Hosanna u Hallelujah—Ġesù Kristu l-Ħaj: Iċ-Ċentru tar-Restawrazzjoni u l-Għid
F’dan l-istaġun ta’ hosanna u hallelujah, kantaw hallelujah—għax Hu se jsaltan għal dejjem ta’ dejjem!
Għeżież ħuti: permezz ta’ hosanna u hallelujah, aħna niċċelebraw il-Ġesù Kristu l-ħaj f’dan l-istaġun ta’ Restawrazzjoni kontinwa u tal-Għid. B’imħabba perfetta, is-Salvatur tagħna jassigurana: “Bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja.”1
Xi snin ilu, hekk kif jien u Sister Gong ltqajna ma’ familja simpatika, iċ-ċkejkna binthom, Ivy, ftit mistħija ħarġet il-kaxxa tal-vjolin. Hi ħarġet minnu l-ark tal-vjolin, issikkatha u għorkitha bir-raża. Imbagħad poġġiet l-ark fil-kaxxa, għamlet riverenza, u poġġiet bilqiegħda. Peress li kienet għadha bidu, hi qasmet magħna dak kollu li kienet taf dwar il-vjolin. Illum, snin wara, Ivy verament saret taf iddoqq b’mod sabiħ il-vjolin.
F’din il-ħajja mortali, aħna lkoll nixbhu xi ftit lil Ivy u l-vjolin tagħha. Aħna nibdew mill-bidu. Bil-prattika u l-persistenza, aħna nikbru u nitjiebu. Mal-milja taż-żmien, il-volontà morali u l-esperjenzi mortali tagħna jgħinuna nsiru aktar bħas-Salvatur tagħna hekk kif aħna naħdmu miegħu fl-għalqa tiegħu2 u nimxu fit-triq tiegħu tal-patt.
L-anniversarji, fosthom dan il-biċentinarju, jenfasizzaw xejriet ta’ restawrazzjoni.3 Waqt li niċċelebraw ir-Restawrazzjoni kontinwa tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, aħna nħejju wkoll għall-Għid. Fit-tnejn li huma, aħna nifirħu bir-ritorn ta’ Ġesù Kristu. Huwa jgħix—mhux biss dak iż-żmien, iżda llum; mhux biss għal xi wħud, iżda għal kulħadd. Hu ġie u jiġi biex ifejjaq il-qalb miksura, jeħles l-ilsiera, jagħti d-dawl lill-għomja, u jrodd il-ħelsien lill-maħqurin.4 Dan jinkludi lilna lkoll. Il-wegħdiet ta’ fidwa tiegħu japplikaw, irrispettivament mill-passat tagħna, mill-preżent tagħna, jew x’naħsbu fuq il-ġejjieni tagħna.
Għada huwa Ħadd il-Palm. Tradizzjonalment, il-palm hu simbolu tradizzjonali sagru li jesprimi l-ferħ fil-Mulej tagħna, bħad- Daħla Trijonfali ta’ Kristu f’Ġerusalemm, fejn “ħafna nies … ħadu l-friegħi tal-palm u ħarġu jilqgħuh.”5 (Jaf jinteressakom tkunu tafu li din il-pittura oriġinali ta’ Harry Anderson tinsab imdendla fl-uffiċċju tal-President Russell M. Nelson, eżatt wara l-iskrivanija tiegħu.) Fil-ktieb tal-Apokalissi, dawk li jfaħħru lil Alla u l-Ħaruf jagħmlu dan “lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.”6 Flimkien mal-“imnatar tal-ġustizzja” u “il-kuruni tal-glorja,” il-palm huwa inkluż fit-talba dedikatorja tat-Tempju ta’ Kirtland.7
Bla dubju, is-sinifikat ta’ Ħadd il-Palm imur lil hinn mill-folol jilqgħu lil Ġesù permezz tal-palm. F’Ħadd il-Palm, Ġesù daħal ġewwa Ġerusalemm b’tali mod li l-fidili għarfu li kienet ġiet fis-seħħ il-profezija. Kif Żakkarija8 u s-Salmista ħabbru b’mod profetiku, il-Mulej daħal Ġerusalemm riekeb fuq felu hekk kif il-miġemgħa qabdet tgħajjat, “Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet.”9 Hosanna tfisser “salvana issa.”10 Dak iż-żmien, bħal-lum, nifirħu, “Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej.”11
