Konferenza Ġenerali
Fil-Fond ta’ Qalbna
Konferenza Ġenerali April 2020


Fil-Fond ta’ Qalbna

Il-Mulej qed jipprova jgħinna—lkoll kemm aħna—inwasslu l-evanġelju Tiegħu aktar fil-fond ta’ qalbna.

Ħuti Xi żmien meraviljuż qed ngħixu fih. Hekk kif qed niċċelebraw il-bidu tar-Restawrazzjoni hu xieraq ukoll li niċċelebraw ir-Restawrazzjoni kontinwa li aħna lkoll xhieda tagħha. Flimkien magħkom nħossni ferħan li ninsabu ngħixu f’dan iż-żmien.1 Il-Mulej ikompli jwettaq, permezz tal-profeti tiegħu, dak kollu meħtieġ biex jgħinna nitħejjew ħalli nirċevuh.2

Waħda minn dawn l-affarijiet meħtieġa hi l-inizjattiva Tfal u Żgħażagħ. Ħafna minnkom intom familjari mal-enfażi li dan il-programm qed jagħmel fuq li nfasslu ċerta għanijiet, fuq l-emblemi ġodda ta’ appartenenza, u l-konferenzi Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ. Iżda m’għandniex inħallu dawn iċajpru lill-veduta tagħna dwar il-prinċipji li l-programm hu mibni fuqhom u l-għan tagħhom: li jgħin sabiex l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jitwassal f’qalb it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.3

Jien nemmen li hekk kif aħna nibdew naraw b’aktar ċarezza dawn il-prinċipji, aħna nagħrfu li dan hu aktar minn sempliċiment programm għall-membri ta’ bejn it-8 u t-18-il sena. Se naraw kif il-Mulej qed jipprova jgħinna—lkoll kemm aħna—inwasslu l-evanġelju Tiegħu aktar fil-fond ta’ qalbna. Nitlob sabiex l-Ispirtu s-Santu jgħinna nitgħallmu flimkien.

Relazzjonijiet—“Kunu Magħhom”4

L-ewwel prinċipju hu r-relazzjonijiet. Peress li huma daqstant parti naturali mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu, xi kultant ninsew x’importanza r-relazzjonijiet għandhom fil-vjaġġ kontinwu tagħna lejn Kristu. Aħna mhux mistennija nsibu jew nimxu t-triq tal-patt weħidna. Aħna neħtieġu l-imħabba u s-sapport mill-ġenituri, minn membri oħra tal-familja, u minn ħbieb, u mexxejja li jinsabu wkoll mexjin fit-triq.

Dawn it-tip ta’ relazzjonijiet jieħdu l-ħin. Ħin biex inkunu flimkien. Ħin biex nidħqu, nilagħbu, nitgħallmu u nservu flimkien. Ħin biex napprezzaw l-interessi u l-isfidi ta’ xulxin. Ħin biex inkunu onesti bejnietna hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inkunu aħjar flimkien. Dawn ir-relazzjonijiet huma waħda mill-għanijiet ewlenin għalfejn niġbru flimkien il-familji, il-kwora, il-klassijiet, u l-kongregazzjonijiet. Huma l-pedament għal ministeru effettiv.5

Il-Presbiteru Dale G. Renlund għallimna dwar sigriet li jgħinna niżviluppaw dawn ir-relazzjonijiet meta qal: “Biex inservu lil ħaddieħor b’mod effettiv jeħtieġ inħarsu lejh … permezz ta’ għajnejn Missierna tas-Smewwiet. Hekk biss aħna nibdew nifhmu l-veru valur ta’ persuna. Hekk biss aħna nkunu nistgħu nagħrfu l-imħabba li Missierna tas-Smewwiet għandu għal uliedu kollha.”6

