwiegħda, l-istess bħal Emma Smith, “kuruna tal-ġustizzja.”11 Il-Profeta Joseph għallem dwar l-importanza li nkunu nafu li t-triq li ninsabu mexjin fiha f’din il-ħajja hija dik approvata minn Alla. Mingħajr dak l-għarfien, aħna “nispiċċaw ngħajjew moħħna, u ninfnew.”12
F’din il-konferenza, aħna nisimgħu l-veritajiet li jispirawna biex inbiddlu, intejbu, u nsaffu ħajjitna. Permezz ta’ rivelazzjoni personali, aħna nistgħu nipprevjenu dak li xi wħud isejħulu “il-piż tal-konferenza ġenerali”—meta noħorġu daqstant determinati li rridu nagħmlu kollox issa. In-nisa jippruvaw jagħmlu diversi rwoli, iżda hija ħaġa impossibbli, u mhux neċessarja, li nagħmluhom kollha f’daqqa. L-Ispirtu jgħinna niddeterminaw fuq xiex għandna niffokaw illum.13
L-influwenza kollha mħabba tal-Mulej permezz tal-Ispirtu s-Santu tgħinna nsiru nafu x’inhi l-prijorità Tiegħu għall-progress tagħna. Li aħna nagħtu kas tar-rivelazzjoni personali jwassalna għal progress personali .14 Aħna nisimgħu u naġixxu.15 Il-Mulej qal: “Itolbu lill-Missier f’ismi b’fidi, filwaqt li temmnu li intom se tirċievu, u intom ikollkom magħkom l-Ispirtu s-Santu, li jurikom dak kollu li jaqbel għalilkom.”16 L-irwol kontinwu tagħna hu li nirċievu r-rivelazzjoni kontinwa.
Hekk kif aħna nitgħallmu nsiru aktar profiċjenti f’dan, aħna nirċievu aktar qawwa fl-irwoli individwali tagħna li nimministraw u nwettqu l-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni—li verament “inwarrbu l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u nfittxu ħwejjeġ li jippartjenu għal dinja aħjar.”17 Imbagħad inkunu nistgħu nispiraw b’mod aktar effettiv il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa biex tagħmel l-istess.
Ħuti, aħna lkoll infittxu l-qawwa ta’ Alla f’ħajjitna.18 Teżisti għaqda mill-isbaħ bejn in-nisa u l-irġiel biex flimkien iwettqu l-ħidma ta’ Alla llum. Aħna naċċessaw il-qawwa tas-saċerdozju permezz tal-patti, li l-ewwel nagħmlu fl-ilmijiet tal-magħmudija u mbagħad bejn il-ħitan tat-tempji mqaddsa.19 Il-President Nelson għallimna, “In-nisa u l-irġiel kollha li jagħmlu l-patti ma’ Alla u jżommu dawk il-patti, u li jipparteċipaw b’mod den fl-ordinanzi tas-saċerdozju, għandhom aċċess dirett mal-qawwa ta’ Alla.”20
L-ammissjoni personali tiegħi llum hi li bħala mara jiena m’għaraftx, aktar kmieni f’ħajti, li jien għandi aċċess, permezz tal-patti tiegħi, għall-qawwa tas-saċerdozju.21 Ħuti, jien nitlob li aħna nagħrfu u ngħożżu l-qawwa tas-saċerdozju hekk kif aħna “nibqgħu fidili lejn il-patti tagħna,”22 u nħaddnu l-veritajiet tal-iskrittura, u nagħtu widen ta’ kliem il-profeti ħajjin tagħna.
Ejjew niddikjaraw b’mod ċar id-devozzjoni tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn is-Salvatur tagħna, “b’fidi soda fih, filwaqt li niddependu kompletament fuq il-merti ta’ dak li għandu s-setgħa li jsalva.”23 Ejjew b’ferħ inkomplu mexjin ’il quddiem f’dan il-vjaġġ lejn l-ogħla potenzjal spiritwali tagħna u ngħinu lil dawk ta’ madwarna biex jagħmlu l-istess permezz tal-imħabba, tas-servizz, tat-tmexxija u l-kompassjoni.
Il-Presbiteru James E. Talmage bil-ħlewwa jfakkarna, “L-akbar difensur fid-dinja tan-nisa u tal-irwol tagħhom huwa Kristu Ġesù.”24 Fl-aħħar analiżi dwar l-irwoli kontinwi tan-nisa fir-Restawrazzjoni, u għalina lkoll, liema rwol huwa l-aktar importanti? Jiena nixhed li hu dak li nisimgħuh ,25 li nimxu warajh,26 li nafdawh,27 u li nsiru estensjoni ta’ mħabbtu.28 Jiena naf li Huwa jgħix.29 Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.