Ġimgħa wara Ħadd il-Palm jiġi Ħadd il-Għid. Il-President Russell M. Nelson jgħallem li Ġesù Kristu “ġie biex iħallas dejn ta’ xi ħaġa li Hu ma kellux jagħti, għaliex aħna kellna dejn ta’ xi ħaġa li ma stajniex inħallsu.”12 Tabilħaqq, permezz tal-Espjazzjoni ta’ Kristu, l-ulied kollha ta’ Alla “jistgħu jsalvaw, jekk jobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.”13 Fl-Għid, aħna nkantaw l-hallelujah. Hallelujah tfisser “faħħru l-Mulej Jaħweh.”14 Il-“Kor tal-Hallelujah” fil- Messiah ta’ Handel hi dikjarazzjoni tal-Għid mill-aktar għażiża li Hu “is-Sultan tas-Slaten u s-Sid tas-Sidien.”15
Il-ġrajjiet sagri ta’ bejn Ħadd il-Palm u Ħadd il-Għid huma l-istorja tal-hosanna u l-hallelujah. L-hosanna hi t-talba ħerqana tagħna lil Alla biex isalvana. L-hallelujah tesprimi t-tifħir tagħna lill-Mulej għat-tama tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. Fl-hosanna u l-hallelujah aħna nagħrfu lil Ġesù Kristu l-ħaj bħala ċ-ċentru tal-Għid u r-restawrazzjoni tal-aħħar żmien.
Ir-restawrazzjoni tal-aħħar żmien tibda bit-teofanija—id-dehra b’mod litterali ta’ Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, liż-żagħżugħ profeta Joseph Smith. Il-Profeta Joseph qal, “Jekk int tħares imqar għal ħames minuti fis-sema, inti titgħallem ferm aktar milli taqra dak kollu li qatt inkiteb fuq is-suġġett.”16 Peress li s-smewwiet reġgħu nfetħu, aħna nafu u “nemmnu f’Alla, il-Missier Etern, u f’Ibnu, Ġesù Kristu, u fl-Ispirtu s-Santu”17—id-Divinità divina.
F’Ħadd il-Għid, tat-3 ta’ April, 1836, fis-snin bikrin tar-Restawrazzjoni, meta ġie ddedikat it-Tempju ta’ Kirtland, deher Ġesù Kristu l-ħaj. Dawk li rawh hemmhekk taw ix-xhieda tagħhom dwaru b’kuntrast komplimentari tan-nar u l-ilma: “Għajnejh kienu qishom fjamma nar; ix-xagħar ta’ rasu kien abjad bħas- silġ verġni; wiċċu kien jiddi aktar mid- dija tax-xemx; u leħnu kien jixbah il-ħoss tat- tgargir ta’ ilmijiet qawwija, sewwasew il-leħen ta’ Jaħweh.”18
F’dik l-okkażjoni, is-Salvatur tagħna ddikjara, “Jiena l-ewwel u l-aħħar, jiena dak li ngħix, jiena dak li ġie maqtul; jiena l-avukat tagħkom mal-Missier.”19 Għal darb’oħra, kuntrast komplimentari—l-ewwel u l-aħħar, jgħix u maqtul. Hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u tmiem,20 li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.21
Wara d-dehra ta’ Ġesù Kristu, dehru wkoll Mosè, Elijas, u Elija. Permezz ta’ direzzjoni divina, dawn il-profeti kbar tal-qedem irrestawraw l-imfietaħ u l-awtorità tas-saċerdozju. B’hekk, “l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni ġew fdati”22 f’idejn il-Knisja rrestawrata tiegħu biex tbierek lill-ulied kollha ta’ Alla.
Il-miġja ta’ Elija fit-Tempju ta’ Kirtland ukoll ġabet fis-seħħ il-profezija tal-Malakija, mit-Testment il-Qadim, li Elija kellu jiġi “qabel ma jasal jum il-Mulej u jum il-biża’.”23 F’din il-miġja, id-dehra ta’ Elija, għalkemm mhux b’xi kumbinazzjoni, inzertat waqt l-istaġun tal-festa Lhudija tal-Għid li skont it-tradizzjoni kienet tantiċipa b’qima r-ritorn ta’ Elija.