Li naraw lil ħaddieħor kif jarahom Alla huwa don. Jien nistieden lilna lkoll biex infittxu dan id-don. Hekk kif għajnejna jinfetħu biex naraw,7 aħna nkunu kapaċi wkoll ngħinu lil ħaddieħor jara lilu nnifsu kif jarah Alla8 Il-President Henry B. Eyring enfasizza l-qawwa ta’ dan meta qal: “L-aktar ħaġa importanti hi x’jitgħallem ħaddieħor minnek dwar min huma verament u x’jistgħu jsiru. Jien naħseb li din ma jitgħallmuhiex daqstant minn xi lekċer. Jitgħallmu dan mis- sentimenti tagħhom ta’ min intom, min taħsbu li huma, u x’taħsbu li jistgħu jsiru.”9 Li ngħinu lil ħaddieħor jifhem il-vera identità u għan tiegħu hu wieħed mill-akbar rigali li nistgħu nagħtu.10 Li nħrasu lejn ħaddieħor u lejna nfusna kif iħares lejna Alla iwassal biex jgħaqqad qlubna “flimkien f’unità u mħabba.”11

Bil-forzi sekulari li aktar ma jmorru aktar jiġbduna lejhom, aħna neħtieġu l-qawwa li nistgħu niksbuha permezz ta’ relazzjonijiet ta’ mħabba. Għalhekk hekk kif aħna nippjanaw l-attivitajiet u l-laqgħat tagħna ejjew niftakru li wieħed mill-għanijiet ġenerali ta’ dawn il-laqgħat hu li nibnu relazzjonijiet ta’ mħabba li jgħaqqduna, u jgħinuna nwasslu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu aktar fil-fond ta’ qlubna.12

Rivelazzjoni, Volontà, u Ndiema—“Nikkonnetjawhom mas-Smewwiet”13

Bla dubju, mhux biżżejjed li nkunu magħudin flimkien. Hemm diversi gruppi u organizzazzjonijiet li jingħaqdu flimkien f’kawżi differenti. Iżda l-għaqda li aħna nfittxu hi li nsiru ħaġa waħda fi Kristu, li nikkonnetjaw ruħna miegħu.14 Biex ngħaqqdu qlubna mas-smewwiet, neħtieġu esperjenzi spiritwali individwali, kif għadu kif kellimna dwarhom b’mod elokwenti l-Presbiteru Andersen.15 Dawk l-esperjenzi niksbuhom hekk kif l-Ispirtu s-Santu jwassal il-kelma u l-imħabba ta’ Alla f’moħħna u f’qalbna.16

Din ir-rivelazzjoni niksbuha permezz tal-iskrittura, speċjalment il-Ktieb ta’ Mormon; permezz tal-kliem ispirat tal-profeti ħajjin u dixxipli fidili oħra; u permezz tal-leħen ħelu, u sieket.17 Dan il-kliem hu ferm aktar minn sempliċi inka fuq karta, ħoss f’widnejna, ħsibijiet f’moħħna, jew sentimenti f’qalbna. Il-kelma ta’ Alla hi qawwa spiritwali.18 Hi verità u dawl.19 Hi kif aħna nisimgħuh! Il-kelma twassal biex tagħti bidu u tkabbar il-fidi tagħna fi Kristu u tħeġġeġ fina xewqa li nsiru aktar bħas-Salvatur—jiġifieri li nindmu u nimxu fit-triq tal-patt.20

April li għadda, il-President Russell M. Nelson għenna nifhmu l-irwol ewlieni tal-indiema f’dan il-vjaġġ rivelatorju.21 Hu qal: “Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. … Aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!”22 Il-proċess tal-bidla, stimulat permezz tal-kelma ta’ Alla, hu kif aħna nikkonnetjaw ruħna mas-smewwiet.

Sottostanti fl-istedina tal-President Nelson biex nindmu hemm il-prinċipju tal-volontà. Jeħtieġ nagħżlu l-indiema għalina nfusna. L-evanġelju ma jistax jiġi sfurzat ġo qlubna. Kif qal il-Presbiteru Renlund, “L-għan ta’ Missierna tas-Smewwiet bħala ġenitur mhuwiex li jwassal lil uliedu biex jagħmlu t-tajjeb; hu li jwassal lil uliedu jagħżlu li jagħmlu t-tajjeb.”23

Fil-programmi li posthom ittieħed minn Tfal u Żgħażagħ, kien hemm ’il fuq minn 500 ħtieġa x’wieħed iwettaq biex ikun jista’ jirċievi numru ta’ rikonoxximenti.24 Illum, essenzjalment teżisti waħda biss. Hi stedina biex nagħżlu li nsiru nixbħu aktar lis-Salvatur. Aħna nagħmlu dan billi nirċievu l-kelma ta’ Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu u nagħtu ċans lil Kristu biex jibdilna fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna.

Dan hu ferm aktar minn eżerċizzju kif infasslu l-għanijiet tagħna jew kif intejbu lilna nfusna. L-għanijiet huma biss għodda li tgħinna nikkunnetjaw mas-smewwiet permezz tar-rivelazzjoni, tal-volontà, u l-indiema—li nersqu lejn Kristu u nirċievu l-evanġelju Tiegħu b’aktar intensità fil-fond ta’ qalbna.

Ingaġġ u Sagrifiċċju—“Ħalluhom Imexxu”25

Finalment, biex inwasslu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-fond ta’ qalbna jeħtieġ li ningaġġaw ruħna fih—li noffru l-ħin u t-talenti tagħna għalih, li nissagrifikaw għalih.26 Aħna lkoll irridu ngħixu ħajja li fiha skop, u dan japplika speċjalment għall-ġenerazzjoni li għadha tielgħa. Huma jixtiequ li jkollhom kawża għal xiex jaħdmu.

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu l-akbar kawża fid-dinja. Il-President Ezra Taft Benson qal: “Aħna ġejna mitlubin minn Alla biex nieħdu l-evanġelju fid-dinja kollha. Din hi l-kawża li għandha tgħaqqadna llum. Hu biss l-evanġelju li se jsalva d-dinja mis-sofferenza tal-qerda tagħha stess. Hu biss l-evanġelju li se jgħaqqad fil-paċi flimkien lill-irġiel u n-nisa ta’ kull razza u ġens. Hu biss l-evanġelju li jwassal il-ferħ, l-hena, u s-salvazzjoni lill-familja umana.”27

Il-Presbiteru David A. Bednar wegħedna, “Hekk kif aħna nsaħħu liż-żgħażagħ billi nistednuhom u nagħtuhom iċ-ċans li jaġixxu, il-Knisja timxi ’l quddiem b’mod mirakoluż.”28 Kemm-il darba aħna ma stedinniex u ma tajniex ċans liż-żgħażagħ biex jissagrifikaw għal din il-kawża kbira ta’ Kristu. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell osserva, “Jekk iż-żgħażagħ tagħna qed iħossu li ma jistgħux ikampaw mal-ħidma ta’ Alla, probabbilment li huma mhux qed ikampaw mad-dinja.”29

Il-programm Tfal u Żgħażagħ jiffoka fuq it-tisħiħ taż-żgħażagħ. Ikunu huma li jagħżlu l-għanijiet tagħhom. Il-presidenzi tal-kworum u tal-klassi qegħdin inpoġġuhom fl-irwol xieraq tagħhom. Il-kunsill taż-żgħażagħ tal-qasam, bħal kull kunsill ieħor tal-qasam, jiffoka fuq il-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni.30 Il-kwora u l-klassijiet jibdew il-laqgħat tagħhom billi jiddiskutu flimkien dwar kif għandhom iwettqu l-ħidma li Alla tahom.31