Ħafna familji devoti Lhud, fl-ikla tagħhom tal-festa tal-Għid, iħallu post vojt mal-mejda għal Elija. Ħafna minnhom jimlew tazza sax-xifer biex jistednuh u jilqgħuh. U oħrajn, waqt l-ikla tas-Seder tal-Għid, jibagħtu tifel fil-bieb, li xi kultant iħalluh imbexxaq, biex jara jekk Elija jinsabx barra jistenniehom biex idaħħluh ġewwa.24
Biex tiġi fis-seħħ il-profezija u bħala parti mir-restawrazzjoni mwiegħda ta’ kull ħaġa,25 Elija ġie kif kien imwiegħed f’Jum il-Għid u fil-bidu tal-festa Lhudija tal-Għid. Hu ġab miegħu l-awtorità tas-siġill li torbot il-familji fuq l-art u fis-sema. Kif għallem Moroni lill-Profeta Joseph, Elija “se jiżra’ f’qalb l-ulied il-wegħdiet li saru lill-missirijiet, u se jraġġa’ l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom. Li ma kienx hekk,” kompla Moroni, “id-dinja tispiċċa tinqered għal kollox fil-miġja tal-Mulej.”26 L-ispirtu ta’ Elija, li hu manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, iressaqna viċin il-ġenerazzjonijiet tagħna—tal-passat, tal-preżent, u tal-futur—fil-ġenealoġiji, fl-istejjer, u fis-servizz tat-tempju tagħna.
Ejjew fil-qosor naraw ukoll x’inhu s-sinifikat tal-festa Lhudija tal-Għid. Il-festa Lhudija tal-Għid tfakkar il-ħelsien ta’ wlied Iżrael minn 400 sena ta’ jasar. Il-ktieb tal-Eżodu jitkellem dwar kif dan il-ħelsien wasal wara l-kastigi taż-żrinġijiet, tan-nemus, tad-dubbien, tal-mewt tal-baqar, tad-dbabar, tal-infafet, tas-silġ u n-nar, tal-ġradijiet, u taċ-ċpar iswed. L-aħħar kastig hedded bil-mewt tal-iben il-kbir fil-pajjiż, iżda mhux fid-dar ta’ Iżrael—jekk nies dik id-dar iċappsu l-blata tal-bibien tagħhom bid-demm ta’ ħaruf li jkun l-ewwel ferħ bla difett.27
L-anġlu tal-mewt għadda minn ħdejn id-djar immarkati bid-demm simboliku tal-ħaruf.28 Dak il-mument li għadda minn ħdejhom, jew minn fuqhom, jirrappreżenta lil Ġesù Kristu li ultimament għeleb il-mewt. Tabilħaqq, id-demm tal-Espjazzjoni tal-Ħaruf ta’ Alla jagħti lir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna l-qawwa li jiġbor lill-poplu tiegħu f’kull post u ċirkustanza fis-sigurtà tal-merħla tiegħu fuq iż-żewġ naħat tal-velu.
B’mod sinifikanti, il-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi l- “qawwa u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu”29—l-essenza tal-Għid—f’termini ta’ żewġ tipi ta’ restawrazzjoni.
L-ewwel, il-qawmien mill-imwiet jinkludi r-restawrazzjoni fiżika tal-“ġisem perfett” tagħna; tar-“riġlejn u l-ġogi kollha,” u “saħansitra lanqas xahra waħda mir-ras mhu se tintilef.”30 Dik il-wegħda tagħti t-tama lil dawk li tilfu r-riġlejn; li tilfu l-abbiltà li jaraw, jisimgħu, jew jimxu; jew dawk li jħossuhom mitlufin minħabba xi marda kiefra, mard mentali, jew xi nuqqas ieħor ta’ abbiltà. Huwa jsibna. Huwa jfejjaqna.