Il-President Nelson qal liż-żgħażagħ tal-Knisja: “Jekk hi l-għażla tagħkom, jekk intom tridu … intom tistgħu tkunu parti importanti minn xi ħaġa kbira, xi ħaġa grandjuża, xi ħaġa maestuża! … Intom fost l-aqwa li l-Mulej qatt bagħat f’din id-dinja.” Intom għandkom il-kapaċità li tkunu aktar intelliġenti u għaqlin u għandkom impatt akbar fuq id-dinja mill-ġenerazzjoni ta’ qabilkom!”32 F’okkażjoni oħra, il-President Nelson qal liż-żgħażagħ: “Jiena għandi kunfidenza sħiħa fikom. Inħobbkom, u l-istess il-Mulej. Aħna l-poplu Tiegħu, ninsabu ingaġġati flimkien fil-ħidma mqaddsa Tiegħu.”33 Intom iż-żgħażagħ, tistgħu tħossu l-fiduċja li l-President Nelson għandu fikom u kemm intom importanti għal din il-ħidma?

Intom il-ġenituri u l-mexxejja adulti, nistedinkom biex tħarsu lejn iż-żgħażagħ kif iħares lejhom il-President Nelson. Hekk kif iż-żgħażagħ iħossu fihom l-imħabba u l-fiduċja, hekk kif intom tħeġġuhom u tgħallmuhom kif imexxu—u mbagħad iżżulu minn nofs—huma jgħaġġbukom bl-ideat ul-abbiltajiet tagħhom, u bl-impenn tagħhom lejn l-evanġelju.34 Huma jħossu l-ferħ li jagħżlu li jingaġġaw irwieħhom u jissagrifikaw għall-kawża ta’ Kristu. L-evanġelju Tiegħu jidħol b’aktar qawwa fil-fond ta’ qalbkom, u l-ħidma timxi ’l quddiem b’modi mirakolużi.

Wegħda u Testimonjanza

Jiena nwegħidkom li hekk kif aħna niffokaw fuq dawn il-prinċipji—relazzjonijiet, rivelazzjoni, volontà, indiema, sagrifiċċju—l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jinżel aktar fil-fond ta’ qalbna. Aħna naraw ir-Restawrazzjoni timxi ’l quddiem lejn l-għan aħħari tagħha, il-fidwa ta’ Iżrael u t-twaqqif ta’ Sijon,35 fejn Kristu se jsaltan bħala s-Sultan tas-Slaten.

Jiena nixhed li Alla jkompli jagħmel dak kollu neċessarju biex iħejji l-poplu Tiegħu għal dak il-jum. Jalla aħna naraw idu f’din il-ħidma glorjuża hekk kif nagħmlu li nistgħu biex “nersqu lejn Kristu u nipperfezzjonaw ruħna fih.”36 F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Doctrine and Covenants 45:12. Il-President Nelson qal: “Aħsbu ftit dwar l-eċċitament u l-urġenza ta’ dan kollu: kull profeta minn żmien Adam ra żmienna. U kull profeta tkellem dwar iż-żmien li se ngħixu fih aħna, meta Iżrael se jinġabar flimkien u d-dinja se tkun imħejjija għat-Tieni Miġja tas-Salvatur. Aħsbu ftit dwar dan! Dwar in-nies kollha li qatt għexu fuq din id-dinja, huwa aħna dawk li qed ningħataw iċ-ċans li nipparteċipaw f’dan l-avveniment kbir u finali tal-ġabra. Kemm hi ħaġa eċċitanti!” (“Hope of Israel” [devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018], HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org).

    Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland għallem:

    “Kemm qed ngħixu fi żmien sabiħ!

    “L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu l-aktar ħaġa ċerta, l-aktar ħaġa sigura, l-aktar ħaġa ta’ min joqgħod fuqha, u l-aktar verità ta’ sodisfazzjoni fid-dinja u fis-sema, fiż-żmien u fl-eternità. Xejn—l-ebda ħaġa, l-ebda bniedem, l-ebda influwenza—m’hu se żżomm din il-Knisja milli twettaq il-missjoni tagħha u tirrealizza d-destin tagħha ddikjarat minn qabel ma’ ġiet maħluqa d-dinja. … M’hemmx għalfejn nibżgħu jew inkunu nċerti dwar il-futur.

    “B’differenza għal kull żmien ieħor qabilna, din id-dispensazzjoni mhux se tesperjenza apostasija istituzzjonali; mhux se tesperjenza telfien tal-imfietaħ tas-saċerdozju; mhux se ssofri nuqqas ta’ rivelazzjoni minn fomm Alla s-Setgħan. … Xi żmien speċjali qed ngħixu fih!

    “… Ma nafx innutajtux, iżda jiena verament inħossni kunfidenti dwar l-aħħar żminijiet. … Emmnu. Qumu. Kunu fidili. U għamlu l-aħjar li tistgħu f’dan iż-żmien meraviljuż li qed ngħixu fih!” (post fuq il-Facebook, 27 ta’ Mejju, 2015; ara wkoll “Be Not Afraid, Only Believe” [diskors mogħti lill-edukaturi reliġjużi tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja, 6 ta’ Fr., 2015], broadcasts.ChurchofJesusChrist.org).

  2. Ara Ġwanni 1:12.

  3. Ftit wara li ġejna msejħin bħala l-Presidenza Ġenerali tal-Ġuvintur, il-President Henry B. Eyring iddiskuta magħna l-isfidi u l-opportunitajiet li ż-żgħażagħ tal-Knisja qed jiffaċċjaw illum. Hu tana parir kif nistgħu niffokaw fuq dawk il-ħwejjeġ li jgħinu sabiex l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jitwassal fil-fond ta’ qalbhom. Dak il-parir sar ix-xempju tagħna bħala Presidenza tal-Ġuvintur.

  4. Ara “Be with Them,” ChurchofJesusChrist.org/callings/aaronic-priesthood-quorums/my-calling/leader-instruction/be-with-them.

  5. Ara Mosiah 18:25; Moroni 6:5.

  6. Dale G. Renlund, “Through God’s Eyes,” Liahona, Nov. 2015, 94; ara wkoll Moses 1:4–6.

    Il-President Thomas S. Monson għallem: “Aħna għandna r-responsabbiltà li nħarsu lejn l-individwi mhux kien inhuma iżda pjuttost kif jistgħu jsiru. Nitlobkom tħarsu lejhom b’dan il-mod” (“See Others as They May Become,” Liahona, Nov. 2012, 70).

    Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: “Ħafna drabi, il-mod kif żagħżugħ jidher li mhuwiex konformi mal-istandards tal-Knisja, jew mill-mistoqsijiet konfrontali li jagħmel, jew id-dubji li jesprimi malajr jittimbrawh. Ir-riżultat jaf ikun li hu jitbiegħed u, xi kultant, jinqata’ għal kollox. L-imħabba vera ma tħobbx it-tikketti!” (“Unto the Rising Generation,” Ensign, Apr. 1985, 9).

  7. Ara 2 Slaten 6:17.

  8. Stephen L. Richards, bħala membru tal-Ewwel Presidenza, qal, “L-ogħla tip ta’ dixxerniment hu dak li jara f’ħaddieħor u jikxfilhom in-natura tajba tagħhom, it-tajjeb inerenti li hemm fihom” (f’Rapport tal-Konferenza, Apr. 1950, 162; f’ David A. Bednar, “Quick to Observe,” Ensign, Diċ. 2006, 35; Liahona, Diċ. 2006, 19). Ara wkoll 2 Slaten 6:17.

  9. Henry B. Eyring, “Teaching Is a Moral Act” (diskors mogħti fl-Università ta’ Brigham Young, 27 ta’ Aww., 1991), 3, speeches.byu.edu; enfażi miżjuda; ara wkoll Henry B. Eyring, “Help Them Aim High,” Liahona, Nov. 2012, 60–67.