It-tieni wegħda tal-Għid u l-Espjazzjoni ta’ sidna l-Mulej hi li, spiritwalment, “kull ħaġa sa tiġi rrestawrata għall-istat propju tagħha.”31 Din restawrazzjoni spiritwali, tirrifletti l-għemejjel u x-xewqat tagħna. Bħall-ħobż fuq l-ilma,32 hija tirrestawra “dak li hu tajjeb,” “sewwa,” “ġust,” u “ħanin.”33 Mhux ta’ b’xejn li l-profeta Alma uża l-kelma jirrestawra 22 darba34 hekk kif ħeġġiġna biex “nimxu b’mod ġust, niġġudikaw skont is-sewwa, u nagħmlu tajjeb kontinwament.”35
Peress li “Alla nnifsu patta għad-dnubiet tad-dinja,”36 l-Espjazzjoni tal-Mulej tista’ tfejjaq mhux biss dak li kien, iżda dak li jista’ jkun. Peress li Hu jifhem l-uġigħ, it-tbatijiet, il-mard tagħna, u “kull tip ta’ tentazzjoni” tagħna,37 Hu jista’, bil-ħniena, jgħinna skont is-sofferenza tagħna.38 Peress li Alla hu “Alla perfett, u ġust, kif ukoll Alla ħanin,” il-pjan ta’ ħniena jista’ “jissodisfa d-domanda tal-ġustizzja.”39 Aħna nindmu u nagħmlu dak kollu li nistgħu. Hu jħaddanna eternament “f’dirgħajn imħabbtu.”40
Illum aħna niċċelebraw ir-restawrazzjoni u l-qawmien mill-imwiet. Magħkom jiena nifraħ fir-Restawrazzjoni kontinwa tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Mill-bidu tagħhom 200 ilu f’dan iż-żmien tar-rebbiegħa, id-dawl u r-rivelazzjoni għadhom jiġu żvelati permezz tal-profeta ħaj tal-Mulej u l-Knisja tiegħu msemmija għal ismu—Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien—u permezz tar-rivelazzjoni u l-ispirazzjoni personali bid-don divin tal-Ispirtu s-Santu.
Magħkom, f’dan iż-żmien tal-Għid, jiena nixhed dwar Alla, il-Missier Etern tagħna, u Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu l-ħaj. Kien hemm irġiel mortali li ssallbu b’mod krudili u wara qamu mill-mewt. Iżda hu biss Ġesù Kristu l-ħaj li fil-forma perfetta tiegħu ta’ wieħed imqajjem mill-imwiet baqa’ juri f’idejh, f’riġlejh, u f’ġenbu, il-marki tal-kruċifissjoni . Hu biss jista’ jgħid, “Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja.”41 Hu biss jista’ jgħid: “Jiena dak li ġejt mgħolli ’l fuq. Jiena Ġesù li ġejt imsallab. Jiena Iben Alla.”42
Bħaċ-ċkejkna Ivy u l-vjolin tagħha, aħna f’ċertu sens għadna ninsabu fil-bidu. Verament, “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.”43 F’dawn iż-żminijiet, aħna nistgħu nitgħallmu ħafna dwar it-tjubija ta’ Alla u l-potenzjal divin tagħna biex l-imħabba ta’ Alla tikber fina hekk kif infittxuh u ngħinu lil xulxin. B’modi ġodda u f’postijiet ġodda, aħna nistgħu nagħmlu u nsiru, linja wara linja, tjubija wara tjubija, individwalment u flimkien.
Għeżież ħuti ma’ kullimkien, hekk kif aħna niltaqgħu u nitgħallmu flimkien, il-fidi u t-tjubija tagħkom jimlewni b’sens ta’ eċċitament u gratitudni għall-evanġelju. It-testimonjanza u l-vjaġġ tal-evanġelju tagħkom isaħħu lit-testimonjanza u l-vjaġġ tiegħi fl-evanġelju. It-tħassib u l-ferħ tagħkom, l-imħabba tagħkom għan-nies tad-dar ta’ Alla u għall-komunità ta’ Qaddisin, u d-dehen li intom tgħixu tal-verità u d-dawl rrestawrati jkabbru l-milja tiegħi tal-evanġelju rrestawrat, b’Ġesù Kristu l-ħaj fiċ-ċentru tiegħu. Flimkien għandna l-fiduċja li “imsaħħab jew xemxi, Mulej, miegħi kun.”44 Magħqudin nafu, fost il-ħafna ħsibijiet tagħna, li aħna nistgħu ngħoddu barkietna kollha.45 Fid-dettall ta’ kuljum u permezz ta ħwejjeġ żgħar u sempliċi, aħna nistgħu ntwettqu ħwejjeġ kbar f’ħajjitna.46
“U se jiġri li l-ġusti se jinġabru minn fost il-ġnus kollha, u se jiġu f’Sijon, ikantaw għanjiet ta’ ferħ dejjiemi.”47 F’dan l-istaġun ta’ hosanna u hallelujah, kantaw hallelujah—għax Hu se jsaltan għal dejjem ta’ dejjem! Għajtu hosanna, lil Alla u lil Ħaruf! Fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.