  10. Ara Moses 1:3–6.

  11. Mosiah 18:21; ara wkoll Moses 7:18.

  12. “Dawk il-ġuvintur li għandhom relazzjonijiet pożittivi ma’ xi familji, ħbieb, u mexxejja Qaddisin tal-Aħħar Żmien attivi, li jgħinuhom jiżviluppaw relazzjoni ma’ Missierhom tas-Smewwiet, għandhom aktar ċans li jibqgħu attivi. Ċerti elementi tal-programm—bħall-kurrikulu tal-Ħadd, il-programm ta’ attivitajiet tal-Ġuvintur, l-aspettattivi tal-kisbiet personali … ftit li xejn jaf ikollhom effett mingħajr dawk ir-relazzjonijiet. … Il-mistoqsija importanti hi mhux kemm l-elementi ta’ ċerti programmi speċifiċi sħaħ qed jiġu implimentati, iżda kif dawn qed jikkontribwixxu għar-relazzjonijiet pożittivi li jsaħħu l-identità reliġjuża tal-ġuvintur Qaddisin tal-Aħħar Żmien” (“Be with Them,” ChurchofJesusChrist.org/callings/aaronic-priesthood-quorums/my-calling/leader-instruction/be-with-them).

  13. Ara “Connect Them with Heaven,” ChurchofJesusChrist.org/callings/aaronic-priesthood-quorums/my-calling/leader-instruction/connect-them-with-heaven.

  14. Ara Ġwanni 15:1–5; 17:11; Filippin 4:13; 1 Ġwanni 2:6; Jacob 1:7; Omni 1:26; Moroni 10:32.

  15. L-iskrittura hi mimlija eżempji ta’ dan; dawn huma biss tnejn: 1 Nephi 2:16; Enos 1:1–4.

  16. Ara Luqa 24:32; 2 Nephi 33:1–2; Jacob 3:2; Moroni 8:26; Doctrine and Covenants 8:2–3.

  17. Ara 2 Timotju 3:15–16; Doctrine and Covenants 68:3–4; 88:66; 113:10.

  18. Ara 1 Tessalonikin 1:5; Alma 26:13; 31:5; Helaman 3:29; 5:17; Doctrine and Covenants 21:4–6; 42:61; 43:8–10; 50:17–22; 68:4.

  19. Ara Ġwanni 6:63; 17:17; Alma 5:7; Doctrine and Covenants 84:43–45; 88:66; 93:36.

  20. Ara Ġwanni 15:3; 1 Pietru 1:23; Mosiah 1:5; Alma 5:7, 11–13; 32:28, 41–42; 36:26; 62:45; Helaman 14:13.

  21. Ara 2 Nephi 31:19–21; 32:3, 5.

  22. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67.

  23. Dale G. Renlund, “Għażlu Illum,” Liahona, Nov. 2018, 104.

  24. Din il-figura tinkludi ċerti ħtiġijiet tal-programmi tal-Iskawts, li sa ftit żmien ilu kienu parti mill-programm ta’ attività tal-Knisja għas-subien u l-ġuvintur, primarjament fl-Istati Uniti u l-Kanada. F’inħawi li ma kinux jipparteċipaw fl-Iskawts, in-numru ta’ ħtiġijiet kien ’il fuq minn 200. Barra minn hekk, il-programmi ta’ attività varji għat-tfal u ż-żgħażagħ ġew strutturati b’mod differenti, fejn wasslu biex l-esperjenza sħiħa għall-familji saret aktar kumplessa.

  25. Ara “Let Them Lead,” ChurchofJesusChrist.org/callings/aaronic-priesthood-quorums/my-calling/leader-instruction/let-them-lead.

  26. Ara Omni 1:26; 3 Nephi 9:20; 12:19; Doctrine and Covenants 64:34. “Ir-reliġjon li ma teħtieġ minna li nissagrifikaw kollox qatt ma jista’ jkollha qawwa suffiċjenti biex tipproduċi l-fidi neċessarja għall-ħajja u s-salvazzjon” (Lectures on Faith [1985], 69).

  27. Ezra Taft Benson, The Teachings of Ezra Taft Benson (1988), 167; f’ Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2019), 13; ara wkoll Russell M. Nelson, “Hope of Israel,” HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org.

  28. Laqgħa mal-Presbiteru David A. Bednar; ara wkoll “2020 Temple and Family History Leadership Instruction,” 27 ta’ Fr., 2020, ChurchofJesusChrist.org/family-history.

  29. Neal A. Maxwell, “Unto the Rising Generation,” 11. Il-Presbiteru Maxwell: “Funzjonalment, kemm-il presidenza tal-kworum tad-djaknu u l-għalliema tinsab hemm biex sempliċiment issejjaħ lil xi ħadd biex joffri talba jew iqassam is-sagrament? L-Aħwa, dawn verament huma spirti speċjali, u jistgħu jagħmlu ħwejjeġ mill-aktar sinifikanti jekk nagħtuhom ċans!”

  30. Ara General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 2.2, ChurchofJesusChrist.org.

  31. Hemm diversi riżorsi disponibbli fil-Librerija tal-Evanġelju biex jgħinu liż-żgħażagħ imexxu, li jinkludu “Quorum and Class Presidency Resources,” “Using Come, Follow Me—For Aaronic Priesthood Quorums and Young Women Classes,” u fir-riżorsi għall-klassijiet tat-Tfajliet u tal-kwora tas-Saċerdozju ta’ Aron f’ “Ward or Branch Callings.”

  32. Russell M. Nelson, “Hope of Israel,” HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org. Waqt dan l-istess devozzjonali, il-President Nelson qal: “Missierna tas-Smewwiet baqa’ jżomm ħdejh ħafna mill-ispirti l-aktar nobbli Tiegħu—ippermettuli ngħid, l-ifjen tìm tiegħu—għal din il-fażi finali. Dawk l-ispirti nobbli—dawk l-ifjen plejers u eroj—huma intom!”

  33. Russell M. Nelson, rimarki tal-ftuħ f’ “Children and Youth: A Face to Face Event with Elder Gerrit W. Gong,” 17 ta’ Nov., 2019, broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  34. Il-President Nelson qal: “Jeħtieġ li nħallu liż-żgħażagħ imexxu, partikolarment dawk li ġew imsejħin u distinti biex iservu fil-presidenzi tal-klassi jew tal-kworum. L-awtorità tas-saċerdozju ġiet delegata lilhom. Huma jitgħallmu kif jirċievu l-ispirazzjoni biex imexxu l-klassi jew il-kworum tagħhom” (f’ “Children and Youth Introductory Video Presentation,” 29 ta’ Sett. 2019, ChurchofJesusChrist.org).

    Il-Presbiteru Quentin L. Cook, “Iż-żgħażagħ tagħna qed jintalbu biex jieħdu fuqhom aktar responsabbiltà individwali meta jkunu iżgħar—mingħajr ma l-ġenituri u l-mexxejja jippruvaw jagħmlu dak li jistgħu jwettqu għalihom infushom” (“Aġġustament biex Insaħħu liż-Żgħażagħ,” Liahona, Nov. 2019, 40)

  35. Il-President George Q. Canon għallem: “Alla baqa’ jżomm ħdejh numru ta’ spirti, għal din id-dispensazzjoni, li għandhom il-kuraġġ u d-determinazzjoni li jiffaċċjaw id-dinja, u l-qawwiet tax-xitan, viżibbli u inviżibbli, biex ixandru l-evanġelju u jiddefendu l-verità u jistabbilixxu l-bini ta’ Sijon ta’ Alla tagħna mingħajr biża’ għal xi konsegwenzi. Huwa bagħat dawn l-ispirti f’din il-ġenerazzjoni biex jibnu l-pedament ta’ Sijon biex qatt ma jiġġarrab, u biex inisslu wlied ġusti, u li jonoraw lil Alla, u jonorawh b’mod suprem, u jobduh f’kull ċirkustanza” (“Remarks,” Deseret News, May 31, 1866, 203); ara wkoll Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 186.

  36. Moroni 10:32.